Il-film 'Monumental' se jkun l-ewwel film Malti li jagħti bidu lill-Malta Short Film Festival illejla

'Monumental' b'kitba ta' Aleksa Ristović u Giovann Attard huwa wieħed mill-erba’ films Maltin li rnexxilhom isibu posthom fil-festival

Il-poster uffiċjali ta' 'Monumental'
Il-poster uffiċjali ta' 'Monumental'

Il-film lokali ‘Monumental’ li rebaħ madwar tmien premjijiet globali se jkun qed jintwera’ fl-14-il edizzjoni tal-Malta Short Film Festival li se jsir fuq l-istazzjon TVM illejla wara l-aħbarijiet tat-8:00.p.m.

Monumental huwa wieħed mill-erba’ films Maltin li rnexxilhom isibhom posthom fil-kompetizzjoni. F’kummenti mal-ILLUM, id-direttur ta’ dan il-festival, Tony Parnis, spjega li kull sena jirċievu mal-400 film li jgħaddu minn proċess ta’ għażla. Huma biss 24 film minn 400 li jgħaddu għal din il-fażi preżenti u minn hawn jgħaddu minn ġurija oħra li jrebbħu numru ta’ premijiet oħra fosthom ‘l-aqwa stampa.’ Hija f’din il-fażi li l-pubbliku jkun jista’ jibda’ jammira l-films li ntgħażlu.

"Għandi pjaċir ngħid li għandna erba' films magħmula minn Maltin din is-sena," qal bi pjaċir Parnis. Fil-fatt l-ewwel episodju, li se jixxandar illejla, jinkludi tliet films: Il-film Amerikan ‘Pioneers’ ta’ Charlotte Fassler & Dani Girdwood, il-film Ingliż ‘Roy’ ta’ Tom Berkley & Ross White u l-film Malti ‘Monumental’ ta’ Aleksa Ristović.

Il-film ta’ Ristović diġà intwera’ f'45 festival madwar id-dinja, filwaqt li rebaħ tmienja minnhom ġewwa Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Ingilterra, is-Serbja, r-Rumanija, l-Indja u l-Ġappun. L-istess film ra' l-finali f’erba’ pajjiżi u s-semi-finali f’erba’ pajjiżi oħra.

Id-direttur tal-film 'Monumental', Aleksa Ristović
Id-direttur tal-film 'Monumental', Aleksa Ristović

Il-gazzetta tkellmet mad-direttur ta’ Monumental, Aleksa Ristović, li spjega kif dan il-film ma kienx ikun possibli mingħajr it-tim tiegħu inkluż martu Tania Ristović.  Spjega kif minn taħt il-pinna ta’ Giovann Attard, ħarġet poeżija li mbagħad ġiet addatatta f’dan il-film. L-istorja hija dwarr vjaġġ spiritwali profond bl-għan li l-karratru jsib il-post ideali li fih iħalli marka tiegħu fid-dinja.

Ara l-film 'Monumental' hawnhekk.

Id-direttur tal-Malta Short Film Festival, Tony Parnis
Id-direttur tal-Malta Short Film Festival, Tony Parnis

‘Nipruvaw li bil-kummenti tagħna, in-nies japprezzaw l-istampa, l-editing, r-reċtar fost oħrajn’ – Tony Parnis

Mal-ILLUM Tony Parnis, b’esperjenza f’dan is-settur ta’ aktar minn 40 sena, spjega li f’kull programm jintwerew tliet films. Panel ta’ ġurija fosthom Charles Stroud u Tony Cassar Darien jagħmlu l-kummenti tagħhom matul il-programm flimkien mal-preżentatriċi Vanessa Vella.

Uħud mill-ġurija. (Lemin) Tony Cassar Darien, il-preżentatriċi Vanessa Vella u (xellug) Charles Stroud
Uħud mill-ġurija. (Lemin) Tony Cassar Darien, il-preżentatriċi Vanessa Vella u (xellug) Charles Stroud

“Ma nkissruhomx bil-kummenti tagħna. Nippruvaw li bil-kummenti tagħna n-nies jibdew japprezzaw ix-xogħol li jsir, l-istampa, l-editing, ir-reċtar u aktar,” kompla jgħid Parnis.

Il-programm innifsu mhux dejjem kien fuq it-televiżjoni iżda minn dejjem kien pjattaforma għall-produtturi tal-films lokali u internazzjonali biex juru xogħlhom. Dan filwaqt li tinħoloq diskussjoni dwar il-litteriżmu medjatiku fost il-pubbliku ġenerali. 

Il-ġeneri tal-films f’dan il-festival ivarjaw minn kummiedja, animazzjoni, films romantiċi, dokumentarji, orrur, thriller u fantasija, fost aktar.

Il-preżentatriċi Vanessa Vella mal-ġurija Tony Cassar Darien, Charles Stroud u Carlos Farrugia
Il-preżentatriċi Vanessa Vella mal-ġurija Tony Cassar Darien, Charles Stroud u Carlos Farrugia

Kull programm jixxandar dirett fuq www.tvm.com.mt waqt li jkun qed jixxandar fuq it-televiżjoni u jittella’ fuq il-websajt tal-festival l-għada. Dan il-porgramm se jibda’ jintwera’ kull nhar ta’ Ġimgħa fid-21:00 sa nhar it-23 ta’ Settembru, b’repetizzjoni l-Ħadd fuq TVM News+ fl-22:00.

More in Divertiment