Joseph M Spiteri: Il-Perit versatili b’legat imprezzabbli
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, nerġgħu niltaqgħu ma’ perit ieħor Malti did-darba bil-ktieb Joseph M Spiteri: A Maltese Architect and His Work. Christopher Cutajar joħodna fi vjaġġ tax-xogħlijiet urbani tiegħu, li aktarx tgħix ġo xi wieħed minnhom inti wkoll
Meta kont żort il-mużew ta’ Pablo Picasso f’Barċellona, xtrajt ktieb dwar ix-xogħlijiet tiegħu. Filwaqt li stajt nifhem aħjar il-fażijiet varji tiegħu bħala artist, l-iżjed li ammirajt fih kien il-kontribut fit-tul u konsistenti li ta f’ħajtu, tul għomor ta’ 91 sena (1881-1973).
L-istess effett ħallieli l-ktieb editjat minn Dr Stephen C. Spiteri bl-isem ta’ Joseph M Spiteri: A Maltese Architect and His Work, li kien ippubblikat fl-2012 bil-kollaborazzjoni ta’ BDL Publishing. Ħidmet il-Perit Joseph Spiteri (1934-2013) bdiet mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-1956 u baqgħet għaddejja sas-sena 2002 bit-tagħlim lill-istudenti tal-arkitettura fl-Università ta’ Malta.
46 sena sħaħ ta’ kontribuzzjoni lejn proġetti, disinji, arti u esperimentazzjoni minn perit li kellu perjodi varji fil-karriera tiegħu. Bħalma l-artist jingħaraf mill-pittura, perit l-aħjar li jiġi rrakkuntat huwa permezz tal-iskizzi, l-istudji u d-disinji li jkun ħalla warajh. Din hija l-għażla tajba li jagħmel dan il-ktieb.
Santa Luċija
Għal dawk li bħali trabbew u għexu f’Santa Luċija setgħu jinnutaw kif id-disinn tal-qasam tad-djar li jinsab bejn it-triq Tal-Barrani u l-Knisja Parrokkjali, huwa wieħed partikolari, li ħaseb kemm għal appartamenti, djar, pjazza u grawnd tal-futbol; filwaqt li ra li l-karozzi fil-parti l-kbira jgħaddu madwar il-bini kollu u mhux mill-qalba tiegħu.
Dan kien proġett imnebbaħ min-New Towns Committee li l-Gvern Ingliż kien waqqaf fl-1945 ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, u li f’Malta ġie f’idejn il-Perit John M. Gambina li kien inkarigat imexxi sezzjoni li tiffoka fuq id-djar. Il-Perit Spiteri kellu sehem ewlieni fid-disinn ta’ dik li meta nbniet kienet magħrufa bħala New Tarxien Community. Maż-żmien f’Santa Luċija bdiet tissejjaħ Neighbourhood One, bħala l-ewwel qasam mibni f’dan ir-raħal, biex ikun distint minn dawk li ġew wara.
Il-prinċipju kien li jingħataw djar li setgħu jaffordjaw in-nies, bl-ispazju u l-materjal jintużaw bl-aħjar mod. L-għoli tas-sular niżżluh għal għaxar filati flok ħdax jew tnax. Iżda fl-istess waqt dan id-disinn ħaseb ukoll għal tħaddir aħjar madwar l-oqsma mibnija flimkien ma’ spazji għall-isport u r-rikreazzjoni.
Moderniżmu
Element li jiddistingwi lil Spiteri huwa d-disinn Modernista tiegħu, li ma jiċħadx minn liema materjal huwa magħmul, jagħti aspett funzjonali lill-binja u juża linji ċari biex jasal għall-proġett li jkollu quddiemu. Xhieda ta’ dan l-aspett fil-ħidma tiegħu hija l-Villa The Lodge f’Ta’ Xbiex li kienet tlestiet fl-1962. Din kienet skedata għall-valur arkitettoniku tagħha. Kemm il-villa Arkadia f’Ħal Balzan fejn kien jgħix Spiteri nnifsu u anke l-villa tal-kollaboratur tiegħu l-Inġinier Strutturali Godfrey Azzopardi fl-Imrieħel, kienu ddisinjati minnu fuq dan l-istil.
