Is-sigrieti li lkoll nafu

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar iżur mill-ġdid rumanz ta’ Trevor Żahra li riċentament ittella’ fuq il-palk. L-atturi li qed jgħixu llum u l-karattri mill-passat li impersonaw iġiegħlu lir-reċensur jirrifletti fuq kemm u jekk inbdilniex tul iż-żmien, u fl-istess ħin… jidħak!

Fil-makkjetta ‘X’aħna sbieħ min jaf jarana’ li kienet ħarġet fl-1931, Emanuel Cilia jgħannilna li ‘jecc familja icolla xbejba – floc jghallmuha il-bzonn tad-dar – Lila jghallmu chif tinnamra – biex tingabba lil xi hmar’. Jekk immorru iżjed lura, fl-1903, M.G. Abela f’Mogħdija taż-żmien jiktbilna li “Il-mara ta’ dari kienet mara miġbura, mansweta u umli”. Dan juri kif għandna t-tendenza li f’kull ġenerazzjoni naħsbu li hemm xi sett ta’ valuri oħla li jkunu qed jintilfu maż-żmien. Bosta huma dawk li jehdew b’dan il-mit, iżda kollox jindika li n-natura umana ma tantx tinbidel bejn żmien u ieħor. 

Ir-rumanz ta’ Trevor Żahra - ‘Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa’ - maħruġ għall-ewwel darba fl-2008 minn Merlin Publishers, ifisser il-ħajja ta’ karattru li għex qabilna, iżda ma jidħolx fil-kwadru li s-soltu nimmaġinaw dwar personaġġ li twieled bejn iż-żewġ gwerer dinjija. F’dan ir-rumanz naraw kif il-Manuskritt tan-Nanna Veffa jiġi f’idejn in-neputi Renzo Camilleri Manduca u jixħet dawl fuq il-bċejjeċ amorużi tagħha. 

Adattament teatrali

Nhar l-Erbgħa 29 ta’ April, kelli l-okkażjoni mmur nara l-adattament teatrali miġjub lilna taħt id-direzzjoni ta’ Toni Attard u produzzjoni ta’ Udjenza. Il-kitba tar-rumanz innifsu tislet memorji mill-ħajja tan-Nanna Veffa b’kitba mexxejja li għandha ħila ddaħħaqna u fl-istess nifs tfakkarna f’dawk l-istejjer li ‘jiffurmaw parti minn passat kulturali komuni’. Dan kif ifissirhom id-Direttur stess fil-programm imqassam lill-udjenza. Ir-rumanz mhuwiex twil u taqrah f’temp ta’ tlieta jew erba’ sigħat, għaliex imur dritt għall-punt billi l-ewwel isensel rakkont u mbagħad jasal iferraħ lill-qarrej bla ma joqgħod idur mal-lewża. 

L-adattament teatrali, minnu nnifsu, imur lil hinn mill-iskript u jiġbor fih l-ispazju li wieħed ikun jista’ juża biex jippreżentah. It-teatru tas-Sależjani f’Tas-Sliema daħal kexxun għal rappreżentazzjoni bħal din ambjentata fuq medda twila ta’ għaxriet ta’ snin fis-seklu l-ieħor. Il-limitazzjoni li wieħed ikollu biex iwassal il-ġrajjiet u l-karattri marbuta ma’ dan ir-rumanz jaf ikun l-ispazju, ċoè l-fond u l-wisa’ li ssib fuq il-palk. Iżda din tinbidel f’sett intimu u rabta aqwa mal-udjenza. Hawnhekk tammira l-mod li bih is-sett uża faċċati differenti jduru fuq ċirku, biex joħodna fil-kamra tas-sodda, fis-sala tat-tieġ u fid-dar tal-familja, fost oħrajn.

