Li nerġgħu naqraw, u nduru tidwira magħna nfusna
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb taqra t-tliet rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb li ġew ripubblikati dan l-aħħar minn SKS Publishers. Minbarra li tħajjarna naqraw dax-xogħlijiet, Xuereb tirrifletti fuq l-att tar-ripubblikazzjoni, u fih tara azzjoni li tħalli bidla fina l-qarrejja
Wasalt għar-rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb mhux għax kont qrajthom qabel, imma għax kont nafhom mir-reputazzjoni tagħhom. L-isem Tarcy Saydon idoqq ħelu. U wara dal-ktieb hemm kittieb li kellu preżenza pubblika bħala ġurnalist u aktar tard bħala Aġent President ta’ Malta.
U hawnhekk tiftaħ parentesi importanti: il-valur tal-letteratura ma jintrabatx mal-professjoni tal-awtur. Il-fatt li bniedem ikun impenjat f’karigi pubbliċi jew dixxiplini oħra ma joħloqx barriera bejnu u l-letteratura. Għall-kuntrarju, il-letteratura tidher li tgħix f’kulħadd, u forsi proprju f’dan il-każ, il-ħajja professjonali ta’ Xuereb bħala ġurnalist tinfed direttament fil-kitba tiegħu.
U kien f’dan l-ispirtu li rġajt mort lura lejn dawn ir-rumanzi, illum ippubblikati għal darb’oħra, akkumpanjati minn studju kritiku ta’ Wayne Camilleri li jiftaħ possibbiltajiet ġodda ta’ qari. Ir-ripubblikazzjoni nnifisha diġà tqajjem mistoqsija: x’jiġri meta test jerġa’ jidħol fiċ-ċirkulazzjoni kulturali wara li jkun suppost diġà ‘stabbilixxa’ ruħu, jew saħansitra jkun intesa?
Minnufih jidher li dawn huma rumanzi mibnija fuq dixxiplina narrrattiva li tfakkar fil-loġika tar-rappurtar. L-isfond ġurnalistiku ta’ Xuereb ma jidhirx biss fl-istil, imma fl-ethos tal-kitba. Il-proża hija ċara, ikkontrollata, u mmexxija minn sens qawwi ta’ ordni narrattiva. L-avvenimenti jitqiegħdu bi preċiżjoni kważi dokumentarja. Il-qarrej ma jiġix imdawwar f’labirint psikoloġiku, imma jitmexxa minn każ għal ieħor.
F’dan is-sens, Tarcy Saydon mhuwiex figura eċċentrika a la Sherlock Holmes, minkejja li huwa intelliġenti u rett fuq xogħlu, u lanqas mhu akkumpanjat minn xi Watson simpatiku, għalkemm jikkollabora mal-istituzzjonijiet polizjeski ta’ madwaru. Huwa bniedem li ħajtu ddur strettament max-xogħol. Huwa pjuttost bniedem li jeżisti ġewwa sistema: jaħdem magħha, u kultant kontriha, imma qatt barra minnha.
Din il-pożizzjoni tagħti lir-rumanzi sens ta’ realiżmu partikolari, marbut ma’ Malta tas-snin sittin u mal-istrutturi soċjali u istituzzjonali tagħha. Imma fl-istess ħin, Saydon jibqa’ figura deliberatament mhux psikoloġizzata. Nafu x’jagħmel, imma mhux dejjem nafu min hu. Huwa karattru li jirreżisti l-intimità narrattiva.
Saydon ma jinbeniex bħala eroj drammatiku u lanqas bħala karattru psikoloġikament espansiv. Ma jfittixx li jissorprendi u lanqas li jiddomina. Minflok, jopera permezz ta’ tip ta’ stabbiltà etika. Din l-istabbiltà hija proprju l-mekkaniżmu narrattiv tiegħu: mhux trasformazzjoni, imma kontinwità.
