X’naqraw aħna, x’jikteb hu

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, il-ġabra ta’ novelli ‘Bejn Storja u Oħra’ ta’ Joe Friggieri ġġiegħel lil Daniel Cossai jaħseb dwar il-bagalja ta’ esperjenzi li nġorru magħna f’kull ħaġa li nagħmlu … anki meta naqraw. 

Kulħadd għandu l-preġudizzji tiegħu. Mhux f’sens neċessarjament negattiv, iżda sempliċement fehmiet li jiddeterminaw kif naraw il-ħajja jew almenu xi aspett tagħha. Kull wieħed u waħda minna jesplora storja, ġrajja jew esperjenza minn lenti msawra mill-formazzjoni tiegħu: il-kultura, il-memorja, il-valuri reliġjużi jew soċjali, l-isfond akkademiku, u oħrajn. Huwa proprju dwar dan li jixħet dawl il-ktieb ‘Bejn Storja u Oħra’ ta’ Joe Friggieri (Kite Group, 2024), ġabra ta’ stejjer qosra ħafna li jwassluk biex tirrifletti dwar kemm ir-rakkont jiddependi mill-mod kif nagħżlu li ninterpretawh. 

Dan, fil-fatt, huwa l-għan espliċitu li Friggieri jistqarr fid-daħla, ftit paġni li jagħtuna l-gwida ta’ kif għandu jinqara l-ktieb. Forsi hemm xi ftit ironija fil-fatt li filwaqt li l-awtur jgħid li jara lill-qarrej bħala “parti mill-proċess kreattiv” u li dan tal-aħħar għandu l-“libertà li jimmaġina l-karattri u l-ambjent b’elf mod”, ma jħallix dan il-proċess jaħdem fl-isfond iżda joħorġu minn wara l-kwinti lejn nofs il-palk u jixgħel l-iktar bozza qawwija fit-teatru fuqu. Essenzjalment, Friggieri jagħtina l-pjan ta’ azzjoni minn qabel: li jħalli lok għall-qarrejja biex iġibu magħhom il-preġudizzji, is-suspetti, u l-kredenzi tagħhom, u b’hekk kull storja ssir mera li tirrifletti, mhux biss il-kliem tal-awtur, iżda wkoll il-perspettiva tal-qarrej. Il-ktieb mhuwiex sempliċement esperjenza ta’ qari, iżda wkoll sfida ta’ interpretazzjoni li ġġegħelna nirriflettu: x’inhu veru, u x’inhu biss li aħna, bil-preġudizzji tagħna, nagħżlu li naraw dawn l-istejjer? 

Mhix mistoqsija li faċli tweġibha. Jien u naqra l-ktieb, spiss sibt ruħi nieħu nota ta’ xi aspett rikorrenti biex imbagħad, xi storja jew tnejn wara, nara li ma japplikax. Kważi kważi għax sirt konxju tiegħu, biddel il-mod kif rajt dak li ġie qabel u forsi anki, permezz tal-kuntrast, dak li ġie wara. Kemm minn dan kien intenzjonat? Kemm preġudizzju tiegħi? 

Hawn insibu s-saħħa ta’ Friggieri: il-kapaċità tiegħu li jżomm lill-qarrej dejjem fil-bilanċ bejn l-interpretazzjoni u d-dubju, bejn il-konvinzjoni li skopra mudell u l-għarfien li dan jista’ jkun biss illużjoni personali. L-istejjer ma jagħtux tweġibiet ċari jew morali; aktarx jipprovdu spazju ta’ riflessjoni fejn huma validi modi ta’ qari differenti u kull preġudizzju jikkontribwixxi għat-tifsira individwali mogħtija. ‘Bejn Storja u Oħra’ huwa esperiment letterarju dwar kif l-atti tal-qari u l-fehim huma intrinsikament suġġettivi. 

Dan kollu huwa, fil-fatt, frott il-preġudizzji tal-awtur stess, meta wieħed iqis il-bijografija tiegħu. Għalih, kif jikteb fid-daħla, il-kitba kreattiva tinkiteb għal udjenza. Donnu ma jaqbilx mal-idea li l-kittieb qisu intermedjarju ta’ stejjer li jitnebbaħ bihom u kemm ipoġġi l-pinna fuq il-karta. Din fehma komuni li fil-letteratura Maltija narawha espressa b’mod ċar fil-Prologu ta’ ‘Frammenti’ ta’ Tyrone Grima, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fejn in-narratur jgħid li ma rnexxilux isir jaf l-istorja kif tkompli, bħallikieku mhux hu jiddetermina kif u x’fatta. Friggieri, minflok, jidher superkonxju tal-irwol tiegħu. Għandu l-għan li jagħti gost, li jikkuntenta lill-udjenza li jaf li qiegħda hemm u li qed jikteb speċifikament għaliha. Wara kollox, Friggieri qatta’ ħajtu “jirrakkonta”: bħala drammaturgu, direttur, u professur. Għalih, il-kitba hi att bi skop, mhux “art for art’s sake”, u hawn wieħed ma jistax ma jsemmix li fil-pubblikazzjonijiet filosofiċi tiegħu, Friggieri spiss iffoka fuq l-atti bil-kliem, każ ċar fejn il-lenti personali tiddetermina l-mod kif jara aspett differenti tal-ħajja, f’dan il-każ il-kitba. 

