Inża’ moħħok. Mur imxi.

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri taqra l-ktieb ġdid ta’ Loranne Vella, u tinnota “fażi ġdida” fil-ħajja tal-kittieba. Vella trid twaqqa’ lill-bniedem mill-pedestall tiegħu fiċ-ċentru tad-dinja, iżda floku xi tqiegħed? Dal-ktieb ta’ 137 paġna jistiednek tiskopri dan.

Imdawrin bis-siġar u mnifsejhom mimlijin bil-fwejjaħ ta’ kull xorta ta’ spezja, fl-10 t’April 2026 attendew madwar ħamsin ruħ għat-tnedija tal-ktieb ġdid ta’ Loranne Vella, Travi taċ-Ċedru, Siġar taċ-Ċipress (Aphroconduso, 2026). Bit-torti taċ-ċirasa mqegħdin fuq l-imwejjed tal-injam, xi ftit imqarmċin mix-xemx, is-segwaċi tal-kittieba kellhom mistoqsija miġmugħa fuq il-ponta ta’ lsienhom: għaliex it-torta taċ-ċirasa? Għaliex f’dan il-ġnien fuq is-swar li jħarsu fuq il-Port il-Kbir?  

L-għażla kienet waħda deliberata — l-awtriċi ta’ dan il-ktieb riedet teħodhom fuq mixja fil-menti tagħha. Riedet tgħaddas lill-qarrejja kemm fil-ġnien fiżiku, kif ukoll fil-masġar mentali, u ddewwaq lill-qarrejja felli minn ħajjitha li fuqha bbażat dan il-ktieb.  

Dan ir-rumanz huwa totalment differenti mir-rumanzi jew kotba l-oħra tal-awtriċi. Kif spjegat Vella waqt it-tnedija, ir-rumanzi tagħha jirriflettu ħajjitha f’dak iż-żmien partikolari, u b’hekk, avolja għandhom elementi fittizji, hi tqishom awtobijografiċi. Li taqra l-kotba ta’ Loranne Vella hu li taqralha ħajjitha. Hi tgħid li sa ċertu punt, bil-kitba tagħha qed tipprova tibdel lill-qarrejja.  

Il-ktieb, miktub fl-ewwel persuna, isegwi mara li titlaq mill-belt u tmur lura fil-passat, u tagħti profil tal-bidliet kollha li għadda minnu matul is-snin il-ġnien li darha nbniet fuqu. Miktub qisu ħolma, hi tterraq fuq pellegrinaġġ tul ix-xmajjar u qalb is-siġar u l-ħxejjex — pellegrinaġġ imċajpar, li mhux dejjem ċar jekk hux fiżiku jew ċerebrali. Il-ktieb huwa vjaġġ spiritwali, ibbażat fir-riflessjoni fid-dinja naturali, u jirrakkonta t-tfittxija għall-maqdes u għall-masġar li ġie qablu. Dan tagħmlu permezz tal-mixi fit-tul, li jimmanifesta ruħu fil-ħsieb. Il-ħsieb u l-mixi jiġu mwaħħda, u kif tikteb l-awtriċi, “Ħsibijieti jaljenaw, pass pass.” 

Tul it-tnedija, Vella spjegat il-proċess letterarju tagħha, fejn tul is-snin li ddum tipprepara għall-ktieb, hi tiddokumenta kwalunkwe teoriji u għarfien li jispirawha. Fil-kitba kollha ta’ Vella hemm bażi teoretika qawwija, iżda f’dan il-ktieb, li diffiċli tikkategorizza jekk hux rumanz, esej, jew poeżija, it-teorija hija ferm iżjed qawwija mis-soltu. Waħda mit-teoriji li tinħass l-iżjed fil-kitba tagħha hija d-distanza mill-antropoċentriżmu — tema li mhux spiss tiġi esplorata fil-letteratura Maltija.  

Il-protagonista, u fl-istess ħin il-kittieba, tidher li daħlet f’fażi ġdida f’ħajjitha. Tinħass diżilluża mill-bniedem, għal raġunijiet varji, iżda partikolarment minħabba l-qerda tad-dinja li wellditu. Infatti, f’dil-fażi l-ġdida, qed titlef interess fiċ-ċerebrali, u minflok trid tgħaddas ruħha fid-dinja n-naturali. F’kitbitha, iġġiegħlek tħalli l-psike warajk, biex minflok tgħaddas ruħek fl-ambjent naturali.  