Permezz ta’ Saydon insiru nafu wkoll lil Malta minn għajnejn ta’ bniedem kuxjenzjuż. Xuereb jippreżentalna lil Saydon bħala bniedem li jitlagħlu l-istonku bil-klijenteliżmu, li jiġi jaqa’ u jqum milli jintgħoġob mill-politiċi, li jimpurtah mill-ambjent, u li jħoss għat-tfajliet li jispiċċaw jaħdmu f’xogħol mhux dinjituż minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ madwarhom.
Din ir-restrizzjoni hija importanti. Saydon mhuwiex eroj fis-sens konvenzjonali; ma jimponix ruħu fuq id-dinja. Pjuttost, jirreżisti d-distorsjoni. F’ambjent ikattar bl-iżbilanċi ekonomiċi, soċjali u morali, donnu jimxi mill-inġustizzji tal-madwar mingħajr ma jsir kompliċi magħhom.
Hawnhekk l-istint ġurnalistiku ta’ Xuereb isir produttiv – ma jillimitahx – u jżid mal-kwalità polizjeska ta’ dan ir-rumanz.
Huwa f’dan il-kuntest li r-ripubblikazzjoni ssir interessanti u ta’ min jiddiskutiha.
Ir-ripubblikazzjoni ħafna drabi tiġi trattata bħala att newtrali: bħala servizz lill-kultura, bħala preservazzjoni. U sa ċertu punt, dan huwa minnu. Kultura letterarja ma tistax teżisti mingħajr kontinwità materjali. Test li ma jerġax jiġi stampat eventwalment jisparixxi, mhux biss mill-ixkafef, imma mill-possibbiltà tal-qari.
Imma din hija biss nofs il-verità.
Għax kull ripubblikazzjoni hija wkoll għażla. U kull għażla hija forma ta’ poter kulturali. F’dinja fejn “hemm wisq li jinkiteb biex jinqara kollu,” is-selettività ma tistax tiġi evitata. Li terġa’ ġġib xogħol wieħed taf tfisser li tagħtih spazju li ma jingħatax lil ieħor.
U għalhekk, ir-ripubblikazzjoni mhijiex biss att ta’ preservazzjoni imma att ta’ kanonizzazzjoni.
Il-“kanonu letterarju” mhuwiex lista stabbli ta’ xogħlijiet kbar, imma proċess kontinwu ta’ għażla u validazzjoni. U dan il-proċess huwa dejjem parzjalment ideoloġiku, marbut ma’ min għandu l-poter kulturali li jiddeċiedi x’jibqa’ u x’jintesa. Fl-istess ħin, huwa wkoll proċess ta’ “ittestjar” kontinwu: testi jiġu ppubblikati, ikkritikati, minsija u xi drabi skoperti mill-ġdid.
Fi kliem ieħor: dak li jibqa’ mhux neċessarjament l-aħjar, imma dak li jibqa’ jaħdem, f’kuntesti ġodda, għal qarrejja ġodda.
Dan jagħmel ir-ripubblikazzjoni ambivalenti. Minn naħa, tiftaħ possibbiltajiet ta’ qari ġdid, u minn oħra tikkonsolida ċerti triqat u tagħlaq oħrajn.
Allura l-mistoqsija mhijiex jekk ir-rumanzi ta’ Tarcy Saydon jistħoqqilhomx jerġgħu jiġu ppubblikati. Jidher ċar li għandhom koerenza, ċarezza u valur storiku biżżejjed biex jibqgħu preżenti.
Il-mistoqsija aktar pertinenti hija: x’qed tagħmel ir-ripubblikazzjoni? Qed tiftħilna qari ġdid, jew qed tikkonferma li diġà qrajna? Qed terġa’ tqajjem test, jew qed tikkonsolida ripetazzjoni?
F’dan id-dawl, Tarcy Saydon ma jibqax biss karattru. Isir punt ta’ referenza, eżempju ta’ kif xogħol jidħol, jibqa’, u jiċċirkola.
U forsi l-aktar ħaġa importanti mhijiex li dawn ir-rumanzi reġgħu ġew stampati, imma kif se jinqraw issa. Għax li żżomm ktieb stampat ifisser biss li żżommu disponibbli.
Imma l-letteratura ma tgħixx fid-disponibbiltà. Tgħix fil-qari, u fil-mod kif nagħżlu li naqraw.
