Meta perit jimmaġina l-infern u jidħol fih

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb tħares lejn il-ktieb Katabasis tal-perit Richard England. 

Aktarx kull perit, f’xi punt jew ieħor ta’ ħajtu, teċitah il-premessa li jibni belt kollha tiegħu mill-qiegħ: mingħajr ebda indħil skifuż tal-Awtorità tal-Ippjanar, mingħajr permessi, mingħajr it-terribbli Abbozzi 143 u 144… U Richard England donnu rnexxielu jsib l-uniku post fejn ħadd ma jista’ jeħodha kontra xi disinn tiegħu. Bena belt fl-infern. 

Katabasis (ippubblikat minn Kite Group) miktub bl-Ingliż, u huwa trattat, proża u arti. Għażilt li nikteb dwaru purament minħabba l-interess u l-faxxinu li l-mitoloġija Griega ilha tqanqal fija minn mindu qrajt silta minn Percy Jackson, tradotta għall-Malti fil-Kalejdoskopju tas-Sitt Sena tal-primarja (jidhirli). 

Bħal Dante qablu, in-narratur jinżel f’dak li l-awtur isejjaħlu l-“Hadean-Hell”, taħlita tad-dinja ta’ taħt tal-Griegi u l-infern tal-Kristjani. Idawruh u jindukrawh matul il-vjaġġ tnejn mill-iżjed infami tal-Bibbja: Kajjin u Ġuda. F’din id-dinja hemm seba’ ċittadelli mibnija minn materjal prezzjuż differenti, waħda għal kull wieħed mis-seba’ rjus tad-dnubiet il-mejta. Kollha xogħol l-anġlu Mulciber, li tkeċċa mill-ġenna u tar sa Malta minn Paradise Lost ta’ Milton. 

Katabasis, kelma li bejn wieħed u ieħor tfisser “inżul”, hija triq imħaffra mill-passi tal-awturi. Bdejna minn Orfew, li fil-ġenn tal-imħabba niżel ifittex lil Ewridiċi, għaddejna minn Dante, li niżel ifittex lil ruħu stess, u komplejna ma’ C.S. Lewis, għaddej fuq tal-linja f’The Great Divorce. 

Imma naħseb li, iżjed milli mappa tal-infern, il-ktieb huwa mappa tal-awtur innifsu. Il-paradoss hu li bilkemm insiru nafu lin-narratur. Lejn l-aħħar, kważi en passant, jgħidilna li ltaqa’ mad-dellijiet ta’ ħbieb li kienu għadhom kemm mietu, u li din kienet l-iżjed parti li weġġgħetu. Imma qatt ma naraw wisq minnha. 

Ma’ kull ċittadella, England jorbot ħaġra prezzjuża u silta mużikali: Goldsmith, Wagner, Ligeti, Penderecki. U jiddeskrivi lil kull waħda. Il-Pandaemonium hu “a cyclopean otherworld architectural amalgam of various heterogeneous typologies”. Naħseb nagħmillu iżjed ġustizzja jekk inħallih bl-Ingliż. 

Kull ċittadella hi formulajka. Sa ma wasalt fil-ħames dnub mejjet, bdejt nistennieha. Pjaneta. Kulur. L-għassies tal-grada. Ħaġra prezzjuża, u silta mużikali. Għal seba’ darbiet. U kollha miżgħuda b’ismijiet li rajna kemm-il darba fil-mitoloġija. Insibu lil Bellerofonte, Issjone, Agamennun, Arakne u Sisifu. Lotterija tal-ismijiet. 

U bħal kull dilettant tal-mitoloġija li f’xi punt jieħu l-mit favorit tiegħu u jimmaġina lilu nnifsu flok l-eroj, England jagħżel lil Mulciber bħala l-eroj tiegħu. Mulciber, jgħidilna, ma waqax minħabba l-kburija. Irħielha lejn l-infern għax xeba’ sal-ponta ta’ mnieħru bir-regoli tal-awtoritajiet tal-ippjanar tal-ġenna, u issa jisħet il-burokrazija u l-arkitettura “Mammon-worshipping” li tinbena għall-flus. 

