Titnieda Refugee Week Malta; ġimgħa t’attivitajiet fejn tiġi ċċelebrata l-komunità interkulturali

It-tema għal din is-sena, ‘Il-Komunità bħala Superpotenza’, tistedinna nagħrfu l-komunità bħala forza ħajja li trawwem appartenenza f’dinja li ħafna drabi hi kkaratterizzata mill-iżolament

Ir-Refugee Week Malta (RWM25) tirritorna f’Ġunju li ġej u timmarka r-raba’ sena tagħha. Din hija l-edizzjoni lokali tal-akbar festival tal-arti u l-kultura fid-dinja li tonora l-kreattività, ir-reżiljenza u l-kontribuzzjonijiet tan-nies li qed ifittxu s-sigurtà. RWM25 tfittex li toħloq spazju fejn wieħed jiltaqa’; avveniment li jlaqqa’ n-nies flimkien biex jaqsmu l-istejjer, jibnu konnessjonijiet u jrawmu l-fehim fost individwi minn sfond differenti. Huwa festival li jħeġġeġ lin-nies biex jieħdu passi żgħar li jwasslu għal bidliet kbar. Lokalment, din l-inizjattiva hi maħsuba biex tikkontribwixxi lejn Malta aktar inklussiva; inizjattiva fejn tiġi ċċelebrata l-komunità interkulturali.  

It-tema għal din is-sena, ‘Il-Komunità bħala Superpotenza’, tistedinna nagħrfu l-komunità bħala forza ħajja li trawwem appartenenza f’dinja li ħafna drabi hi kkaratterizzata mill-iżolament. Fil-ħajja mgħaġġla li ngħixu f’Malta, fejn ħafna qegħdin iħossuhom dejjem aktar inviżibbli u skonnessi, din it-tema tfakkarna li l-bini ta’ komunitajiet li jimpurtahom huwa att urġenti u sabiħ; att li jkun possibbli jekk ta’ kuljum nuru ħlewwa u qalb tajba, kuraġġ, filwaqt li nagħżlu li nkunu hemm għal xulxin. Il-Komunità mhix sempliċement post fejn tgħix, imma impenn biex tkun preżenti, turi empatija, u tesprimi rispett reċiproku. F’din il-ġimgħa għar-refuġjati, nistiednu lil kulħadd — nies li m’ilhomx jgħixu hawn u anke dawk li ilhom residenti — biex tistaqsu lilkom infuskom: x’azzjonijiet żgħar nista’ nieħu biex ngħin lil dawk ta’ madwari jħossuhom milqugħa?  

Għar-raba’ edizzjoni tagħha, ir-Refugee Week Malta tiċċelebra l-Advisory Group li għadu kif twaqqaf; kollettiv ta’ persuni minn komunitajiet li jfittxu ażil u organizzazzjonijiet lokali li jaħdmu fil-migrazzjoni, fl-arti, u fil-kultura. Imwieled minn impenn li naħsbu u nibnu flimkien, dan il-mudell huwa aktar minn għodda ta’ ppjanar; hija prattika ta’ komunità. Jirrifletti t-twemmin tagħna li r-Refugee Week m’għandhiex tinħoloq għan-nies, imma magħhom. Il-gwida tal-grupp espandiet il-programm ta’ din is-sena għal aktar minn 20 avveniment, imqassmin fuq ħames fergħat vibranti: Exhibition, Participate, Film, Awareness-Raising, u Gather & Celebrate. Dan jirrifletti l-viżjoni ta’ Refugee Week Malta li għadha qed tevolvi. Ma rridux li din tkun biss sensiela ta’ avvenimenti imma moviment li jespandi lil hinn minn hekk, moviment li joffri l-possibbiltà li flimkien nibnu pontijiet, noħolqu sens ta’ appartenenza, u nimmaġinaw futur fejn id-diversità mhux biss tintlaqa’ imma tiġi ċċelebrata bħala l-akbar qawwa tagħna.  

