Jitħabbar it-tmien musical li se jittella’ mit-Teatru Astra – ‘Fiddler on the Roof’

“‘Fiddler on the Roof’ hija storja universali li tittratta t-temi tal-familja, l-imħabba u r-reżiljenza ... Kull min jattendi se jkollu ċ-ċans jara interpretazzjonijiet eċċellenti u settijiet spettakolari.”

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li se jittella’ l-musical klassiku “Fiddler on the Roof” fit-Teatru Astra, il-Belt Victoria fil-21, 22, 23, 28, 29, u 30 ta’ Marzu 2025. Il-Ministru qal li, “Għal darb’oħra, dan it-teatru qed jikkonferma ruħu bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tal-produzzjonijiet mużikali f’pajjiżna. Bħala ministeru nkunu fuq quddiem nett biex ngħinu sabiex produzzjonijiet bħal dawn li tant jattiraw nies lejn gżiritna jkun possibbli li jittellgħu.”  

“Fiddler on the Roof” hija storja universali li tittratta t-temi tal-familja, l-imħabba u r-reżiljenza, filwaqt li ssegwi l-istorja ta’ Tevye, bejjiegħ tal-ħalib umli li jissielet biex iżomm it-tradizzjonijiet Lhudija fost bidliet kbar fir-Russja tas-seklu 20. L-udjenza se tkun imħeġġa tidħol f’din id-dinja emozzjonanti permezz tal-mużika indimentikabbli tal-produzzjoni, fosthom “Tradition”, “Sunrise, Sunset” u “If I Were a Rich Man”. Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri kompla jgħid li din il-produzzjoni hija xhieda tal-kwalità u l-professjonalità tat-Teatru Astra, li kontinwament qed iġib produzzjonijiet ta’ livell internazzjonali f’Għawdex. 

Kull min jattendi se jkollu ċ-ċans jara interpretazzjonijiet eċċellenti u settijiet spettakolari, kollha mħejjija b’attenzjoni kbira biex toħloq esperjenza teatrali li tibqa’ mfakkra. L-impenn u d-dedikazzjoni tat-tim kollu, mill-atturi għat-tekniċi, qed jagħmlu minn kollox biex iġibu din l-istorja ħajja b’mod uniku u memorabbli. It-Teatru Astra se jtella’ dan it-tmien musical tiegħu taħt id-direzzjoni artistika ta’ Christopher Gatt u d-direzzjoni mużikali għall-ewwel darba f’idejn Maestro George Apap. L-artist veteran Mark Tonna se jieħu r-rwol ikoniku u principali ta’ Tevye, karattru simpatiku u filosofiku. Francesco Nicodeme se jirritorna bħala koreografu. Id-direzzjoni vokali se tkun immexxija minn Cathy Lawlor, filwaqt li l-kor se jkun immexxi minn Sylvana Attard. 

Il-Ministru temm billi stieden lil kulħadd biex filwaqt li jżur il-gżira Għawdxija jesperjenza dan l-ispettaklu li se joffri serata maġika ta’ mużika, emozzjoni u tradizzjoni. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://eventsingozo.com/event/fiddler-on-the-roof-3/. Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ online fuq teatruastra.org.mt

More in Divertiment