Il-kolonizzatur li għad għandna f’moħħna … mas-sittin sena wara

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri taqbad il-ktieb Decolonising the Maltese Mind, u mill-istejjer ta’ sottomissjoni li jissemmew fil-ktieb, tistaqsi għadniex bħala poplu b’mentalità li tagħna mhuwiex biżżejjed, mhuwiex sabiħ, jew li rridu ninbidlu sabiex nintgħoġbu mas-“superjuri” tagħna

 

Ħa naqbad u ngħidha: dan il-ktieb għandu jkun fuq l-ixkaffa ta’ kull dar Maltija u Għawdxija, u jekk baqa’ xi nies fuq Kemmuna, hemmhekk ukoll. 

Charles Xuereb, fil-ktieb tiegħu Decolonising the Maltese Mind: In Search of Identity (Midsea Books), li issa jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu, għamel biċċa xogħol kruċjaligħall-poplu Malti u l-identità Maltija — identità li skontu għadna qed infittxuha u nippruvaw nibnuha. Kien kapaċi jqum mir-raqda kolonjali tagħna u jixtarr l-esperjenzatagħna bħala kolonja, bla romantiċiżmu u b’riċerka reqqa — ħaġa li ftit Maltin irnexxielhom jagħmlu s’issa. Infatti, kif jgħid Xuereb, u kif wieħed jista’ jinnota b’ħarsaħafifa lejn l-ixkafef Maltin, dawn il-gżejjer, bil-kontra ta’ bosta eks kolonji oħrajn, ftit li xejn għandhom letteratura kontrakolonjali.  

Xuereb jipprova jsib spjegazzjoni għal dan, permezz ta’ analiżi reqqa tal-istorja tagħna mimxuta mat-teorija postkolonjali ta’ diversi awturi, inkluż Edward Said, Frantz Fanon, u Ngũgĩ wa Thiong'o. Din il-kitba akkademika, iżda xorta waħda aċċessibbli, hija maqsuma f’diversi kapitli, li jibdew billi jagħtu kuntest dwar il-kolonjaliżmu fuqlivell globali, sa ma jdejjaq il-lenti tiegħu għal fuq Malta, partikolarment Malta taħt l-Ingliżi u l-effetti li din għadha tħalli fuq il-Maltin illum il-ġurnata, bħal pereżempjubit-turiżmu — diskussjoni li ħafna Maltin għadhom mhumiex lesti għaliha.  

Is-sottotitlu tal-ktieb jikxef ħafna mill-premessa prinċipali li jagħmel l-awtur f’kitbitu: li bħala poplu għadna qed infittxu l-identità tagħna. L-awtur jenfasizza matul il-ktiebli l-ħakkiema tagħna, partikolarment l-Ingliżi, għamlu minn kollox biex iwaqqfu l-iżvilupp tal-identità nazzjonali tagħna, sabiex isaħħu l-poter tagħhom f’artna. Dan wassalsabiex issa, iżjed minn sittin sena wara li sirna (uffiċjalment) indipendenti, għadna qed inxejru saqajna fl-arja sabiex insibu l-art taħtna u nqumu fuq saqajna.  

Xuereb jispjega t-tattiċi ta’ manipulazzjoni u indottrinazzjoni persistenti li kienu jużaw l-Ingliżi, ħafna drabi bl-għajnuna tal-Maltin stess, sabiex ġabu l-Maltin niesdefiċjenti li nsew l-identità tagħhom sabiex ikunu jistgħu jissopravvivu taħt il-ħakma tal-barrani ‘superjuri’. Ikisser totalment l-impressjoni li għandhom ħafna Maltin li aħna konna xi ħbieb tal-Ingliżi, li fil-verità kienet relazzjoni mġennba favur il-potenti. Pereżempju, jikkwota lis-Segretarju tal-Istat għall-kolonji, William Onslow, li ddeskriva lill-Maltin bħala beżżiegħa, bla sinsla, doċli u ubbidjenti. U dan ħadu vantaġġ minnu, anke permezz tal-ippremjar ta’ ċerti Maltin li kienu alleati tagħhom. Anzi, permezz ta’ ċerti tattiċi, pinġew lilhom infushom bħala kultura sofistikata, sa ma ċerti Maltin ippreferew ikunu “xi ftit Ingliżi” milli “sempliċement Maltin” — ħaġa li għadna narawha llum pereżempju permezz tal-lingwa, fejn ħafna Maltin m’għandhomx apprezzament lejn l-ilsien Malti, u kważi jarawh bħala xi ħaġa imbarazzanti. Il-fattli l-Malti qatt ma rrispettajnieh fisser li qatt ma stajna nużawh bħala għodda ta’ reżistenza, jgħid Xuereb.  

