Letteratura | Fi Ftit Kliem

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jmur ’il quddiem u lura fiż-żmien bis-saħħa tal-ġabra ta’ mikrostejjer Fuq Widnejn Torox ta’ Rita Saliba. L-istorja tiegħu titlaq mill-ajruport ta’ Ħal-Luqa f’titjira li minflok tinżel f’Ħamburgu tikraxxja dritt f’idejn Ġorġ Mallia – il-fundatur tal-paġna Facebook ta’ stejjer qosra Għidli Mitejn. Kien hemmhekk illi Kevin kien tħajjar jerġa’ jittanta l-pinna wara bosta xhur. Kien hemmhekk ukoll illi qara għall-ewwel darba l-istejjer ta’ Rita. Minkejja li jgħaddihom mill-għarbiel stilistiku ta’ Irvine Welsh u Edgar Allan Poe, xorta ma jonqosx milli japprezza l-immaġinarju ta’ Rita. Intant, huwa u jaħseb fit-tmiem tal-istejjer, bħal Rita jittama li jilħaq jagħlaq l-istorja – fi ftit kliem – qabel jispiċċalu demmu

“Last call to Flight KM369 to Hamburg... Does your hubby know you’re on PornHub, hun?” 

Dawn kienu l-kliem illi ktibt f’Jannar 2014 – f’tentattiv li nikteb storja fi ftit kliem – wara sentejn ta’ waqfa kważi sħiħa minn kull kitba kreattiva. L-istorja semmejtha Toroq: fil-biċċa l-kbira mnebbħa mis-single Stay on These Roads tal-grupp A-ha. Fil-froġa kien hemm ukoll l-istilistika tar-rumanz Sriep ta’ Alex Vella Gera kif ukoll il-ħsibijiet tal-kittieb David Shields. Kien hemm ukoll, sintendi, anedottu personali fl-ajruport ta’ Ħal-Luqa – nofsu minnu, kwart mistħajjel, il-bqija ma nafx. Naf biss li qed jidwu f’widnejja dawk il-ftit kliem, proprju bħalissa. Ibda biex għax fi żmien bizzarr bħal dan – meta kulħadd donnu qiegħed jinfexx jimraħ fl-imgħoddi – kultant ma nistax ma nerġax inġibhom f’moħħi. U dan l-aħħar ftakarhom iżjed u iżjed ġaladarba, sewwasew kmieni din il-ġimgħa, erġajt qrajt mill-ġdid bosta mill-istejjer qosra li dehru fil-ġabra Fuq Widnejn Torox ta’ Rita Saliba. 

Għidli 200

Dawk il-ftit kliem kienu mmarkaw kapitlu ġdid: bilkemm kienu għaddew ħmistax minn mindu kont sfajt lura – kemxejn bħal xi nawfragu tal-pinna – fuq din il-blata tagħna wara seba’ snin imsiefer. Dika l-ħabta l-eks President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Ġorġ Mallia kien għadu kif nieda l-inizjattiva Għidli 200: paġna fuq Facebook li tippubblika stejjer ta’ mitejn kelma minn kittieba stabbiliti u ġodda. Tħajjart minnufih, l-iżjed għax l-istejjer qosra ħafna – voldieri il-flash-fiction jew il-mikrostejjer – minn dejjem affixxinawni. Ibda biex għax jidhirli li minnhom infushom dawn jipprovdu l-aqwa terren possibbli biex jitħaddmu bis-sħiħ il-prinċipji tal-kitba letterarja ekonomika kif imfissra minn Edgar Allan Poe. Barra minn hekk, xi ftit xhur qabel, matul pawża qasira mill-pawża – wara li kien fettilli nittawwal fil-ktieb The Acid House ta’ Irvine Welsh – inzerta kont qattajt xi erbat ijiem nesperimenta b’dina x-xorta ta’ proża. Għadni sal-lum ngħodd l-erba’ stejjer qosra li jsawru t-taqsima Sexual Disaster Quartet b’mudell idoneu, forsi kważi perfett, għal dina x-xorta ta’ proża. Bil-kontra tal-istorjella tiegħi Toroq: aktarx fiha seħħli noħroġ fid-dieher – fl-istess nifs u waqt – l-aħjar u l-agħar elementi li jistgħu jikkontienu l-mikrostejjer. Bdiet tajjeb, lejn in-nofs għotrot, il-bqija ma nafx. Intant l-ajruplan lejn Ħamburgu laħaq tar...

