“Il-mostru mhux dejjem jirrappreżenta xi ħaġa negattiva” – Kif il-miti u l-ħlejjaq tal-biża’ jikxfu n-naħa moħbija tal-bniedem

X’jistgħu jgħidulna l-mostri dwar il-biżgħat, ix-xewqat u l-identità tagħna? F’intervista ma’ Rowena Grech, awtriċi Maltija, dwar il-folklor Malti u l-letteratura tal-biża’, il-kittieba tispjega kif il-ħlejjaq mostrużi jistgħu jirrappreżentaw mhux biss dak li jbeżżagħna, iżda wkoll il-ħelsien u l-iskoperta tagħna nfusna. 

Fejn beda l-interess tiegħek fil-mostri, fil-misteru u fl-istejjer b’elementi tal-biża’? 

L-interess tiegħi fil-mostri beda fi tfuliti. Kont affaxxinata mill-annimali, speċjalment id-dinosawri, u l-mostri kont narahom bħala estensjoni tagħhom, iżda mingħajr il-limitazzjonijiet tal-bijoloġija. Niftakar meta rajt Jurassic Park fiċ-ċinema mal-familja. Ħadt gost immens, imma dak il-lejl bqajt nimmaġina d-dinosawri jduru fid-dlam tas-salott, fejn fis-sajf konna norqdu fuq saqqijiet mal-art. Kienet taħlita ta’ faxxinu u biża’ li għadha tinteressani sal-lum. Il-misteru bħala ġeneru letterarju skoprejtu meta kelli madwar ħdax-il sena, permezz ta’ The Famous Five, The Secret Seven, The Hardy Boys u Nancy Drew. Aktar tard qrajt Goosebumps u l-kotba ta’ Anton Grasso. Ma kinux biss il-ħlejjaq infushom li kienu jolqtuni, iżda l-fatt li setgħu jqajmu emozzjonijiet opposti fl-istess waqt. Forsi proprju minn hemm ġej il-faxxinu tiegħi lejn dak li hu meraviljuż u tal-biża’ flimkien. Dak iż-żmien il-kotba tal-avventura u tal-misteru kienu jiftħuli dinjiet li stajt nesplora bl-immaġinazzjoni. 

X’inhu l-aktar li jiġbdek lejn dawn it-temi meta tikteb? 

Il-potenzjal simboliku tal-mostru. Fil-wiċċ tista’ tkun storja dwar ħlejqa sopranaturali, imma bejn il-linji tkun qed tesplora l-psikoloġija tal-bniedem. Il-mostru jista’ jirrappreżenta aspetti tal-personalità li nippruvaw naħbu jew niċħdu; hawnhekk jidħol il-kunċett Jungjan tad-dell. Iżda mhux dejjem jirrappreżenta xi ħaġa negattiva: jista’ jkun simbolu ta’ emanċipazzjoni, għarfien personali jew ħelsien. Jinteressani l-metamorfosi, għax bidla fiżika tista’ tfisser ukoll bidla psikoloġika jew eżistenzjali. Dak li minn barra jidher mostruż jista’ jkun esperjenza ta’ libertà għall-karattru. Il-letteratura fantastika tippermettilna nużaw dak li hu bijoloġikament impossibbli biex nesploraw esperjenzi profondament umani. Il-ġisem mhuwiex biss xi ħaġa li nippossjedu; huwa wkoll il-mezz li bih nesperjenzaw id-dinja. Għalhekk meta jinbidel il-ġisem tal-karattru, tinbidel ukoll ir-relazzjoni tiegħu miegħu nnifsu u ma’ dak kollu ta’ madwaru. It-trasformazzjoni ma tfissirx neċessarjament telf tal-identità, iżda kultant skoperta tagħha. 

Kemm jinfluwenzaw il-kitba tiegħek il-folklor, il-leġġendi u t-tradizzjonijiet lokali? 

