Palazzo Ferreria — Il-binja li ġġorr rakkont

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar joħodna fi vjaġġ storiku sabiħ ispirat minn Palazzo Ferreria l-Belt. Minn ġrajjiet ta’ żmien l-Assedju l-Kbir sa oħrajn miż-żewġ gwerer ewlenin u s-Sette Giugno, il-ktieb irreċensat dil-ġimgħa jurina kif il-funzjoni ta’ post tinbidel mhux biss maż-żmien, imma anki mal-bidla ta’ nazzjon u poplu

Mhux kull binja għandha x’tirrakkonta, iżda dan il-palazz għandu stejjer bil-bosta. Jekk tkun nieżel minn Pjazza Kastilja lejn it-teatru l-imwaqqa’, wara nżul ix-xemx tilqgħek xena mill-isbaħ tal-faċċata kważi kif kien iddisinjaha oriġinarjament il-Perit Giuseppe Bonavia. Palazzo Ferreria jinsab fi Triq ir-Repubblika eżatt kif tidħol fil-Belt Valletta, bil-faċċata prinċipali tiegħu mifruxa bejn Triq l-Ordnanza u Triq in-Nofsinhar. 

Matul iż-żmien qdiet funzjonijiet differenti, iżda fis-6 ta’ Settembru tal-1978 din il-binja nxtrat mill-Gvern ta’ Malta għas-somma ta’ Lm 237,570. Parti minn din il-binja kienet diġà qdiet il-funzjoni ta’ Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi bejn l-1947 u l-1971. Minn dik is-sena sal-ġurnata tal-lum din il-binja dejjem serviet bħala l-Ministeru għall-Politika Soċjali. Infatti kien dan l-istess Ministeru li fl-2023 ħa ħsieb jippubblika ktieb bl-isem ‘Palazzo Ferreria – In a Historico-Legal Context’ bis-saħħa tal-pinna u r-riċerka tal-Professur Raymond Mangion. 

Palazzo Ferreria 

Nistgħu ngħidu li f’temp ta’ ħamsin sena mill-Assedju l-Kbir tal-1565 stajna naraw l-Għolja Xiberras tieħu ħajja urbana permezz ta’ belt iddisinjata gradilja u b’binjiet bħall-Bereġ tat-tmien lingwi tal-Ordni tal-Kavallieri, kif ukoll binjiet għal familji influwenti. Biex żgur din il-Belt tkun mimlija ħajja, fl-1615 kien tlesta l-akwedott li jwassal nixxigħat ta’ ilma ħelu mill-Fiddien fir-Rabat sa din il-Belt Kapitali ġdida, hekk kif megħjuna mix-xaqliba tal-gżira mill-Punent għal-Lvant.  

L-Ordni ħa ħsieb li jibni wkoll Ferreria bil-għan li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ difiża, biex jipproduċu minn kanuni tal-bronż sa xkubetti, minn ankri sa għodod oħra. Biswit il-Ferreria li minnha jinħareġ ix-xogħol maħdum, kien hemm ukoll il-Funderija li fiha kien jinħadem ix-xogħol fil-fran. Il-Kavallieri mir-reġjun ta’ Provence, fin-naħa t’isfel ta’ Franza, kellhom il-jedd jaħtru lit-tmexxija tat-Teżor Komuni (Commun Tesoro) li kien jinkludi l-imħażen tal-artillerija, il-funderija, kif ukoll il-Kmand tal-Artillerija nnifisha. 

Interessanti li kemm fis-sentejn li l-Franċiżi ħadu f’idejhom il-Belt Valletta u anke fis-snin ta’ wara, il-Ferreria xorta baqgħet taqdi l-istess funzjoni. Fl-1816 din bdiet tintuża bħala maħżen iżjed milli ħanut tax-xogħol, sa ma fl-1852 din bdiet titlef l-importanza tagħha hekk kif il-bronż beda jinħadem fit-tarzna navali u ddaħħlu metodi iżjed avvanzati.  