Il-paġna Għidli Mitejn ma damitx wisq ma rrankat ġmielha, tant li fi ftit xhur Mallia kellu biżżejjed materjal sabiex jippubblika ktieb b’mitejn storja ta’ mitejn kelma. Illum tgħodd mas-sitt mitt storja u diġà ġibdet lejha mat-tlett elef segwaċi. Kien sewwasew matul it-twelid ta’ din il-paġna elettronika li skoprejt il-pinna tal-kittieba Rita Saliba. Dak iż-żmien Saliba kienet waħda mill-iżjed kontributuri profiliċi. Terġa’ u tgħid, kienet proprju hi li – nhar l-1 ta’ Jannar 2014 – saħansitra bħal għammdet din it-tarbija ċkejkna ta’ Mallia bl-istorja Il-Basket tal-Ġild. Bix-xieraq li mbagħad din dehret fil-ġabra stampata Għidli Mitejn/Tell Me 200. Bix-xieraq xejn inqas li daqs sentejn ilu sabet postha wkoll fil-ġabra ta’ mikrostejjer tagħha Fuq Widnejn Torox. Bix-xieraq daqstant ieħor li kien proprju Ġorġ Mallia li kiteb id-daħla għal din il-ġabra.

L-immaġinarju ‘paranormali’ ta’ Rita Saliba

Fl-istess sena Saliba tagħtna wkoll il-ġabra ta’ stejjer qosra Ħjut, iżda kien fil-ġabra tal-ewwel fejn donnha ddeċidiet li tqassar iżjed b’tali mod illi toqrob kemm jista’ jkun lejn il-proġett ta’ Mallia. Għaldaqstant minn dawn it-tnejn hija proprju dina l-ġabra li laqtini l-iktar. F’għadd imdaqqas mill-istejjer miġbura fil-ġabra Fuq Widnejn Torox Rita Saliba tippreżenta ruħha – b’mod speċjali apparagun ma’ ċerti awturi oħrajn ta’ żmienna – bħala kittieba b’immaġinazzjoni wiesgħa u għammiela. Għandha ħabta kif tidħol fin fin fil-psike tal-karattri li tkewwen filwaqt li ddeffishom f’firxa wiesgħa sitwazzjonijiet strambi, xi kultant ukoll tal-waħx, minn xi daqqiet saħansitra improbabbli, l-iżjed għal dawk li ftit li xejn huma midħla tal-fenomeni paranormali jew ekstrasensorjali. F’dan il-ġeneru partikulari – li ili bosta snin għatxan u karban biex narah u naqrah iżjed spiss fil-letteratura tagħna – jispikkaw fost oħrajn l-istejjer Basket tal-Ġild, Il-Mostru Taħt is-Sodda, Id-Dar il-Ġdida, Is-Siġġu tal-Ġenb, Miegħi u fuq kollox Kittieb. Bi frekwenza simili toħloq u tikteb dwar ħlejjaq semi-divini, ngħidu aħna fl-istejjer Ħobż tal-Anġli, Ma Kontx Nemmen..., Ġwienaħ Miksura, Par Ġwienaħ u Dmugħ. Fuq kollox tirkaċċa bil-kbir l-istorjella Sħaħar – rakkont b’narrattiva li għal mument fl-immaġinarju tiegħi għoddu ntiseġ rumanz sħiħ.

Bħalma rrimarka Ġorġ Mallia fid-daħla tiegħu, fost temi oħra Saliba tistħarreġ ukoll l-ansjetajiet illi kapaċi jġarrbu jew joħolqu l-kittieba, anke sempliċement bid-drawwiet jew bil-preżenza tagħhom. Fost dawn ta’ min isemmi l-istejjer Bla Kliem, L-Istorja Tagħna, Ir-Raġel ta’ Wara l-Istering, Iswed fuq l-Abjad u Storja Tinkiteb. Din tal-aħħar aktarx hija l-iktar l-iżjed mikrostorja intensa li naqraw f’dan il-ktieb. Aktarx l-iżjed saljenti. Forsi wkoll l-iżjed sinifikanti, tant li t-titlu tagħha seta’ faċilment kien it-titlu tal-ġabra. B’riħet it-tmiem qawwi tagħha hija wkoll fost l-iżjed effettivi: Nittama li nilħaq nagħlaq l-istorja qabel jispiċċali demmi, ittemm tgħidilna. 