Friggieri jaħbi l-perspettiva tiegħu u jippreżentaha bħala fatt: il-kitba kreattiva trid udjenza, trid tinkiteb għal udjenza, mid-“definizzjoni” tagħha, inkella tibqa’ “tħarbix”. Imma dan minnu? Kittieba bħal Emily Dickinson, li ma kellhiex udjenza, kitbet biss tħarbix? Dik il-kitba mhix kreattiva? Jew Das Schloss ta’ Kafka, li l-forma li għandna tiegħu ġiet ippubblikata wara mewtu u li hu stess ma riedx li jkollha udjenza, tant li ordna li l-manuskritt jinħaraq? 

L-idea li l-kreattività teħtieġ udjenza biex teżisti hi dubjuża. L-interpretazzjoni, iva, dik tinvolvi qarrej, awtur u test, fejn is-sens joħroġ mill-interazzjoni tagħhom. Imma l-kreattività? L-ewwel waħda hija suġġettiva, it-tieni oġġettiva. Friggieri jippreżenta bħala stabbilita definizzjoni li mhux tant jaqblu magħha n-nies. 

Fl-ewwel storja, in-narratur jindirizza lill-udjenza. Wieħed jistħajlu f’sala jirrakkonta b’ton realistiku ta’ wieħed li qed jitkellem iżjed milli jikteb. Imma dan in-narratur mhux Friggieri nnifsu: hemm ironija sottili fil-fatt li jgħid li l-istorja hi “vera” għax ġrat lilu, meta fil-fatt il-bijografija ma taqbilx. Minnufih naraw kif Friggieri jilgħab bejn il-finzjoni u l-verità, u kif iqiegħed lill-qarrej f’din il-pożizzjoni ta’ dubju. 

Is-sottilezzi huma l-laqta stilistika distintiva ta’ dan il-ktieb. Il-maġija veru sseħħ wara l-kwinti. L-istejjer infushom huma universalment aċċesibbli. Il-lingwaġġ użat mhuwiex wisq elaborat. M’hemmx sentenzi twal b'numru konsiderevoli ta’ klawżoli. Friggieri jilħaq l-għan doppju li jpaxxi lill-qarrej u fl-istess ħin joffrilu l-possibbiltà tal-interpretazzjoni bi stil allegoriku. Fil-wiċċ, jagħtina stejjer sempliċi; il-kumplessità jħalliha f’idejn il-qarrej interpretu. 

Il-biċċa l-kbira tal-karattri, speċjalment fl-ewwel nofs, huma bla isem u impersonali; ġeneralment ikun hemm wieħed jew tnejn f’kull storja. Kollox jirrivolvi madwarhom. Huma arketipi miftuħa għall-interpretazzjoni. Fil-mikrofinzjoni, spiss awtur jagħżel li jiffoka fuq il-plott jew l-ambjent biss; hawnhekk Friggieri ħafna drabi jagħti prijorità lill-plott, bil-karattri u l-ambjent jintużaw bħala simboli universali. Meta l-istejjer jitwalu, il-plott tibqa’ ċentrali, imma jibdew joħorġu aktar sfumaturi fil-karattri u fl-ambjent. 

Hemm xi żbalji editorjali li jistgħu jfixklu, għalkemm ma jnaqqsux il-valur ġenerali tal-ktieb. Mhux biss tipografiċi iżda wkoll ontoloġiċi. Ngħidu aħna, żewġt aħwa: wieħed deskritt bħala “il-kbir” u oħtu bħala “ftit akbar minn ħuha”.  

Kollox ma’ kollox din hija ġabra varjata ħafna. Insibu għadd kbir ta’ karattri u sitwazzjonijiet, minn konverżazzjoni ħdejn il-baħar sa bosta referenzi għall-mitoloġija Griega u Nisranija. Il-ktieb huwa mużajk letterarju fejn kull storja hija parti minn riflessjoni usa’ dwar il-kundizzjoni umana. Ma naqbilx ma’ reċensjonijiet preċedenti li l-ebda storja ma tiddiżappunta. Uħud mill-istejjer huma limitati għal osservazzjonijiet banali. Meta wieħed iqiegħed kollox fuq il-miżien, iżda, b’konvinzjoni ngħid li din ġabra ta’ novelli fina. 

More in Arti