Epoka ġdida 

Kien fl-1874 meta Dr Giovanni Camilleri, li kien tabib, wera l-interess li jixtri dik li kienet il-Ferreria tal-Ordni u fis-7 ta’ Awwissu tal-istess sena martu Giovanna (xebba Buttigieg) ħarġet is-somma ta’ 10,465 lira sterlina bil-għan li l-binja tkun mibdula f’Palazz. Dan il-“Palazzo Buttigieg Camilleri” ġie ddisinjat bħala blokk bini wieħed imqassam fuq erba’ sulari, bil-kantina u anke bl-istalel għaż-żwiemel. Il-pjan terran kien jipprovdi wkoll spazju għall-ħwienet u infatti dan għadu hekk sal-lum il-ġurnata. Ħasbu wkoll għal żewġt ibjar minn fejn setgħu jippumpjaw l-ilma tal-ġiebja ta’ taħt il-binja, kif ukoll għal ċmieni li jwasslu sal-bejt biex id-dar tissaħħan meta jkun hemm bżonn.  

Wieħed mid-dettalji li m’għandniex insibu f’din il-binja huma s-sopraporti tal-injam bil-purtieri li kienu jżejnu wħud mill-gallariji. Dan il-ktieb huwa mżewwaq b’bosta disinji u ritratti ta’ dan iż-żmien, għaliex mis-seklu 19 ’il quddiem il-memorja kollettiva bdiet tiġi megħjuna wkoll bir-ritratti. Kienet it-Tieni Gwerra Dinjija li kkawżat ħsarat li qatt ma ġew irkuprati. Dan peress li l-gallariji oriġinali tal-injam inqerdu u qatt ma mmuntaw oħrajn ġodda fi xbieha tagħhom flokhom.   

L-għada tas-Sette Giugno 

In-negozju tal-familja Buttigieg Camilleri żviluppa fi sħubija msemmija ‘Giuseppe Buttigieg & Figli’. ’Il quddiem, il-Kurunell John Lewis Francia wiret l-opportunità li jara n-negozju tal-familja jiġi prattikament f’idu wara li żżewweġ lil Teresina, in-neputija ta’ sid il-Palazz li mbagħad issemma ‘Buttigieg-Francia’.    

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija x-xogħol naqas u l-prezzijiet għolew. Ħwejjeġ essenzjali bħall-ħobż, il-patata, il-faħam u z-zokkor mhux biss għolew, iżda anke skarsaw. Ma’ ras il-Maltin ma weħilx biss il-Gvern Ingliż, iżda weħlu wkoll kummerċjanti li kienu meqjusa ħatja tal-mod kif il-prezzijiet sparaw ’il fuq.  

Il-Kurunell Francia kien negozjant u bankier meqjus bħala fost l-iżjed għonja f’pajjiżna. Kien ħa l-fama li kien qrib wisq tal-Ingliżi, iżjed u iżjed meta ħatruh fuq bord tal-provista u tal-prezzijiet fis-17 ta’ Awwissu tal-1916. Il-qiegħa kienet diġà sħuna u l-għada filgħodu tal-ġrajjiet tas-Sette Giugno 1919 il-Kurunell kien qed jisma’ bi xnigħat li se jkunu qed jattakkaw il-Palazz fejn jgħix. Hu kien irrapporta dan bit-telefown lill-awtoritajiet militari, dak iż-żmien ibbażati fil-Berġa ta’ Kastilja. Ibnu mar iwassal dan l-istess messaġġ fil-Kwartieri tal-Pulizija.  

Kien fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija li ġemgħa nkurlata tfaċċat quddiem il-Palazz. Dawn bdew igaraw il-ġebel fuq bosta twieqi tal-Palazz. Minkejja l-isforzi li jkellem lill-ġemgħa minn żewġ gallariji differenti biex jikkalmahom, dawn mhux talli ma semgħux minnu, talli parti mill-ġemgħa daħlet mill-ġenb tal-binja waqt li Francia u familtu niżlu fil-kantina. Bosta għamara u ġojjelli nqerdu jew insterqu. Kien proprju waqt dawn l-irvellijiet li nħasdet il-ħajja tar-raba’ martri tas-Sette Giugno, meta bajjunetta ċarrtet żaqq Carmelo Abela fil-ġenb tal-Palazz. Dan miet wara sebat ijiem agunija. 

L-ironija 

L-ironija hi li l-Perit Giuseppe Bonavia kien ħa sehem f’kompetizzjoni maħsuba li tagħżel disinn għat-Teatru Rjal li jinsab proprju faċċata tal-Palazz. Id-disinn tiegħu ma kienx magħżul. Mur għidlu li t-Teatru Rjal kellu jiġġarraf bla jitranġa kawża tat-Tieni Gwerra Dinjija, filwaqt li Palazzo Ferreria, iddisinjat minnu, kellu jibqa’ jpaxxi l-għajn sal-ġurnata tal-lum!  

More in Arti