Il-bliet, in-nuqqas, u l-poeżija
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar iħares lejn żewġ ġabriet ta’ poeżija ta’ Norbert Bugeja u – ispirat minn kwotazzjoni ta’ Ernest Hemingway dwar il-ġlied tal-barrin – jirrifletti dwar “l-ispettaklu” tal-poeżija u l-qarrejja bħala spettaturi differenti ħafna minn xulxin
Ferm qabel ma rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1954, l-awtur distint Ernest Hemingway kien qiegħed josserva t-tradizzjoni tal-qtil tal-barrin fi Spanja. Fil-ktieb tiegħu Death in the afternoon waqt li jkun qed janalizza modi differenti kif wieħed jista’ jipperċepixxi din it-tradizzjoni, jgħidilna hekk:
“Bħal fl-arti kollha, it-tgawdija tiżdied bl-għarfien tal-arti. Mal-ewwel darba li n-nies tattendi, ikunu jafu għandhomx jimpurtahom mill-ġlied tal-barrin jew le, speċjalment jekk jattendu b’moħħhom miftuħ u jħossu biss dawk l-affarijiet li fil-fatt ikunu qed iħossu u mhux l-affarijiet li jaħsbu li għandhom iħossu. Jistgħu ma jimpurtahom xejn, irrispettivament minn jekk il-ġlieda tkunx tajba jew ħażina, u kwalunkwe spjegazzjoni oħra tkun bla sens apparti l-ħażen morali ovvju tal-ġlieda nfisha, bħalma n-nies jistgħu jirrifjutaw li jixorbu l-inbid li forsi setgħu jgawdu għax ma emmnux li huwa sewwa li jagħmlu dan.”
Dawn il-ħsibijiet ta’ Hemingway jaf niġu bżonnhom iżjed ’il quddiem mal-milja ta’ din il-paġna. Illum se nkun qed nitfa’ ħarsti fuq żewġ ġabriet ta’ poeżiji bil-Malti, miktuba mill-Prof. Norbert Bugeja – Bliet (Edizzjonijiet Emma Delezio, 2009) u Insa li Mhijiex Hawn (Klabb Kotba Maltin, 2021).
Bliet
F’din il-ġabra l-awtur jixtieq jeħodna fl-imkejjen tal-Mediterran u jgħinna nagħrfuhom b’isimhom. Fil-poeżija tiegħu ‘It-Talba tat-Torero’, ilaqqagħna wkoll mal-ġellied tal-barrin qabel ma joħroġ fl-arena fejn ‘in-nifs tal-folla jqim il-qmis għarqana, / u l-lejl ifittex ix-xewka ta’ dahru, / l-applaws ta’ qarn il-bhima mal-musrana.’ Ir-rima fil-poeżija ta’ Bugeja hija waħda rari imma effettiva bħalma naraw fil-poeżija ‘Bejn Saqajn din il-Belt’ fejn ‘il-belt tal-ħars bla wiċċ u turġien bojod. / Filgħodu tibqa’ nieżla bla ma ssellem, / flgħaxija tfittex ruħ ma’ min titkellem...’
Din il-ġabra fiha daħla dettaljata mill-Prof. Adrian Grima li fiha jlaqqagħna ma’ bosta kunċetti li jservu għall-qarrej bħal għodda li biha wieħed japprezza aħjar dak li jixtieq iwasslilna l-poeta. Ilaqqagħna mal-kelma “sinestesija” li ġejja mill-Grieg u tfisser li “tipperċepixxi” xi ħaġa “flimkien” ma’ oħra. Fil-poeżija ta’ Bugeja din “il-metafora tas-sensi” tintuża spiss, bħal meta ngħidu aħna f’‘Wara d-Diska li Nħobbu Tant’ l-awtur ifisser kif “imlejna d-dawl u dlam bi kliemna”.
Il-belt minna nfisha hija espressjoni ta’ ċiviltà, iżda wkoll jaf tilgħab logħba fuq dak li jħossu n-nies għal xulxin. Osservazzjoni li tqanqal il-ħsieb f’din id-daħla hija meta ssir referenza għal dak li l-awtur Taljan Gianfranco Dioguardi jikteb f’Ripensare la Città (2001), meta jindika kif bil-mod il-mod, iktar ma jibdew jikbru l-ibliet, iżjed tibda tonqos jew tgħib id-drawwa li n-nies isiru jafu lil xulxin, għax il-kuntatti individwali jibdew isiru dejjem aktar diffiċli.