L-id moħbija fi tmiem l-istejjer

Dejjem kont tal-fehma li t-tmiem – l-iżjed dik l-aħħar sentenza sagrosanta – spiss ikun l-iżjed punt importanti f’kull kitba, mhux biss f’dik fittizja. Ma jfidx wisq li tgħum l-għawma kollha biex imbagħad tegħreq fir-ramla. Jisgħobbija ninnota li bosta awturi – kemm lokali u kemm barranin – spiss jisfgħu f’dan, ġieli fl-istil, ġieli fin-narrattiva. F’din il-ġabra innotajt dan ukoll diversi drabi. Fl-istorja Iswed fuq l-Abjad ċerta mara tistqarr dan: “Kultant ma jkollix kontroll; l-istorja donnha tinkiteb b’id moħbija.” Imbagħad, bejnha u bejn ruħha, “nibda storja li ma nafx fejn se toħodni”. Minnu li xi drabi nibdew niktbu stejjer – kif sikwit jiġri wkoll fil-ħajja ta’ kuljum – li mingħalina jkunu sejrin banda u intant ’qas biss nintebħu li qegħdin jeħduna band’oħra. Minnu daqstant ieħor illi l-ispirtu tal-istejjer qosra, kif jgħidilna l-kittieb American Raymond Carver, iqarreb iżjed lejn il-poeżija milli lejn ir-rumanz. Iżda xi ftit minnha wkoll l-istqarrija li kiteb l-awtur Ingliż Neil Gaiman fil-ġabra tiegħu Fragile Things: Short Fictions and Wonders: “Akkont, l-istejjer ma jiktbux lilhom infushom”. Dibattibli dan, u naf illi Stephen King ma jaqbilx. Madankollu ngħid għalija nemmen – jew forsi nixtieq nemmen – illi f’din id-dimensjoni għandna iżjed riedni: tajjeb li l-kitba tkun bħal ħolma, basta tibqa’ fil-biċċa l-kbira luċida. 

Ir-regola tar-rummiena marsusa

F’dan ir-rigward fis-saġġ tiegħu The Philosophy of Composition Poe jagħti għadd ta’ pariri dwar is-sengħa tan-nisġa tan-narrattiva, fosthom dan li ġej: ibda ikteb billi qabelxejn tiffissa t-tmiem, żommu f’moħħok il-ħin kollu. F’kitbiet oħra Poe iressaq ukoll it-teorija tal-effett uniku li tisħaq li kull kelma tgħodd, l-iżjed għax kull kelma hija bħal skaluna mtgħella fuq oħra li qajqal twassal lir-rakkont kollu sal-quċċata, voldieri sat-tmiem. Dan jgħodd iżjed u iżjed għall-mikrostorja, b’mod speċjali fl-esperiment imniedi minn Ġorġ Mallia li jesiġi limitu preċiż ta’ kliem. Jidhirli li f’dan il-ġeneru ta’ kitba dejjem ser issib fejn tqassar, dejjem ser issib kelma aħjar minn oħra, dejjem tista’ tqaċċat dak il-pronom żejjed jew inkella tgħaqqad dika l-partiċella maħlula għalxejn biex minflok forsi ddaħħal kelma iżjed utli. Dejjem ser issib ukoll sentenzi kemxejn twajla – sakemm m’intx qed tiġri wara ż-żmien mitluf bħal xi Marcel Proust – li jistgħu jinqasmu fi tnejn, l-iżjed... fit-tmiem. Jenħtieġ li kulma jingħad fi ftit kliem ikun ukoll marsus bħal rummiena.

Minn banda jidhirli li l-ġabra Fuq Widnejn Torox kienet tirnexxi ferm iżjed kieku l-awtriċi ħarset b’ċerta reqqa dawn il-prinċipji ekonomiċi. Mill-banda l-oħra jidhirli wkoll illi apparagun, għall-inqas fil-biċċa l-kbira, dawn l-istejjer ta’ Rita Saliba huma aħjar mill-istorja tiegħi Toroq. Biex ma nsemmi xejn fuq is-Sexual Disaster Quartet. Hu x’inhu, issa l-ajruplan lejn Ħamburgu ormaj ilu li tar. Iżda xorta ser nittanta nerġa’ niktibha, issa stess, fi ftit kliem

Winter’s calling at my home. Nittama li anke jien nilħaq nagħlaq din l-istorja qabel jispiċċali demmi...

More in Arti