Tela’ San Grabiel!

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb taqra l-ktieb Il-Glorja u l-Ġmiel tal-Kbir San Grabiel ta’ Mikiel Camilleri Haber, u tinnota li għalkemm il-ktieb jissawwar f’dinja li dwarha nkiteb ħafna, l-intellettwalità satirika tal-awtur tlaqqagħna mal-ħajja moderna Maltija li hi nostalġika … imma dwar xiex eżatt? 

Konxja li din il-kitba se tkun ippubblikata dakinhar li jitħabbar ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2026. U allura, jekk inti fost dawk li llum xtrajt l-ILLUM biex tikkollezzjona l-paġni tal-artikli tal-“ġranet il-kbar”, jaf sibt ruħek, b’kumbinazzjoni jew le, fir-rokna ċkejkna letterarja, fejn fost l-oħrajn, nirriċensaw il-kotba.  

Vera, il-kelma riċensjoni nnifisha forsi ftit twila u stramba. U għalija r-riċensjoni għandha iżjed minn qrara milli minn xjenza. Għax kull riċensjoni hija stessu moħbi. Meta nikteb fuq ktieb, inevitabbilment inkun qed nikteb xi ħaġa wkoll fuqi nnifsi. U f’pajjiż żgħir bħal Malta, fejn il-letteratura ħafna drabi titrawwem fi ċrieki ta’ ħbiberija u familjarità, il-ħsieb tal-“kritiku oġġettiv” issir aktar impossibbli minn qatt qabel. Kif jgħidilna TS Eliot, l-idea ta’ kritiku perfett hi finta. 

Imma nammetti minnufih li qabel qrajt Il-Glorja u l-Ġmiel tal-Kbir San Grabiel (Merlin Publishers) ma tantx kont familjari ma’ Mikiel Camilleri Haber. Però t-titlu laqatni.  

U dak il-ħsieb iperboliku, satiriku, nejjieki, jidher kontinwament ukoll fir-rumanz. Rumanz dwar skola miktub bi stil mexxej, kunfidenti, u fuq kollox b’ħakma tajba tal-Malti. Mhux biss tal-Malti letterarju, imma tal-Malti kif jgħix tassew: il-Malti tal-kurituri, tal-istaffrooms, tal-għalliema eżawriti. Id-djalogu għandu ritmu naturali tajjeb ħafna. Taqrah u tisma’ n-nies jitkellmu. Taqrah u tibda timmaġina lill-awtur jieħu gost huwa u jikteb, għax qed jimmaġina li qed jiġri qed iseħħ quddiemu. 

Il-ktieb fakkarni f’ċerti mumenti f’Is-Surmast ta’ Żahra, f’Ramon u ż-Żerbinotti ta’ Stagno, u fid-dinja ta’ Sena mill-ħajja mistura ta’ Daniel Tusa ta’ Formosa. Qisu f’Malta sirna nogħxew niktbu dwar l-iskola mhux sempliċement għax hija l-iskola, imma għax hija wieħed mill-aħħar postijiet fejn il-pajjiż għadu jiltaqa’ miegħu nnifsu kuljum. L-iskola tibqa’ waħda mill-ftit teatri fejn il-Maltin kollha, ta’ kull xorta ta’ trobbija, ta’ ideoloġiji differenti, ta’ fehmiet differenti, jiġu mbuttati flimkien fl-istess bini għal sitt sigħat kuljum. 

U hemmhekk tidħol ukoll dik li Harold Bloom kien isejjaħ “the anxiety of influence”. Mhux biss fis-sens sempliċi li kull kittieb jikteb fid-dell ta’ dawk ta’ qablu, imma fis-sens profond li kull letteratura żgħira tibża’ li l-istejjer tagħha diġà nkitbu kollha. Fil-letteratura Maltija, speċjalment meta wieħed jikteb dwar l-iskola, il-periklu dejjem ikun li tispiċċa tirrepeti ċerti tipi umani: is-surmast assedjat, l-għalliem diżilluż, l-istudent li kulħadd qata’ qalbu minnu. Iżda Camilleri Haber jidher konxju ħafna minn dan il-piż. Il-ktieb kważi jilgħab bih. Qisu jaf li qed jikteb wara tradizzjoni partikolari ta’ kummiedja Maltija, u flok jipprova jaħrab minnha, jagħżel li jidħol fiha kompletament, imma b’vuċi aktar kontemporanja. 