Miti Maltin, Monstri u Kreaturi kien l-ewwel ktieb tiegħi li esplora direttament il-mitoloġija Maltija. Meta kont żgħira ma kienx faċli nsib kotba dwar dawn il-ħlejjaq; illum hawn interess imġedded u pubblikazzjonijiet mibnija fuq riċerka estensiva. Niftakar stejjer dwar Ġaħan u s-Serp ta’ Seba’ Rjus. Fil-mitoloġija jinteressani mhux biss il-mostru, iżda dak li jgħidilna dwar min ħolqu. Għaliex komunità toħloq ħlejqa partikolari? Liema biżgħat kollettivi tesprimi? Il-miti huma parti mill-memorja kulturali tagħna: jirriflettu kif il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ppruvaw jifhmu d-dinja. Ma narahomx bħala xi ħaġa magħluqa fil-passat, iżda bħala materjal ħaj għal interpretazzjonijiet ġodda. Il-mistoqsijiet dwar kif komunità fehmet in-natura, il-mewt jew dak li ma setgħetx tispjega jgħinuni nara dawn il-ħlejjaq minn perspettiva oħra. Ma ninteressanix sempliċement nerġa’ nirrakkonta l-istess storja: irrid nifhem il-biża’ u t-twemmin li wasslu biex inħolqot. 

Hemm ħlejjaq jew stejjer li ħallew impatt partikolari fuqek? 

Il-mitoloġija Griega taffaxxinani bis-simboliżmu u l-kumplessità tagħha. L-allat tagħha, minkejja li huma divini, jesperjenzaw emozzjonijiet umani bħall-għira, ir-rabja, l-imħabba u l-biża’ mit-telfien. Il-ħlejjaq mostrużi wkoll iġorru tifsiriet lil hinn mid-dehra tagħhom. Meta nifhmu l-istorja ta’ mostru, nistgħu nibdew niddubitaw jekk il-mostrożità tinsabx fih jew fil-mod kif narawh. Kont inħobb il-ħrejjef tal-aħwa Grimm, proprju għax ma jaħbux l-aspetti mudlama tal-ħajja. Fost il-kittieba li jogħġbuni hemm Tolkien, Rowling, H. G. Wells, John Connolly, Stephen Fry, Pat Barker, Madeline Miller u Jennifer Saint. Din l-ambigwità tagħmilhom interessanti għalija: ħlejqa li tbeżża’ tista’ wkoll tqanqal simpatija. L-istejjer li kienu jolqtuni fi tfuliti ma kinux neċessarjament dawk bi tmiem feliċi; kont napprezza kif setgħu juru naħat diffiċli tal-eżistenza umana. 

X’riċerka tagħmel qabel tikteb dwar leġġenda jew mostru? 

Nibda minn kotba ta’ referenza, pubblikazzjonijiet storiċi u materjal folkloristiku. Irrid nifhem l-oriġini tal-ħlejqa u l-kuntest kulturali tal-istorja: kienet maħsuba biex tbeżża’, twissi, tispjega fenomenu jew tgħallem xi ħaġa? Imbagħad nidentifika t-tema li rrid nesplora. Il-mostru m’għandux ikun hemm biss għax hu interessanti, iżda għandu jkollu funzjoni fin-narrattiva. Waqt il-kitba nevita, kemm jista’ jkun, stejjer fittizji simili biex ma niġix influwenzata żżejjed. Ir-riċerka tagħtini pedament, u l-immaġinazzjoni tħallini niżviluppa interpretazzjoni personali. Nistaqsi wkoll x’kien jirrappreżenta l-mostru għan-nies li kienu jirrakkontaw dwaru u x’seta’ wassalhom biex jagħtuh ċerti karatteristiċi. Imbagħad irrid insib il-bilanċ bejn ir-rispett lejn is-sors u l-libertà kreattiva li tagħmel l-istorja tiegħi. 

Kif tibbilanċja l-leġġendi antiki mal-elementi li toħloq int? 

Nipprova nżomm elementi fundamentali tal-mit oriġinali u nagħtih dimensjoni ġdida permezz ta’ temi kontemporanji. Il-biża’ mill-mewt, l-imħabba, ix-xjuħija, l-għira u x-xewqa li nkunu aċċettati huma esperjenzi li jibqgħu magħna. Madankollu, il-mod kif il-bniedem jifhem lilu nnifsu u d-dinja jinbidel. Il-miti għandhom jiġu interpretati mill-ġdid fid-dawl ta’ dan l-għarfien. Ħafna minnhom inbidlu diġà hekk kif għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-kitba kreattiva hija kontinwazzjoni ta’ dak il-proċess. Għalhekk ma nħossx li għandi nirriproduċi l-mit kelma b’kelma. It-tradizzjoni nnifisha turi li storja tista’ tinbidel u tibqa’ tagħmel sens għal żminijiet differenti. Il-ħaġa essenzjali għalija hi li l-element il-ġdid jikkomunika xi esperjenza umana. 

Storja tal-biża’ trid bilfors tinkludi mostri jew elementi sopranaturali? 