Din is-sena, il-festival qed jingħaqad mal-organizzazzjoni tal-midja: African Media Association Malta u qed jikkollabora ma’ 18-il kollettiv, organizzazzjonijiet u entitajiet li jaħdmu fl-oqsma tal-immigrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, l-arti, il-kultura, l-ikel u l-ambjent; dawn huma: Malta Refugee Council, Spark15, Ġustizzja għall-Palestina, MOAS, Blue Door Education, Migrant Women Association Malta, Migtantour Malta, MGRM, Geġwiġija Library, Unfinished Arts Space, PONKS Collective, AISO Academy, Malta International Arts Festival, Nenu the Artisan Baker, Friends of the Earth Malta, JustNature, l-Università ta’ Malta, u l-Kunsill Lokali tal-Gżira. 

Mumenti ewlenin tal-festival
 

  1. Kisra Ħobż: Din il-wirja tippreżenta stejjer dwar il-produzzjoni tal-ħobż, il-migrazzjoni, u memorja minn dijaspori Mediterranji, tal-Lvant Nofsani, tal-Ewropa tal-Lvant, u tal-Asja t’Isfel. Din tenfasizza l-għeruq multietniċi tal-ħobż u l-irwol universali tiegħu fil-proċess li bih il-kultura, it-tradizzjonijiet, u l-għerf baqa’ jinġarr minn ġenerazzjoni għal oħra. Din il-wirja hija kollaborazzjoni bejn Dance Beyond Borders, Malta International Arts Festival u Maypole. Il-wirja se ssir it-Tnejn 16 ta’ Ġunju — Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju, minn: 12 p.m. – 10:30 p.m., fir-restorant Nenu the Artisan Baker, Il-Belt Valletta. 
     
  2. FLANEUR: Tislima poetika lir-ruħ interkonnessa tal-Ħamrun: il-ħwienet indipendenti, l-erwieħ li jagħmluhom dak li huma, u l-connoisseurs tat-triq li jżuruhom. Diversi attivitajiet immexxija minn PONKS Collective mill-Ħadd 15 sal-Ħadd 22 ta’ Ġunju fl-Iscouts, il-Ħamrun. 
     
  3. Roots in Exile: B’kollaborazzjoni ma’ Unfinished Art Space, l-artista u Perit Kurda Sima Hosseini, li kienet kostretta tħalli darha fl-Iran u bniet ħajja ġdida f’Marsaskala, tippreżenta wirja li fiha l-arti tagħha tinseġ b’mod sabiħ pajsaġġi Maltin b’kultura Kurda biex tesplora l-memorja, is-sbuħija, u l-appartenenza. Din il-wirja se sseħħ it-Tlieta 17 ta’ Ġunju, mis-6 p.m. – 8 p.m., fil-Ġnien ta’ Hastings, Il-Belt Valletta. 
     
  4. Pride & (In)Visibility: Id-dokumentarju “The Distance We Call Home” tal-MGRM joffri rakkont ġurnalistiku li jitfa’ dawl fuq l-esperjenzi ħajja tal-migranti LGBTIQ+ f’Malta, minn refuġjati għal ċittadini ta’ terzi pajjiżi. Din l-attività se ssir il-Ħamis 19 ta’ Ġunju, mis-7:30 p.m. – 10 p.m., fi Storeroom, Ta’ Xbiex. 
     
  5. Konferenza: Biex nimmarkaw il-Jum Dinji tar-Refuġjati 2025, it-tema ta’ din is-sena — Il-Protezzjoni tibda fil-Baħar — se tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti ta’ politiki ta’ migrazzjoni sikuri u umani fil-Mediterran. Din il-konferenza, li se tiġi ospitata mill-Kunsill Malti għar-Refuġjati, se ssir il-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju, minn 12 p.m. – 5:30 p.m., fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana (min jixtieq jattendi għandu jirreġistra għall-konferenza). 

Bl-għeruq f’moviment globali ta’ merħba, il-festival jinkorpora tama għal Malta inklussiva li tħaddan id-diversità bħala l-akbar saħħa tagħha, hekk kif tfakkarna li meta niftħu qalbna u l-komunitajiet tagħna, ilkoll nikbru aktar b’saħħitna flimkien. 

More in Divertiment