U forsi għalhekk il-ktieb għandu dik il-kwalità stramba ta’ déjà vu li ma ddejqekx. Għax l-element tal-”istess tema” tiegħu mhix nuqqas ta’ immaġinazzjoni, iżda parti mis-suġġett innifsu. Il-karattri jgħixu f’dinja fejn kulħadd jisma’ l-istess poddati, jagħmel l-istess referenzi, juża l-istess ironiji, jilbes l-istess ċiniżmu ħafif bħala mekkaniżmu ta’ sopravivenza. Donnu l-ħajja urbana Maltija moderna ħolqot tip ġdid ta’ monotonija kulturali: nies li huma individwi differenti iżda li kollha jitkellmu b’varjazzjonijiet żgħar tal-istess vuċi. 

Imma l-isbaħ ħaġa hi li l-ktieb qatt ma jsir tqil. Huwa ktieb divertenti immens. U forsi dik hija waħda mill-ikbar kwalitajiet tiegħu. Għax minkejja dawn il-livelli kollha ta’ osservazzjoni kulturali u melankonija moħbija, prima facie hemm satira tajba. Taqrah malajr. Taqrah fuq il-bajja. Taqrah b’kafè jew birra f’idejk. U dik mhix kwalità negliġibbli. Wisq kotba llum donnhom jibżgħu li jagħtuk pjaċir taqrahom. Dan ir-rumanz le. Jaf li l-intellettwali u l-gost mhumiex kuntrarji ta’ xulxin. Jaf li kultant l-aktar kotba li jibqgħu miegħek huma dawk li waqt li qed taqrahom qed tidħaq, u mbagħad, ħafna sigħat wara, issib ruħek kemxejn imdejjaq mingħajr ma tifhem eżatt għala. 

L-ikbar saħħa tar-rumanz hija l-mod kif l-iskola ssir mikrokożmu ta’ Malta nnifisha. Mill-purtinara sal-LSEs, mill-istudenti sas-surmast, mill-għalliema sal-cleaners, kulħadd jirrappreżenta biċċa minn pajjiż li qed jipprova jżomm ruħu magħqud permezz tar-rutina. L-iskola hija post faċli ħafna, kważi wisq faċli, biex wieħed jissatirizzah. Imma din l-ekosistema tinħass sħiħa. 

U hawnhekk il-ktieb isir kważi filosofiku mingħajr ma qatt jipprova jidher hekk. Għax fl-ispunt ewlieni tiegħu, il-ktieb huwa wieħed satiriku. Imma taħt il-battuti kollha hemm mistoqsija ikbar dwar x’jiġri minn soċjetà meta tibda titlef kull sens ta’ futur. Milan Kundera darba kiteb li l-kummiedja moderna titwieled mill-fatt li n-nies m’għadhom ċerti minn xejn, imma xorta jridu jkomplu jgħixu bħallikieku kollox normali. San Grabiel jimxi ħafna fuq dik il-linja. Kulħadd jidħaq, kulħadd jagħmel il-kumment intelliġenti jew ironiku, iżda taħt kollox hemm għeja spiritwali żgħira, kważi imperċettibbli. 

Madankollu, hemm mumenti fejn il-ktieb jaqa’ xi ftit vittma tas-saħħiet tiegħu stess. Xi drabi ċerti battuti tibda tistenniehom, tibda tħosshom repetittivi. Tibda tantiċipa ċerti referenzi għall-poddati jew ċerti tipi ta’ ironija urbana qabel ma jaslu. Donnu l-ktieb kultant tant jogħxa bil-ħila tiegħu li josserva u jirriproduċi ċertu tip ta’ għarfien kultrali li jispiċċa jerġa’ jdawwar l-istess ideat b’forom differenti. 

U forsi hemm xi ħaġa interessanti anke f’dan. Għax dik is-“sameness” hija wkoll parti mill-esperjenza moderna Maltija, speċjalment għal ġenerazzjoni online, kemxejn ironika, li trabbiet bejn poddati, memes u nostalġija perpetwa. Il-karattri ta’ San Grabiel kważi donnhom qed jgħixu fi trawma kollettiva ħafifa: sens li l-affarijiet sbieħ ta’ qabel qed jisparixxu, imma mingħajr ma qatt nistgħu nidentifikaw eżattament x’kien daqshekk sabiħ. 

L-avvenimenti tal-ktieb iseħħu kollha f’ġimgħa waħda, iżda dik il-ġimgħa tħossha eterna. Bħallikieku l-ħajja Maltija nnifisha hija sensiela ta’ ċirkulari, direttivi temporanji, kafè, argumenti żgħar u memorji ta’ żmien li forsi qatt ma kien daqshekk sabiħ daqskemm niftakruh. 

U forsi proprju għalhekk Il-Glorja u l-Ġmiel tal-Kbir San Grabiel jaħdem tant tajjeb. Għax mhux biss rumanz dwar skola. Huwa rumanz dwar Malta, dwar il-Malta ċkejkna li tinbet f’kull istituzzjoni fil-pajjiż. 

 

More in Arti