Kull leġġenda għal postha!

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar jaqra l-leġġendi Għawdxin miġburin minn Ġorġ Pisani, u bejn waħda u oħra jirrifletti dwar il-valur kulturali u pajsaġġistiku tagħhom

L-ewwel darba li ltqajt mal-kitbiet ta’ Ġorġ Pisani kien fil-bidu tas-sekondarja. Fil-Liċeo ta’ Raħal il-Ġdid ridt tara l-għalliem tal-Malti li kellna li bi stil uniku u b’dawk l-għajnejn ċari espressivi tiegħu qralna l-poeżija ‘Suldati Maltin’. Mal-versi ‘Għaddejjin, ‒ Pass wieħed mexjin, ‒ Suldati ta’ Malta, ‒ Suldati Maltin!’ ridt tarah miexi bejn l-imwejjed fil-klassi billi jagħti ritmu lill-poeżija u fl-istess waqt iħabbat saqajh bħas-suldati nfushom. Kien mod sottili ‒ inkella ċar kristall ‒ biex ilaqqagħna mal-importanza tas-sillabi fil-kitba tal-poeżija. Imbagħad meta iżjed ’il quddiem komplejt nitgħallem il-Malti fil-Kulleġġ tal-Imsida konna studjajna poeżiji bħal ‘Għar Dalam’ u ‘Il-Ġgantija t’Għawdex’ permezz ta’ antoloġija miġbura mill-Professur Oliver Friggieri taħt l-isem Il-Poeżija Maltija

Dak li se nittrattaw illum huwa ġeneru ieħor li kien tana l-poeta u kittieb Għawdxi Ġorġ Pisani (1909‒1999). Dawn iż-żewġ volumi ta’ Triqat il-Ħolm jiġbru l-leġġendi kollha li ġabar u kiteb Pisani. Ġew ippubblikati fl-2020 partikolarment bis-saħħa tax-xogħol li għamel ibnu n-Nutar Dr Paul George Pisani u bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex li wassal biex din il-pubblikazzjoni ssir realtà.  

Il-leġġenda 

Kienu jgħallmuna li l-leġġenda hija storja li tista’ tkun vera u tista’ ma tkunx. Li hu tassew interessanti li meta taqra dawn il-leġġendi minn Għawdex, tirrealizza li xi minn daqqiet leġġenda jkollha rabta ma’ epoka storika partikolari, filwaqt li f’oħrajn ma jirnexxilekx tifhem minn liema seklu jkun ilu ġej ir-rakkont. Għaldaqstant il-leġġendi jieħdu nisġa bejn realtà u fantasija. Waqt li leġġenda tiġi rakkuntata minn ġenerazzjoni għal oħra din tieħu bixriet differenti u allura jitwieldu wkoll il-varjanti. 

Ġorġ Pisani nnifsu jikteb kif: “Fil-ħajja kwieta u monotona ta’ dawk iż-żmenijiet imbiegħda, ir-rakkonti ta’ dawn l-istejjer kienu għal bżonn psikoloġiku li jikser kemxejn ir-ritmu tal-ħajja kiebja u dejjem l-istess. Il-poplu kien iħoss il-bżonn li joħlom imqajjem, joħlom u kuljum jinsa” (Volum I p.38). Pisani jikteb ukoll dwar il-karattru Għawdxi billi jfisser kif: “Dan il-poplu min-natura tiegħu, huwa ġens ħassiebi u riflessiv u dawn il-kwalitajiet joħolqulu kundizzjonijiet mill-aħjar biex iqanqlulu l-immaġinazzjoni u jixegħlulu l-fantasija” (Volum I p.51). 

L-Iskoll tal-Fessej  

Dawn iż-żewġ volumi joffrulna ġabra ta’ 77 leġġenda. Meta tiflihom jgħinuk tifhem lil Għawdex aħjar. Jiena ġieli għodost biċ-ċilindri madwar l-Iskoll tal-Fessej ’il barra minn Imġarr ix-Xini, iżda qajla għaddieli minn moħħi għaliex dan l-iskoll spiċċa ssemma hekk. Il-ħallelin tal-baħar kienu ta’ sikwit jiżbarkaw hemmhekk bit-tir li jisirqu nies, bhejjem u ikel mill-gżira. Jingħad li żagħżugħ mix-Xewkija kien joħroġ frejgatina minn kamra li kellu fi Mġarr ix-Xini, jibqa’ ħiereġ biha fejn l-iskoll u jintefa’ jistad bil-qasba minn fuq il-quċċata tal-blata. Ħabat li l-furbani saru midħla ta’ dan iż-żagħżugħ tant li bdew jiksbu ċerti sigrieti dwar fejn ikun jaqblilhom li jaħbtu fl-irħula fil-viċin. B’hekk l-iskoll tlaqqam ‘Tal-Fessej’ għaliex dak iż-żagħżugħ kien bniedem li jservihom ta’ spjun u għalhekk ma setax ikun fdat min-nies tal-gżira. 