F’kitbitha, lill-bniedem Vella twaqqgħu minn fuq il-pedestall tiegħu — “Iktar ma nikber iktar nimbotta biex inwaqqgħu minn hemm fuq, inniżżlu skaluna wara oħra, u nifraħ meta narah fil-qiegħ, biex fl-aħħar ikollu jgħolli rasu u jħares ’il fuq u jintebaħ li fuqu u madwaru hemm għeġubijiet ferm aqwa minnu.” Minflok, tħaddan twemmin antiantropoċentriku, li jirriġetta t-twemmin li l-bniedem hu ċ-ċentru tal-univers. Topponi wkoll l-idea li d-dinja hija biss riżorsa naturali li qiegħda hemm għall-użu tal-bniedem, u minflok temmen li hemm valur intrinsiku fil-ħlejjaq kollha.  

L-ekofemminiżmu huwa sors ta’ ispirazzjoni ċar għall-awtriċi. Żviluppata mill-ħassieba Franċiża Françoise d’Eaubonne, din il-fergħa ta’ femminiżmu u filosofija ambjentali twaħħad l-isfruttament tan-natura mal-oppressjoni tan-nisa, u tikkunsidrahom bħala l-prodott tal-patrijarkat u s-sistema soċjoekonomika kapitalista. Mingħajr il-patrijarkat u l-kapitaliżmu, id-dinja ma kinitx tkun fl-istat li qiegħda fih bħalissa. Minflok, din il-filosofija tiġġieled għall-ġustizzja soċjali, u tinkoraġġixxi l-empatija fuq id-dominanza. Din it-teorija kompliet tiġi żviluppata fit-teorija tal-intersezzjonaliżmu, li ġiet żviluppata sew mill-ħassieba Kimberlé Crenshaw, fejn tgħid li l-identitajiet soċjali u politiċi, bħar-razza, is-sess, u l-klassi, jiltaqgħu u joħolqu esperjenza unika ta’ oppressjoni jew privileġġi, għaliex is-sistemi ta’ oppressjoni huma konnessi, mhux iżolati.  

F’dan il-ktieb, il-kitba ta’ Vella tilħaq livelli ġodda. Infatti, dan il-ktieb diffiċli tikkategorizzah bħala rumanz, esej, jew speċi ta’ poeżija twila, għaliex kitbet Vella hi miżgħuda bil-metafori u l-poeżija. L-awtriċi stess tispjega li kienet qed tfittex stil partikolari, li titbiegħed mill-Malti mitkellem, u tgħid li hi stess ma kinitx taf eżatt x’kienet qed tikteb, jekk hux poeżija jew rumanz. Hi tispjega li kienet ispirata mill-mistiċi Ewropej, u li riedet toħloq stil deliberat li joqrob lejn kitbiethom. Infatti, dan l-interess fil-mistiċiżmu huwa ċar fil-kitba tagħha, speċjalment fl-esplorazzjoni tal-imqades u l-abaziji matul il-pellegrinaġġ tal-protagonista tagħha.  

Laqatni ħafna l-użu ta’ kliem li hu xi ftit arkajku, li Vella tidher li għamlet sforz biex terġa’ tqajmu u ttih kulur ġdid. Tuża frażijiet bħal “il-qamar issa muqsar” u l-“qamar… kifes fid-dell tal-art”. L-użu ta’ dan il-kliem semitiku u arkajku huwa għodda letterarja siewja ħafna biex aħna l-qarrejja nitwaħħdu mad-divin u man-naturali, u l-iżjed mal-għeruq tagħna.  

Jekk trid taqra ktieb narrattiv, ħafif u mexxej, dan mhuwiex il-ktieb għalik. Dan ix-xogħol ta’ letteratura ekoloġika, miktub fi stil ta’ nixxiegħa tal-ħsieb (stream of consciousness), huwa kontemplazzjoni twila ta’ 137 paġna, bi ftit li xejn narrattiva. Huwa vjaġġ fil-psike tal-awtur/protagonista, hi u tikkontempla diversi teoriji ta’ ekoloġija, mistiċiżmu, u spiritwalità, li jiffurmaw il-bażi tal-ideoloġija kurrenti tagħha. Dan il-ktieb huwa stedina lill-qarrej biex joħroġ fil-ġnien, jew fil-masġar, u jterraq fuq pellegrinaġġ fiżiku u spiritwali — li jagħmel mixja fil-ħsieb. Fuq kollox huwa stedina biex naċċettaw il-fjamma mill-blandun tagħha, u nerġgħu nrawmu fina kurżità dwar id-dinja naturali li tant inqtajna minnha.  

  

More in Arti