Waqa’ s-sema jew waqgħet is-sema?
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri taqra l-ewwel ġabra ta’ novelli ta’ Victoria Pisani – Meta waqa’ s-sema. Tinnota kemm l-awtriċi għandha l-polz fuq is-soċjetà Maltija, bi stejjer li huma tematikament assurdi daqskemm qed tkun assurda l-klima politika Maltija
Ftit snin ilu kont qrajt Faħma ta’ Victoria Pisani – chapbook ta’ EDE Books – li kien għoġobni biżżejjed biex nibgħat kopja lil sieħbi Indoneżjan li kellu interess kbir fil-Malti u lingwi żgħar oħra bħal-Litwen. Ħassejt li kien kampjun tajjeb tal-letteratura Maltija, biżżejjed biex issa qiegħed jistrieħ xi mkien fuq xi xkaffa f’Yogyakarta. Huwa ktejjeb li jagħmel kummentarju astut fuq is-soċjetà Maltija, iżda li jwaqqaf lilu nnifsu milli jkun didattiku, permezz ta’ kitba li taqta’ iżda fl-istess ħin iddaħħqek. Għalhekk kont ħerqana meta smajt li Pisani ħarġet ġabra ta’ stejjer qosra fil-ktieb ġdid tagħha Meta Waqa’ s-Sema, ippubblikat minn Merlin Publishers, u kelli aspettattivi għoljin.
Pisani kkonkretizzat l-istil tal-kitba u l-vuċi tagħha permezz ta’ din il-pubblikazzjoni ġdida, fejn l-istejjer kollha b’xi mod jew ieħor qed jgħaddu kummentarju dwar is-soċjetà Maltija fl-istess stil ta’ Faħma – kummentarju astut, iżda li diversi drabi ġegħelni nidħaq ngħajjat fuq tal-linja jew fis-salott, jew kull fejn intfajt naqrah. Bħala qarrejja Gen Z, għandi ħabta naqbad il-mowbajl f’nofs sessjoni tal-qari, u naqbad niskrollja fuq Instagram jew nibgħat xi sticker vojta lil sħabi. Iżda spiss ħassejtni mitlufa f’xi waħda minn dawn l-istejjer, biżżejjed biex ma qbadtx il-mowbajl.
Pisani għandha kapaċità kbira tibni dinja f’kull storja tagħha, permezz ta’ karattri b’saħħithom, djalogu reali u deskrizzjonijiet vividi. Dan jirnexxilha tagħmlu kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tielet persuna, f’kull waħda mit-tmien stejjer tagħha – stejjer esperimentali, u kultant futuristiċi jew distopiċi, li jpinġu stampa tajba tar-realtajiet tal-ħajja, fil-komiċità u l-assurdità tagħha. Uħud minnhom huma metafori ċari għall-istat soċjopolitiku hawn Malta. L-istejjer bniethom b’intensità u momentum b’saħħtu, tant li xi kultant ħassejt li wħud minnhom kellhom tmiem ftit batut.
L-iżjed stejjer b’saħħithom, skonti, kienu l-ewwel u l-aħħar storja, Dwett u Meta waqa’ s-sema.
Dwett hija speċi ta’ farsa romantika tal-lum il-ġurnata, dwar il-mundanità tar-relazzjonijiet romantiċi, partikolarment meta l-bir tal-imħabba jibda jinxef ftit ftit, iżjed ma jsiru jafu ’l xulxin mill-qrib (forsi żżejjed) il-maħbubin. Hija parodija tal-esperjenza ta’ ħafna koppji li jitilfu kull interess fis-sess u s-senswalità, u li jieqfu jagħtu l-attenzjoni ’l xulxin sa ma fl-aħħar jew jaċċettaw li jegħrqu f’apatija permanenti, jew jaqbdu l-barri minn qrunu u jtemmu kollox. Hija esperjenza li ftit jiktbu dwarha. Sa ma fl-aħħar tinkiser il-ġarra, il-koppja tinqeda b’ħafna skużi u gideb, li jagħlqu għajnejhom għalihom it-tnejn li huma – f’dal-każ, irid jinxtara bilfors heater biex isaħħan il-kamra tas-sodda, u jissewwa ż-żaqżiq (in)sapportabbli tas-sodda. U l-unika darba li jiġi l-aptit, hi tkun xorbot tazza nbid sew. Id-djalogu intern qawwi daqslikieku dħalt f’moħħ il-karattri, u dak estern huwa miktub b’mod realistiku u komiku, però mhux bi sforz ovvju li jipprova jdaħħqek. It-tmiem sottili iżda sodisfaċenti, li jagħmel sens mal-bqija tal-istorja – minn għada, ir-raġel, li dejjem jipprova jħajjar il-priża (bla grazzja ta’ xejn) u li jibqa’ bix-xejn, ħa jerġa’ jibda jmur il-gym. Ikkonkludi kif trid, u kif jagħmel sens għall-istorja personali tiegħek.