Tattika li pereżempju ma kelli ebda idea dwarha kienet li ssoppressaw l-ewwel Innu Malti li qatt ġie rrekordjat, tant li sfurzaw l-għeluq tat-Teatru Rjali, fejn kien ħa jindaqqgħall-ewwel darba. Dan l-innu m’għadux magħna, għaliex “intilef”, jew kif jalludi l-awtur, ġie meqrud minn xi lagħqi tal-Ingliżi. Apparti minn hekk, l-Ingliżi tħabbew sew mal-Knisja, għaliex għarfu l-poter li kellha fuq in-nies, u tawha ċerti privileġġi materjali. B’hekk il-Knisja kienet alleata tal-Ingliżi, u ftit nies qatt qamu kontra l-ħakkiema. Tajjeb ngħidu wkoll li Malta ġiet trattata differenti minn kolonji oħra.  

Apparti li konna doċli, u aċċettajniehom b’idejna miftuħin wara li ħlisna mill-Franċiżi, aħna konna gawdejna minn kultura Ewropea u kellna klassi ta’ nobbli edukatiMaltin. Dan l-Ingliżi għarfuh, u qagħdu attenti li ma jxellfuhiex wisq magħna. Apparti minn hekk, lill-Ingliżi bdejna narawhom bħala ħbieb tagħna wara li ġġilidnamaġenbhom fit-Tieni Gwerra Dinjija, u l-Ingliżi bħala kolonizzaturi minflok sirna narawhom bħala l-Ingliżi bħala ġens. Apparti minn hekk, l-Ingliżi bnew memorjakolonjali permezz tal-introduzzjoni ta’ festi bħal għeluq snin ir-Re jew ir-Reġina, l-użu ta’ ismijiet Ingliżi għat-toroq, u l-installazzjoni ta’ monumenti ddedikati lill-kolonizzatur — monumenti li għadna lanqas biss neħħejna, minkejja li wħud minnhom huma totalment irrelevanti għal Malta.  

Jinnota wkoll kif it-turiżmu sar estensjoni tal-kolonjaliżmu — diskussjoni li ftit għadha saret fil-letteratura u fl-akkademja Maltija. Xuereb jgħid li ħloqna fantasija għat-turist li hi ’l bogħod mir-realtà tal-Maltin. Infatti, meta nirrakkontaw l-istorja tagħna lit-turisti, nenfasizzaw partijiet mill-istorja u l-kultura tagħna u nimmodifikawha biextappella lit-turisti. Anke l-fatt li pereżempju nużaw ismijiet ta’ ċerti bajjiet bl-Ingliż minflok bil-Malti bħal Golden Bay flok Il-Mixquqa jew Blue Grotto flok Il-Ħnejja —ħaġa li waqa’ għaliha l-awtur stess, meta naqas milli jsemmi x’jissejħu bil-Malti. Infatti, ħaġa li tolqtok f’dal-ktieb hija l-lingwa użata: l-Ingliż. Fl-introduzzjoni, l-awturjirrikonoxxi din l-ironija. Nistaqsi allura: wasal iż-żmien li dan ix-xogħol importanti jiġi tradott għall-Malti?  

Xi ħaġa li ħallietli xi mistoqsijiet jien u naqra dan il-ktieb kien il-fatt li l-awtur iffoka biss fuq żmien l-Ingliżi. Infatti, ġieli jagħmel referenzi għall-Kontinent, bħallikiekugħandna nixħtu ħarsitna lejh, minflok lejn il-gżira mitfugħa fuq il-Punent tiegħu. Dan jgħidu pereżempju b’referenza għall-mudell kuratorjali Ingliż adottat minn Heritage Malta, li bir-raġun għandu jiġi kritikat meta tqis li anke l-isem ta’ din l-entità tant marbuta mal-kultura u l-istorja Maltija huwa bl-Ingliż. Jipparagunaha mal-mużew MUŻA, li minflok adotta l-mudell Kontinentali. Però ikolli nistaqsi: għala għandna nixħtu għajnejna fuq eġemonija kulturali waħda u mhux oħra, minflok ma nagħmlu eżerċizzjupostkolonjali iebes u nibdew inrawmu mudelli tagħna? U, għaliex qed ninvestigaw lill-Ingliżi biss? Xi ngħidu għall-ħakkiema li ġew qabilhom? Però tajjeb li ninnota wkollli minkejja li lil Xuereb ħafna jakkużawh li huwa Frankofilu, dan ma joħroġx minn kitbitu. Fejn kellu bżonn jikkritika, ikkritika, u fejn ħass li kellu jfaħħar, faħħar, u kliemu dejjem saħħu bl-evidenza.  

Dan il-ktieb huwa pass importanti ħafna fit-traġitt postkolonjali tagħna. L-awtur jipprova jifhem il-preżent permezz tal-passat, u dan jagħmlu b’suċċess, permezz ta’ mistoqsijiet ibsin u tingiż fil-laħam il-ħaj. L-għan finali tiegħu hu li nagħrfu l-passat tagħna, niddikolonizzaw lil imħuħna u nibdew niffurmaw l-identità tagħna. Però qabelnagħmlu dan, tajjeb li naqbdu ktieb bħal dan, u ninżgħu l-velu kolonjali li jkompli jtappan l-istorja tagħna.  

 

 

 

More in Arti