Teatru Manoel u Moveo jtellgħu verżjoni kontemporanja tal-produzzjoni klassika ‘The Nutcracker’
F’Diċembru, salpa fuq vjaġġ ta’ Milied maġiku billi żżur it-Teatru Manoel fil-Belt Valletta għal produzzjoni innovattiva u eċitanti ta’ ‘The Nutcracker’ mill-kumpanija taż-żfin Moveo
Teatru Manoel se jtella’ verżjoni innovattiva ta’ produzzjoni festiva mill-kumpanija taż-żfin Moveo. Din il-produzzjoni tiggarantixxi spettaklu għall-familja kollha.
F’Diċembru, salpa fuq vjaġġ ta’ Milied maġiku billi żżur it-Teatru Manoel fil-Belt Valletta għal produzzjoni innovattiva u eċitanti ta’ ‘The Nutcracker’ mill-kumpanija taż-żfin Moveo. Din il-produzzjoni hija waħda perfetta għal serata fi żmien il-Milied addattata għal kull tip ta’ udjenzi ta’ kull età. Din se tittella’ mit-Tnejn 9 ta’ Diċembru sal-Ħamis 12 ta’ Diċembru fis-7pm.
F’din il-produzzjoni, il-ħsejjes ikoniċi fil-kitba oriġinali tal-1892 ta’ Pyotr Illich Tchaikovsky se jitwaħħdu mal-approċċ kontemporanju fil-koreografija tal-kumpanija taż-żfin Moveo. Din il-produzzjoni se tkun qed taqbad l-arti tant maħbuba tal-ballet u tittrasformaha f’rappreżentazzjoni maġika u innovattiva għall-familja kollha. F’din l-istorja se niltaqgħu ma’ Clara, in-Nutcracker Prince, mas-silġ, mal-pupi, maż-żeffiena Għarab u Russi, u ovvjament max-Sugar Plum Fairy.
“‘The Nutcracker’ minn dejjem kont inħobbha”, jgħid Dorian Mallia, id-Direttur Artistiku ta’ Moveo Dance Company. “Ili nħobbha sa minn ċkuniti, u din il-produzzjoni teħodna f’dinja ta’ maġija, logħob u hena! F’Moveo, minn dejjem konna pijunieri li naddattaw produzzjonijiet klassiċi għad-dinja kontemporanja, hekk kif dan jallinja perfettament mal-viżjoni tagħna. ‘The Nutcracker’ hija spettaklu ewlieni fit-teatri nazzjonali madwar id-dinja matul dawn iż-żminijiet ta’ festi tal-Milied, u huwa ta’ unur kbir għalina li ntellgħu l-verżjoni tagħna ġewwa t-Teatru Manoel.”
Moveo Dance Company ġiet stabbilita fl-2008 mid-Direttur Artistiku Dorian Mallia. Illum hija mmexxija wkoll bi sħab mad-Direttriċi u koreografa Diane Portelli. Il-kumpanija tellgħet bosta prestazzjonijiet kontemporanji, kemm lokalment, u anke lil hinn minn xtutna. Il-filosofija artistika ta’ Moveo Dance Company dejjem tfittex l-innovazzjoni u l-esplorazzjoni ta’ kunċetti enigmatiċi fi ħdan il-prestazzjonijiet tagħhom. Il-pedament tal-ħidma tagħhom jinsab fl-istudju kontinwu tal-moviment tal-ġisem uman, waqt li jaraw li l-produzzjonijiet tagħhom jibqgħu dinamiċi u dejjem jevolvu.
Għal iktar informazzjoni fuq din il-produzzjoni innovattiva ‘The Nutcracker’, u sabiex tibbukkja l-biljetti tiegħek, żur https://teatrumanoel.mt/event/moveos-nutcracker/ jew ċempel lill-Box Office tat-Teatru Manoel fuq (+356) 21246389. Din il-produzzjoni ddum madwar siegħa u hi addattata għal kull min għandu tliet snin jew iktar.