Le. Il-mard, il-gwerer, il-pandemiji, id-diżastri naturali u l-mewt jistgħu jqajmu terrur mingħajr ebda mostru. Xi drabi dak li hu reali huwa ferm aktar tal-biża’ minn dak li nimmaġinaw. Wieħed mill-aspetti l-aktar inkwetanti huwa t-telf tal-kontroll, meta nsibu ruħna quddiem sitwazzjoni li ma nistgħux nifhmu jew nibdlu. Anke dak li hu familjari jista’ jsir tal-biża’ jekk jinbidel. Il-ġisem tagħna huwa intimu għalina, imma x’jiġri jekk jibda jinbidel b’mod li ma nistgħux nikkontrollaw? F’dak il-każ, il-biża’ ma tiġix minn mostru estern, iżda mill-fatt li nsiru barranin għalina nfusna. Il-biża’ tista’ titnissel ukoll minn sensazzjoni li xi ħaġa li konna nafu sew saret stramba. Mhux bilfors għandna bżonn forza sopranaturali biex inħossu dak it-telf tas-sigurtà; xi sitwazzjonijiet reali jagħmluh b’mod aktar qawwi. 

X’jagħmel storja tassew tal-biża’ jew misterjuża? 

Mhux il-ġrajja biss, imma l-mod kif il-qarrej jesperjenzaha. Il-kliem, ir-ritmu tas-sentenzi, is-silenzji u dak li jitħalla mhux spjegat joħolqu tensjoni. Kultant dak li ma nurux ikun aktar effettiv minn deskrizzjoni tal-mostru: il-qarrej jimla l-lakuni bl-immaġinazzjoni tiegħu. Il-biża’ jsir partikolarment qawwi meta ma jibqax osservatur u jibda jistaqsi kif kien iħossu kieku kien hu fil-post tal-karattru. L-għażla ta’ dak li nħalli barra hija importanti daqs dak li niddeskrivi. Meta l-qarrej jimmaġina hu stess it-theddida, kultant toħloq tensjoni ferm akbar milli kieku nagħtih kull dettall mill-ewwel. 

Għaliex miti li ilhom mijiet ta’ snin għadhom jaffaxxinawna? 

Għaliex jittrattaw mistoqsijiet fundamentali: minn fejn ġejna, għaliex inbatu u x’jiġri wara l-mewt? Fl-imgħoddi għenu lill-bniedem jispjega fenomeni li ma kienx jifhem, iżda l-valur tagħhom mhux biss f’dak l-aspett. Għandhom dimensjoni simbolika u psikoloġika. Fil-mitoloġija nsibu figuri rikorrenti f’kulturi differenti, bħall-eroj, l-omm, l-għaref u d-dell, li mill-perspettiva Jungjana jistgħu jinqraw bħala arketipi. Il-miti jirriflettu l-biżgħat, ix-xewqat u l-kontradizzjonijiet tagħna. Għalkemm id-dinja nbidlet, ħafna mill-mistoqsijiet li jqajmu għadhom l-istess. Dawn il-figuri jieħdu forom differenti skont il-kultura, iżda l-mistoqsijiet umani li jġorru jistgħu jkunu simili. Għalija l-miti mhumiex sempliċi rakkonti ta’ allat jew mostri; huma wkoll mod kif nifhmu lilna nfusna. 

Halloween jgħin biex iżomm ħaj il-folklor, jew ibiddlu wisq? 

Halloween jagħti spazju lil vampiri, zombies, sħaħar u ħlejjaq oħra permezz tal-kostumi, il-films u l-logħob. Dawn għandhom oriġini differenti: uħud ġejjin mill-folklor, oħrajn ġew iffurmati mil-letteratura u ċ-ċinema. Jinteressani kif it-tifsir tagħhom jinbidel maż-żmien. Vampir jista’ jkun mostru f’interpretazzjoni u figura romantika jew traġika f’oħra. Ma narax dan it-tiġdid bħala negattiv fih innifsu; jista’ jagħti ħajja ġdida lill-karattri. Iżda importanti niddistingwu bejn il-kultura popolari u l-għeruq folkloristiċi, inkella nitilfu l-kuntest u t-tifsiriet oriġinali. Pereżempju, il-karattru li naraw fuq l-iskrin illum mhux neċessarjament l-istess wieħed li kien jintuża fi twemmin antik. Li nifhmu din id-differenza jgħinna napprezzaw kemm il-verżjoni moderna kif ukoll il-wirt oriġinali tagħha. 