Infatti fil-poeżija ‘VI’, in-numru Ruman għal ‘sitta’, il-poeta jikteb ‘Ma nafekx lilek, int m’intx minn dan-naħat, / u lanqas qatt ma kont, għax kieku għandek / biċċa mill-belt iddur xi mkien fuq wiċċek.’ Din hija xbieha ċara li belt jagħmluha wkoll niesha u l-mod kif jitħalltu bejniethom.
Insa li Mhijiex Hawn
It-tqassim ta’ din il-ġabra huwa kompletament differenti minn dik ta’ qabilha, u nasal ngħid li lili togħġobni iżjed. Malli qbadt din il-ġabra f’idi bla ma ridt ftakart fil-poeżija “Agħtuni karta bajda” ta’ Achille Mizzi. Dan għall-fatt li l-qoxra hija bajda u kif eżatt tiftħu tilqgħek mill-ewwel il-poeżija. Dan grazzi għal kunċett viżiv tajjeb minn Austin Camilleri.
F’intervista li Bugeja kien ta lil Television Malta madwar sentejn ilu, waqt it-tielet episodju tal-programm “L-Arti tan-Nies” (tista’ taraha fuq Youtube), meta kien qed jitkellem b’rabta ma’ din l-antoloġija qal hekk:
“Fl-aħħar snin esperimentajt b’lingwaġġ illi biex ngħid hekk huwa s-sillabi bażiċi ta’ dak li nara madwari, jien naf: il-blat, il-baħar, il-kosta, il-bliet differenti ta’ madwar ir-reġjun Mediterranju”. Ikompli billi jfisser kif din il-ġabra hija maħsuba li tfisser in-nuqqas jew l-assenza ta’ xi ħaġa.
It-tnebbiħ tiegħu mhux definit minn liema belt ġej din id-darba. Infatti jsemmi biss tliet postijiet fit-Tuneżija – Tabarka, Kram u Kerkenna – f’din il-ġabra ta’ 35 poeżija. Il-metafora tal-idejn, is-swaba’, ix-xufftejn, il-kafè u l-emozzjonijiet li jġibu magħhom ir-relazzjonijiet umani jiddu iżjed mil-lok li minnhom ġej it-tnebbiħ. Għaldaqstant, bħal donnu lest jinqara lil hinn mill-baċir tal-Mediterran u jrid jasal iżjed lejn l-umanitajiet ta’ madwarna. Fl-istess waqt il-poeżija ssir dejjem aktar għodda ta’ wens personali. Hawnhekk il-kitba tinħass iżjed misterjuża.
Sinestesija
Dak li kien fissrilna Hemingway għat-taqbid li jsir fl-arena, bejn il-ġellied tal-barrin u l-barrin infushom, għadu japplika sal-lum. It-tradizzjoni baqgħet waħda intatta u jekk nistgħu nsejħulu hekk l-‘ispettaklu’ baqa’ identiku għal dak li kien qed josserva mal-mitt sena ilu.
Naħseb li biex napprezzaw il-poeżija ta’ Bugeja, l-ewwel ħaġa li rridu nifhmu minna nfusna huwa proprju jekk aħna bħala qarrejja jinteressaniex li nagħtu valur lill-poeżija. Ngħid dan, għaliex il-qari tal-poeżija huwa ġeneru partikolari meta mqabbel mal-varjetà ta’ letteratura disponibbli għall-qarrej.
Dan hu bħal esperjenza intima, fejn il-poeta jippreżentalek il-fond ta’ ħsibijietu, filwaqt li l-qarrej irid ikun miftuħ li jilqa’ l-ħsibijiet u jagħtihom tifsira unika, bil-mod tiegħu, għalih innifsu. B’hekk bħalma l-ispettatur tal-ġlied tal-barrin huwa mistenni li jidħol b’moħħ miftuħ fl-arena, hekk ukoll il-qarrej tal-poeżiji għandu jkun miftuħ li jifhem u jilqa’ l-ħsus tal-poeta, mill-arena ta’ kitbietu.
