Il-bibbja u r-reliġjon jinbidlu fi spettaklu fiċ-ċinema (L-ewwel parti)

Mument storiku li jibqa' mnaqqax fl-istorja ċinetamitika huwa meta fl-1897, il-Papa Ljun XIII meta kien għaddej bil-karozzella tiegħu misjuqa miż-żwiemel għamel mossa b’rasu ta’ approvazzjoni lejn kamera tal-ġbid tal-films taċ-ċinema bikri

Fis-sena 1897, il-Papa Ljun XIII meta kien għaddej bil-karozzella tiegħu misjuqa miż-żwiemel għamel mossa b’rasu ta’ approvazzjoni lejn kamera tal-ġbid tal-films taċ-ċinema bikri. Dan kien mument storiku fejn dan il-kap tal-Knisja Kattolika kien affaxxinat b’dan il-mezz ġdid li jista’ jikkomunika ma’ udjenzi devoti madwar id-dinja. Il-Papa Ljun XIII anzi kien ipperswadut ibierek din il-lenti. Iċ-cinema, wara ftit xhur mit-twelid tiegħu, wkoll rċieva l-magħmudija tiegħu. 

Ta’ min jgħid li papiet ta’ wara taw parir lill-Kattoliċi tajbin li m’għandhomx imorru ġos-swali ċinematografiċi. Imma dawk tal-bidu li bdew jiġbdu l-films mill-ewwel iddeċidew x’se jagħmlu b’din l-iskoperta ġdida. Ftit wara, mal-bidu ta’ seklu ġdid, il-Knisja tat l-appoġġ tagħha u b’hekk id-dehra taċ-ċinema ġiet irrispettata aktar. 

Fis-snin bikrin ta’ din l-invenzjoni tas-Seba’ Arti, dawk involuti fl-iffilmjar tal-films mill-ewwel indunaw li l-poplu kien imxennaq għall-produzzjonijiet elaborati u spettakulari. Malajr irrealizzaw li s-sors ewlieni ta’ dan il-ġeneru ta’ film jinsab fl-aktar ktieb popolari ta’ kull żmien – il-Bibbja u naturalment temi oħra reliġjużi. 

Il-Papa kien irrakkomanda l-ktieb Ben-Hur u l-lezzjoni malajr ittieħdet għax dan il-film inħadem bosta drabi anki bħala film animat (cartoon). L-istorja dwar il-ħajja, passjoni u mewt ta’ Ġesù Kristu kienet l-għażla ewlenija ovvja. Fl-1897, l-aħwa Lumiere (li huma meqjusa bħala missierijiet taċ-ċinema) iffilmjaw rikostruzzjoni tar-reċta tal-palk tal-Passjoni ta’ Horitz u dlonk sabu kompetizzjoni ħarxa mill-produtturi ta’ New York kollha ħerqanin iridu jixtru dan il-proġett biex juruh fis-swali tal-belt. 

Il-films spettakolari li ħolmu bihom il-produtturi ma setgħux jinħadmu fl-era tal-“peep shows” u meta dawn il-magni li tħares fihom minn ħġieġa nqatgħu, il-films bdew isiru itwal. Fl-1907, inħadem għall-ewwel darba Ben-Hur b’ħin ta’ madwar tmien minuti biss. Xi sitt snin wara kienu t-Taljani l-ewwel li pproduċew films semi-Bibbliċi b’tul ta’ aktar minn sagħtejn, bħal Quo Vadis u Cabiria. Naturalment, Hollywood ma baqax lura u ħadmu ħafna films qosra reliġjużi bħal From The Manger To The Cross u Intolerance; dan tal-aħħar dirett mir-rinomat D. W. Griffith. Intolerance, fil-verżjoni oriġinali tiegħu kien jaqbeż it-tliet sigħat. 

Fl-epoka tal-films siekta, il-film Ben-Hur (1926) kien fih l-aqwa spettaklu minnhom kollha. Il-bniedem li ġab il-Bibbja fl-aqwa splendur tagħha kien id-direttur Cecil B. DeMille bil-films kolossali tiegħu The Ten Commandments (1923) u King Of Kings (1927) fi żmien il-films siekta. Dan id-direttur bombastiku dderieġa wkoll Joan the Woman (1916), dwar Ġovanna d’Arco, The Sign of the Cross (1932), The Crusades (1935), Samson and Delilah (1949) u b’mod aktar spettakulari The Ten Commandments (1956). Darba sostna hekk: “Tuni żewġ paġni liema tridu mill-Bibbja u naħdmilkom film sħiħ”. 

Meta nħoloq The Hayes Code fl-1930 minn Will M. Hayes, biex iħares il-moralità, l-aktar tal-ilbies fil-films, id-diretturi kienu jkunu mwerwrin li l-films tagħhom ma jispiċċawx fl-uffiċċju ta’  

Hayes. Cecil B. DeMille kien l-uniku wieħed li daħak b’dan il-bord b’nisa b’nofs ilbies f’dawn il-produzzjonijiet epiċi Bibbliċi. Meta lil Claudett Colbert għażilha għall-parti prinċipali fi Cleopatra (1934), qalilha hekk: “How would you like to be the wickedest women in the world?” 

Meta nitkellmu fuq films meħudin mill-istejjer tal-Bibbja, irridu nifirdu dawk ibbażati minn fuq it-Testment l-Antik minn dawk meħudin mit-Testment il-Ġdid (il-maġġoranza fuq Ġesu Kristu) u l-Atti tal-Appostli. Fl-1929 kien ħareġ Noah’s Ark li kien spettakulari imma sempliċi fl-istess ħin. Mijiet ta’ films kienu addattati mill-istejjer tat-Testment l-Antik. L-aktar memorabbli minn dawn kienu The Private Life Of Adam And Eve (1960), Sodom And Gomorrah (1962), Green Pastures (1936), A Story Of David (1961), David And Bathsheba (1951), Samson And Delilah (1949), The Prodigal (1955), The Ten Commandments (1923 u 1956), Salome (1952), Solomon And Sheba (1959), Esther And the King (1960) u The Story Of Ruth (1960).  

Mit-Testment il-Ġdid insibu ħafna films epiċi u anki kolossali, fosthom; The Sign Of The Cross (1932), The Robe (1953) u s-sequel Dimetrius and the Gladiators (1954), Quo Vadis (1951), The Big Fisherman (1959), Ben-Hur (1927 u 1959), Spartacus (1960), Fabiola (1949), Barabbas (1961), The Silver Chalice (1954), The Fall of the Roman Empire (1964), eċċ. Fl-1966 beda jinħadem il-film The Bible li, oriġinarjament, il-produttur Dino De Laurentiis kien ħabbar li kellu jkun twil 9 sigħat b’diversi diretturi, imma fl-aħħar inħadem biss il-ktieb tal-Ġenesi bid-direttur John Huston u bl-isem The Bible: in the Beginning.

More in Divertiment