Il-Prof. Denis de Lucca jispjega kif Spiteri kien ikun ħerqan biex ifisser lill-istudenti tal-arkitettura fl-Università ta’ Malta dwar it-taqliba fil-ħsieb li l-moviment Modernista wassal mas-snin bikrija tas-seklu għoxrin, billi jlaqqagħhom ma’ periti tal-kalibru ta’ Alfred Loos u Walter Gropius, fost oħrajn.
Disinji fuq l-ixkaffa
Dan il-ktieb l-iżjed li qanqal l-interess tiegħi huwa għal bosta proġetti disinjati, li qatt ma spiċċaw raw id-dawl tax-xemx. Fejn hemm il-Qorti llum, ġewwa Triq ir-Repubblika, qabel kien hemm il-Berġa ta’ Alvjerna, waħda mit-tmien lingwi tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Ħabat li fl-1941 din il-binja sfat milquta minn bomba li qerdet parti kbira minnha u fl-1956 ittieħdet id-deċiżjoni li s-sit kellu jitnaddaf. Hemmhekk stess kellha tinbena l-Qorti li x-xogħol fuqha kien beda fl-1965 u tlesta fl-1971.
Fl-1961 il-Perit Spiteri kien mistieden iressaq l-ideat tiegħu u ma setax jonqos milli jipproponi disinn Modernista għall-Qorti. Disinn sabiħ li jagħmel użu minn serje ta’ pannelli mibruma mal-faċċata u pittura fin-naħa ta’ fuq fin-nofs tal-faċċata bis-simbolu tal-ġustizzja. Ngħid għalija kien ikun disinn li jidħol sew mal-kuntest li jinsab fih u li kien jagħti xejra differenti lill-mod kif imdorrija naraw il-binjiet istituzzjonali.
Kapulavur
Fil-fehma tiegħi l-iprem kapulavur li kien parti minnu l-Perit Spiteri kien proprju dak tal-Knisja tal-Balluta f’Tas-Sliema, kif nafuha llum. Fl-1963 kien Godfrey Azzopardi li avviċinah biex jipparteċipa f’dan il-proġett wara li l-Professur Joseph Colombo sfortunatament kien marad serjament. Il-kapulavuri jieħdu ż-żmien u infatti l-Knisja kif nafuha llum eventwalment ġiet konsagrata f’Diċembru tal-1984.
Li jimpressjonani f’dan id-disinn neo-Gotiku ta’ Spiteri huwa li ħaseb li jidħol fid-dettall estetiku f’kull aspett, inkluż dawk tat-twieqi, il-kandelabri u s-siġġijiet tal-kor. Fi proġetti bħal dawn hija s-sinerġija li tinħoloq bejn il-klijent, id-disinjatur u l-bennejja li tagħmel id-differenza. Is-sens ta’ dettall u l-artistrija jiddinstingwu dan ix-xogħol minn ieħor.
Illum il-ġurnata ma nistax nimmaġina il-bajja tal-Balluta mingħajr l-impatt estetiku sabiħ li jħalli l-istil neo-Gotiku ta’ din il-knisja, flimkien mal-istil Art Nouveau tal-Balluta Buildings (1928) offrut lilna mill-Perit Giuseppe Psaila, qabel ma tilwi lejn Triq Manwel Dimech.
Li ma semmejtx
Hemm ħemel ta’ xogħlijiet maħsuba minn Spiteri u eventwalment imwettqa, li ma semmejtx. Ngħidu aħna l-Park ta’ Ta’ Qali jew is-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi. Kien konxju ferm mid-disinn u l-kuntest tiegħu, kif jixhdu l-istudji tal-aspett vernakulari Malti kemm fil-kampanja u anke fl-inħawi urbani.
Dawn it-togħmiet li tajtkom jonqsu milli jfiehmu l-firxa wiesgħa tal-kontribut li ta l-Perit Joseph Spiteri biex bosta spazji li nintasbu fihom llum, inħossuhom jilqgħuna proprju bis-saħħa tad-disinn tiegħu. Għalhekk naħseb li tkun idea tajba li ktieb bħal dan tifirxu quddiemek.