Dan seta’ jkun possibbli bil-ħila tal-atturi li jbiddlu l-irwol u l-kostum b’ħeffa tali li jżommu r-rappreżentazzjoni mexxejja daqs il-kitba tar-rumanz innifsu. Din ma kinetx l-ewwel darba li dan ir-rumanz ittella’ fuq il-palk, hekk kif kien diġà twassal fl-2013. Din id-darba Marta Vella adattat it-test, ħadmet il-parti prinċipali ta’ Ġenoveffa u fl-istess waqt ommha (fil-ħajja reali) Josette Ciappara rrakkontat il-ġrajjiet fl-ewwel persuna fl-irwol ta’ Veffa meta tkun xjaħet, bil-għan li tagħti saff ieħor ta’ ilwien lir-rakkont. Il-kollaborazzjoni bejn l-omm u l-bint ħadmet sew fuq il-palk. Kemm huma, kif ukoll il-bqija tal-kast kompost minn Sander Agius, Christine Francalanza u Sean Borg, kellhom il-ħila jwasslu kemm mumenti sbieħ, ferriħija u anke ta’ diqa minn din l-istorja.

Il-qatgħa tiegħi

It-teatru nfittxu darba kultant u nħobb nagħżel sewwa qabel ma mmur. Bħal kulħadd inkun nixtieq li nqatta’ ħin li jagħtini sodisfazzjon bħala spettatur. L-uniku ħaġa li kienet qed tbehren f’moħħi qabel ma mort nara dan l-adattament kienet il-possibilità li jaf f’xi mument nispiċċa sfurzat biex nidħaq. Bħal bosta, inħobb nidħaq b’dawk il-battuti tajbin. Iżda l-qatgħa tiegħi tkun jekk insib lil min minn fuq il-palk kważi kważi jitlob minni sforz biex nidħaq!

Sodisfatt ninnota li tul din ir-rappreżentazzjoni l-kast kien dixxiplinat li jżomm mat-test tal-iskript, u li jissellef il-lingwaġġ mimli umoriżmu tar-rumanz innifsu. Bosta minn dawk li kienu fost l-udjenza kienu diġà qraw ir-rumanz u allura l-kitba rawha tieħu l-ħajja quddiem għajnejhom. Dan sar iżjed faċli bl-għażla tal-kuluri fuq is-sett, il-kostumi u l-mużika magħżula b’reqqa.

Xebh

Meta nxebbhu r-rumanz mad-dramm nirrealizzaw li dan l-adattament huwa fidil għall-istruttura tal-istorja. Dan ma jfissirx li jidħol f’kull dettall li r-rumanz jagħtina u ma għandniex nippretendu li jkun hekk. Fir-rumanz innifsu Trevor Żahra jislet drawwiet ommijietna meta jsemmilna li mara tqila kellha b’mod superstizzjuż tevita li tħares lejn tebut waqt li jkun hemm funeral għaddej. Jidħol ukoll fi drawwiet oħra waqt it-tqala, bħal meta Veffa ħolmot b’dixx patata l-forn u Zanzu tagħha mar dritt kmieni filgħodu biex mhux biss jara li ommu Ġorġa ssajjarulha, iżda baqa’ sejjer biex jaħmuhulu fil-forn ta’ Galettu. Minkejja li kienu għadhom kemm lestew mill-fornata ta’ mal-lejl, xorta aċċettaw li jaħmuh, ma jmurx ‘it-tarbija titwieled b’marka ta’ nofs patata l-forn fuq ħaddejha’! 

Biċċa xogħol tajba tingħaraf. Tinduna kif meta Żahra kiteb ir-rumanz ra li jsejsu b’mod tajjeb fuq drawwiet u ġrajjiet li tassew eżistew bejn l-għoxrinijiet u s-sittinijiet tas-seklu li għadda. L-attenzjoni għad-dettall min-nies li kien hemm wara din il-produzzjoni teatrali kienet waħda li mhux biss tat ħajja ġdida lir-rumanz, iżda żiedet saffi ġodda miegħu. Dawn is-saffi komplew isebbħu ġrajjiet li mhux biss għexithom Veffa, iżda għexuhom ukoll in-nies ta’ żmienha u nstemgħu minna li ġejna warajhom. Aħna, li la nistgħu ngħidu li għandna xejn agħar minn ta’ qabilna u ma naħsibx li se jkollna xejn aħjar minn dawk li jiġu warajna! 

 

More in Arti
Is-sigrieti li lkoll nafu
Christopher Cutajar
Tfakkarni fil-ħlewwa, apposta
Inża’ moħħok. Mur imxi.
Michaela Pia Camilleri
Bejn sema u baħar, tinsab xortina