L-Armla minn Ta’ Sannat 

Ġrajja oħra li serqitli qalbi kienet dik tal-armla minn Ta’ Sannat, għaliex mhux biss hija leġġenda, iżda tispiċċa wkoll b’messaġġ u xi ftit fantasija. Din id-darba l-leġġenda tagħtina perjodu ċar, dak tal-ksieħ tax-xitwa eżatt wara l-Milied, proprju f’Jannar tal-1693. Kien hemm mara magħrufa bħala l-Waħx, bejn għax in-natura ma tantx tbissmitilha, iżda wkoll għax kienet marida bil-ġdiem. Kienet tgħix f’għar magħluq minn quddiem fejn il-kesħa kienet ixxoqq il-għadam. Marret tittallab bieb bieb f’Ta’ Sannat biex xi ħadd jilqagħha ġewwa daru jew imqar fi stalla biex ma tgħaddix ix-xitwa f’dik il-kesħa kiefra. Kellha tkun armla li tilqagħha fl-għorfa li kellha fuq. Ġara li fil-11 ta’ Jannar tal-istess sena seħħet theżżiża li nħasset mal-gżejjer kollha. Id-djar u l-irziezet f’Ta’ Sannat ġarrbu ħsarat kbar, iżda d-dar tal-armla hija mifhuma li baqgħet intatta. Iżda l-leġġenda ma tiqafx biss billi turina kif dan tqies bħala “grazzja mis-sema għall-karità” li wriet l-armla. Tkompli tgħid kif xi sena wara, il-mara magħrufa bħala l-Waħx mietet fid-dar tal-armla stess u wara mewtha “għebu għalkollox it-tbajja’ tal-ġdiem”! 

L-Għaġuża s-Saħħara 

Il-Wied tax-Xlendi għandu x’jirrakkuntalna wkoll, hekk kif mix-xaqliba li tagħti mill-Munxar hemm tiġbida ’l barra ta’ blat li fiha toqba hekk imsejħa “Infetaħ! Ingħalaq!”. Jekk tkun sejjer mix-Xlendi għar-Rabat din tistħajjilha miftuħa filwaqt li jekk tieħu d-direzzjoni opposta taħsibha li tkun magħluqa. Din is-saħħara xiħa kellha l-ħila tagħmel xorb li jfejjaq, tant li meta ħadd ma sab irkaptu biex ifejjaq lil bint ir-rajjes, kellha tkun hi li tfejjaqha. Xi wħud, inkluż xi tobba, ma ħamlux jarawha tieħu fama tajba tant li għassuha u baqgħu baqgħu sakemm serqulha dik it-taħlita li kienet taħbi f’dik it-toqba fil-blat. L-għaġuża ħaditha ġewwa u minn dakinhar ma dehritx iżjed il-Munxar! 

Ir-rakkont 

Ir-rakkont permezz tal-leġġendi jaffaxxinani. Lill-qarrej adult jerġa’ jġibu tfal u lit-tfal jinżlulhom għasel. Stejjer qosra mimlija stħajjil. Il-fatt li dawn il-leġġendi jfissru ġrajjiet marbuta ma’ postijiet partikolari, jagħtu valur akbar lill-gżejjer tagħna. Filwaqt li nagħmlu sew li nirrakkuntaw ġrajjietna billi nibbażaw fuq l-evidenza storika, l-istejjer li għandna x’nirrakkuntaw bis-saħħa tal-leġġendi jagħtu valur akbar lill-kappelli, lill-widien u lit-toroq fl-irħula u l-ibliet tagħna. Għaldaqstant l-isforzi tal-mibki Ġorġ Pisani biex jiġbor dawn il-leġġendi għandna nqisuhom bħala teżor imprezzabbli.      

More in Arti