Meta waqa’ s-sema, li tat l-isem lil din l-antoloġija, hija metafora ċara għall-istat tal-pajjiż, fejn id-diskussjoni kritika tal-problemi reali, bħal pereżempju l-korruzzjoni u l-ostakli tal-ġustizzja, tiġi eklissata minn argumenti bħall-kwistjoni tal-lingwa. Ħassejtni qisni qed naqra xi katina ta’ kummenti fuq Facebook, fejn ħafna boomers, flok jikkummentaw u jinkwetaw fuq il-kriżi politika li tkun qed tiġi diskussa fil-post, minflok jaqgħu għall-fallaċċja loġika ta’ “TKELLEM BIL-MALTI” – argument li għandu jiġi diskuss b’mod matur, u mhux f’kumment taħt post fuq Facebook. Pisani tesplora dan il-fenomenu b’mod esaġerat, forsi xi ftit on the nose, iżda li naħseb li għandu postu f’dal-każ, biex tirrifletti l-assurdità ta’ dan il-fenomenu. It-titlu huwa referenza għal dan: fl-univers li ħolqot Pisani, is-sema tibda taqa’ biċċiet, f’biċċiet tal-plastik, u toqtol lin-nies, wara li l-Gvern jibda jmantniha b’materjal ħażin (Nu-plastic mhux poruż, flok dak poruż), frott tal-korruzzjoni u l-inkompetenza. Iżda minflok ma jikkritikaw lill-Gvern fuq dan, jaqgħu f’dibattitu tal-ġeneru tal-kelma “sema” u jagħmlu protesta favur il-protezzjoni tal-lingwa Maltija, minflok ma jitolbu ġustizzja għall-mejtin li nqatlu mill-proprju sema. Pisani tinqeda ħafna bl-intertestwalità, u tagħmel referenzi għal pereżempju rakkont tal-poplu Edo fin-Niġerja, li jispjega kif is-sema tela’ ’l fuq fis-smewwiet minħabba l-egoiżmu u r-regħba tal-bniedem. Is-sema jirrappreżenta sors tal-eżistenza tal-bniedem, f’dan ir-rakkont, u anke fl-istorja ta’ Pisani, li jista’ japplika wkoll għall-ħajja tagħna, fejn it-tniġġis permezz tal-kostruzzjoni u t-traffiku wkoll qed jheddu l-eżistenza tagħna. Din l-istorja hija rakkont-protesta li taqbad b’mod perfett il-klima politika ta’ pajjiżna u t-tmiem tal-istorja joqgħod sew: l-aħħar kelma hi dejjem tal-Gvern, u kollox jidher li sejjer tajjeb u kollox pożittiv.
Għoġbitni ħafna wkoll l-istorja Debbie u Sheldon, Psalm, Aymez u Mason, bl-isem botta għall-ismijiet kreattivi li qed jagħżlu l-ġenituri novizzi Maltin. Pisani toħloq dinja distopika, mhux wisq imbiegħda mir-realtà, fejn ir-riklami jsiru parti mill-ħajja tal-bniedem u ma tistax tevitahom. Żewġ żgħażagħ jirnexxilhom jaħdmu s-sistema, u jsibu mod kif jevitawhom, għall-biża’ tal-ġenituri tagħhom, li draw is-sistema minkejja li qed toħnoqhom, bħaż-żrinġ li ma jindunax li qed jitgħalla ħaj. Iżda s-sistema tirbaħ anke liż-żgħażagħ eventwalment, fi tmiem antiklimatiku li minkejja li ddiżappuntani xi ftit, naħseb li jagħmel sens.
Storja li ma laqtitnix kienet Tilqima. Il-kittieba bniet dinja b’deskrizzjonijiet b’saħħithom, biex tipprova titmejjel bil-fissazzjoni tal-konsum kapitalist esaġerat. Filwaqt li apprezzajt x’kienet qed tipprova tagħmel, u daħħqitni dil-parodija (speċjalment għax fakkritni f’xi influencers Maltin li jħobbu jġorru nofs ħanut magħhom b’xebgħa kitsch li qatt mhu se jużawh), ħassejt li ffukat wisq fuq dan, u nesiet toffri skop jew kuntest għat-tilqima li ġġibek annimal kapitalist u konsumerist. Naħseb li kellha bżonn ftit iżjed xogħol.
Minkejja dan, ħadt gost kbir naqra dil-ġabra. Victoria Pisani bla dubju kittieba eċċellenti li għandha subgħajha fuq il-polz tal-klima soċjali Maltija, kemm fil-ħajja fiżika u reali, kif ukoll f’dik virtwali u online. Minkejja li l-kitba hija waħda politika u ta’ protesta, fl-istess waqt tieħu gost titmejjel bis-sistema, b’mod li l-qarrej ma taqtagħlux qalbu, imma tħeġġu jsir konxju tagħha waqt li jingħaqad magħha biex jitmejjel biha hu wkoll.