U l-qarrej Malti ma jistax ma jitbissimx! 

Katabasis ta’ England qisu “trip” ġo moħħu. Naraw b’xiex inhu ppreokkupat: bin-numeroloġija, bil-golden ratio, bil-mużika, bil-bini. Insiru nafu iżjed dwar il-ħalliem milli dwar il-ħolma tiegħu. England jargumenta li l-infern ma jistax ikun etern u li l-ħniena t’Alla tegħleb kollox. 

Il-ktieb ifuħ ukoll b’riħa ta’ The Da Vinci Code. U lil hinn mill-kubrit u l-ġojjelli, il-ktieb jipprova jkun ktieb filosofiku. England jieħu l-apokatastasis ta’ Oriġene, it-tama li kulħadd fl-aħħar isalva, u jippreżentaha bħala xi ħaġa ‘ovvja’. Iżda qatt ma jiffaċċja l-mistoqsija ta’: jekk il-kastig ma għandux tmiem u l-ġustizzja ma għandhiex piż, x’jiġri meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa ‘ħażina’? Fuq il-bieb tal-infern ta’ Dante hemm miktub li “il-Ġustizzja ċaqilqet lil min għamilni”. England iwarrab dik il-frażi. Imma ma jpoġġi xejn minflokha. U n-narratur donnu joħroġ mill-esperjenza, minkejja li jgħidilna li ħareġ “enriched and ameliorated”, bl-istess vuċi u ħsieb. 

Hekk kif kont naqra l-ktieb, ix-xewqa li jkolli pinna ħamra biex nikkoreġi ftit mill-iżbalji l-ħoxnin kibret kemxejn. Per eżempju, l-awtur jgħidilna li Erkole qatel lil Ċerberu, jew li Pilatu kien il-qassis il-kbir, jew li l-Pi hu 3.1459. Ate, minn alla tar-rovina, issir l-alla tar-regħba. Tifone, minn mostru bin Gaia, isir Titan. U l-prożatur qatt ma jistħi juża żewġ kelmiet jew tlieta avolja waħda kienet taqdih. Għandna l-bombastiċità ta’ kliem bħal “lapidifying petrifying”. Fi ktieb li ċarament sar b’ħafna ħsieb, dawn l-irqaqat iniggżu iżjed milli jeħtieġ. 

Id-disinn tal-ktieb sabiħ ħafna, tant li xi paġni tkun tixtieq tqegħedhom fi gwarniċ. Għandna poeżiji akrostiċi u kwadru maġiku. L-awtur però ma jistaħbiex wara subgħajh: xi tpinġijiet saru bl-għajnuna tal-AI. Hi kemxejn ironika meta tqis li fl-aħħar kapitlu, Khronos jagħti l-prietka lin-narratur dwar kif l-AI se toqtol il-kreattività fil-bniedem. 

Imbagħad, fl-aħħar, l-awtur jinqeda bil-ktieb biex jgħidilna naħlu inqas, nirriċiklaw iżjed u nibżgħu għall-ilma. Imma jekk il-ktieb jgħidilna li kulħadd se jsalva fl-aħħar, għaliex din il-biża’ u l-insistenza kollha?
 

Katabasis għandu bosta difetti. Jixxennaq għal editur, u huwa mogħni sa ruħ ommu b’kull isem mitoloġiku popolari. Imma minkejja li jitlob paċenzja kbira mill-qarrej, fl-aħħar mill-aħħar huwa interessantissimu: ħolma tbaqbaq u frustranti ta’ raġel li qatta’ ħajtu jfassal spazji għall-oħrajn, u fl-aħħar bena wieħed għalih. 

More in Arti