Qarrej Malti jirreaġixxi b’mod differenti għal stejjer tal-biża’ minn qarrej barrani? 

Kull qarrej iġib miegħu esperjenzi, memorji u twemmin personali. Fit-teorija letterarja, Wolfgang Iser jesplora kif il-qarrej jipparteċipa fil-ħolqien tat-tifsira billi jimla l-lakuni fit-test. Għalhekk, żewġ persuni jistgħu jaqraw l-istess storja u jesperjenzawha b’mod differenti. Min trabba jisma’ dwar ħlejjaq tal-folklor Malti jista’ jkollu rabta emozzjonali magħhom li qarrej barrani ma jkollux. Iżda l-kultura mhijiex kollox: anke l-istorja personali tal-individwu taffettwa l-qari. Dak hu s-sabiħ tal-letteratura: it-test jibqa’ l-istess, iżda l-esperjenza tinbidel. Min jaf il-leġġenda minn tfulitu jista’ jisma’ isem ħlejqa u jiftakar sentiment jew biża’ antik. Xi ħadd ieħor jista’ jersaq lejha b’kurżità ġdida. L-ebda waħda minn dawn ir-reazzjonijiet ma hija waħda awtomatika għal kulħadd. 

X’tixtieq li jibqa’ mal-qarrej wara storja mudlama? 

Ma nibdiex nikteb billi naħseb fil-messaġġ li rrid inħalli lill-qarrej. L-ewwel nikteb għalija nnifsi. Il-kitba għandha funzjoni terapewtika: tgħinni nagħti forma lil ħsibijiet u emozzjonijiet diffiċli biex nesprimihom direttament. Xi drabi niskopri x’qed nipprova nifhem waqt il-proċess innifsu. Naturalment nieħu gost meta qarrej isib xi ħaġa li tmissu jew jidħol f’esperjenza differenti minn tiegħu. Il-letteratura tista’ tqanqal empatija mingħajr ma tagħti tweġibiet morali. Kultant tħallina skomdi, b’mistoqsijiet wara li nagħlqu l-ktieb. Dik l-iskumdità tista’ tkun il-bidu ta’ riflessjoni aktar profonda. L-esplorazzjoni personali tiġi qabel kull intenzjoni li nwassal xi lezzjoni. Jista’ jkun li l-qarrej jara fit-test tifsira li lanqas jien ma kont ipprevedejt. Dan hu parti mill-ġmiel tal-kitba u tal-qari: kull wieħed jista’ jsib xi ħaġa differenti. 

Fuq xiex qed taħdem bħalissa, u xi pjanijiet għandek fil-futur? 

Għandi diversi ideat u truf ta’ stejjer, iżda xejn iffinalizzat li nista’ nħabbar. Il-proċess tiegħi mhux dejjem lineari: xi drabi nibda minn immaġni, karattru, atmosfera jew mistoqsija u nħalliha tiżviluppa. Nixtieq inkompli nesplora l-miti u l-interpretazzjoni mill-ġdid ta’ ħlejjaq mitoloġiċi. Nixtieq ukoll nidħol aktar fix-xjenza fittizja. Għalkemm tidher differenti mill-mitoloġija, it-tnejn jgħinuna nimmaġinaw dak li għadna ma nafux u nqajmu mistoqsijiet dwar l-identità, il-mortalità u l-limiti tal-għarfien. Fl-aħħar mill-aħħar jinteressani kif il-ġeneri jgħinuni nesplora l-esperjenza umana. It-tnejn jistgħu jpoġġu lill-bniedem quddiem dak li huwa differenti minnu u quddiem mistoqsijiet li m’għandux tweġiba ċerta għalihom. Hija dik il-possibbiltà li nesplora aspetti kumplessi tal-ħajja li tibqa’ tiġbidni lejn dawn il-ġeneri. 

Kemm il-mitoloġija kif ukoll ix-xjenza fittizja jistgħu jintużaw biex il-bniedem jimmaġina dak li għadu ma jafx jew ma jistax jispjega. It-tnejn jistgħu jqajmu mistoqsijiet dwar l-identità, il-limiti tal-għarfien, il-mortalità u r-relazzjoni tagħna ma’ dak li hu differenti minna. 

Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jinteressani mhuwiex biss il-ġeneru nnifsu, iżda l-possibbiltà li permezz tiegħu nista’ nkompli nesplora l-kumplessità tal-esperjenza umana. 

 

More in Arti