Kien Diċembru, imma hemm bżonn ta’ Jannar

​Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Michaela Pia Camilleri tħares lejn il-ktieb il-ġdid ta’ Immanuel Mifsud, li tqisu bħala t-tewmi ta’ ktieb ieħor li ppubblika snin ilu. Kien Diċembru jħares lura għar-relazzjoni ta’ iben ma’ omm, iżda importanti li tħares ’il quddiem ukoll

Ħa nibda dir-reċensjoni xi ftit differenti mis-soltu. Is-soltu dejjem insemmi xi storja dwar kif sirt naf bil-ktieb, jew kif nirrelatah ma’ ħajti, u ndum inġebbed sal-aħħar biex nasal għall-punt ta’ kritika li nkun nixtieq nagħmel. Ovvjament nikkonkludi b’kumpliment, għax inkella flok compliment sandwich nispiċċa bi froġa. Il-kittieba sensittivi, u ma rridx niskuraġġihom milli jiktbu. Dak li nikteb, niktbu għax irrid nara l-kotba Maltin fuq xkafef barranin, spalla ma’ spalla ma’ kittieba kbar oħrajn, u iżjed u iżjed, fuq il-komodini u s-sufani Maltin, miftuħin, bil-paġni mgerrmin u mgħawġin, moqrija.  

Immanuel Mifsud huwa l-kittieb li ġegħelni nsir inħobb il-letteratura Maltija. Għadni niftakarni naqra Jutta Heim, Kimika u L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sammut, u nintilef fil-kitba tiegħu. Bil-pinna tiegħu fetaħli tieqa għal dinja li l-iskola ġegħlitni nobgħod, u univers ta’ emozzjonijiet kumplessi li fakkruni fid-demm jiġri f’kull arterja ġo ġismi.  

Fit-tnedija ta’ Kien Diċembru (pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin), fl-aħħar t’Ottubru, Mifsud stqarr li kważi kull awtur eventwalment jaffaċċja biża’ partikolari – il-biża’ li m’għadx baqagħlek iżjed x’tgħid. Ma nemminx li dan hu l-każ ta’ Mifsud. Nemmen li hu wieħed mill-iżjed imħuħ importanti fix-xena letterarja u anke filosofika Maltija. Biss naħseb li l-pressjoni ta’ awtur tal-istatura tiegħu biex jibqa’ jipproduċi, prattikament kull sena, twassal biex jikteb ħafna, bla ma jagħti ċans ’il-ktieb jiffermenta sew.  

Kien Diċembru huwa t-tewmi ta’ Fl-Isem tal-Missier (U tal-Iben) (ippubblikat fl-2021), li did-darba jesplora r-relazzjoni kemm sempliċi u fl-istess ħin kumplessa li kellu m’ommu. Miktub fit-tieni persuna, il-ktieb jieħu l-forma ta’ konverżazzjoni bejnu u bejn ommu, li jagħti lok għal intimità profonda li jaf qatt ma kellu magħha – jagħti l-ispazju biex dak li qatt ma ntqal bejniethom, fl-aħħar jintqal. Din toħroġ sew f’kitbietu, b’linji penetranti bħal: “Kif qatt ma tajtni bewsa kif kien imiss?... Kif qatt m’għedna dik il-kelma lil xulxin?” Bħal dejjem, Mifsud kapaċi joħroġ sew l-emozzjonijiet kumplessi tal-bniedem. Joħroġ sew id-diqa tal-ulied li jirrealizzaw li lill-ġenituri tagħhom ma jafuhomx sew daqskemm xtaqu, li meta kienu ħajjin ma saqsewhomx biżżejjed mistoqsijiet. U li issa tard wisq. Jien u naqra, ġietni mewġa ta’ rieda li naqbad lil ommi u ngħannaqha miegħi, biex inżomm il-mewt ’il bogħod minn bejnietna.  

Ommu hija mara tipika taż-żmien tagħha, ta’ ftit kliem. Il-kelma “nħobbok” qatt ma qalithielu. L-imħabba turiha billi tagħti ruħha u ġisimha lill-familja tagħha bix-xogħol tad-dar. Dan joħroġ sew fl-istampa li joħroġ tagħha bħala mara tad-dar, tal-klassi tal-ħaddiema, li għaliha x-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem, dak li jagħmlek Kattolika tajba u jwasslek għall-eternità: “Għalhekk ħalaqna Alla: biex naħdmu. Tibżax: għad jasal il-mument tat-tgawdija.” Fuq kollox idea li tirrinforza u żżomm lill-klassi tal-ħaddiema fil-jasar tagħhom. Mifsud joħroġ b’mod preċiż id-dinamika tar-relazzjoni diverġenti bejn il-ġenitur Malti reliġjuż u parrokkjali, kontra l-wild li jħossu soffokat mit-twemmin tagħhom: “Toħodnix aktar wara d-Duluri, lanqas Santa Rita… Ma rridx nisma’ l-kurunelli tal-imnikkta, il-bikjiet tal-ommijiet b’biżlejhom imdendla, imkemmxa u nixfin. Irrid in-nisa sbieħ bħal dik li nara nieżla tard billejl…” 

Joħroġ id-diverġenzi intellettwali bejniethom, meta hi ssaqsih: “Għalfejn dal-kotba kollha, ibni? Għalfejn inqum kif jaħbat jibda jbexbex u nsibek qed tinħabb mal-qamar, titgħannaq miegħu?” L-awtur qisu qed jipprova jgħid li qatt ma setgħu jifhmu lil xulxin sal-qiegħ nett tar-ruħ, u din id-distanza bejn ġenitur u wild jaf qatt ma tista’ tixxejjen. Iżda xi kultant, din l-enfasi toħroġ b’mod patronizzanti, u xxaqleb lejn sens ta’ superjorità intellettwali. “Inti qatt qrajtha ’l de Beauvoir?” jgħidilha. Jekk hemm sens ta’ ironija fi kliemu, din ma toħroġx daqshekk biċ-ċar.  

Naħseb li l-biża’ li ma jaqax fis-sentimentali, kif semma fit-tnedija tal-ktieb, wasslitu biex forsi jiddistanzja ruħu żżejjed minn ommu, u f’kitbietu jinħass sew id-distakk bejn il-proża poetika grazzjuża u forsi ftit grandjuża tiegħu, u dak li qed jipprova jwassal dwar ommu, fil-kuntest tagħha bħala mara sempliċi li kienet vittma tal-patrijarkat u membru tal-klassi tal-ħaddiema. Il-kitba tiegħu tieħu ħinha biex tiddeskrivi l-emozzjonijiet imqanqla, iżda ommu tibqa’ mara sempliċi, sospiża fuq sħaba ta’ kliem sabiħ. Kważi kważi tfixklek. Sa ċertu punt tista’ tgħid li Kien Diċembru huwa poeżija twila, b’ċarġ emozzjonali qawwi, u bl-istil melankoliku tiegħu li sinn matul is-snin. Iżda kif qal hu stess waqt it-tnedija, dan memoir fejn il-memorja tiegħu ġiet ikkunsmata bl-intensità poetika tiegħu, iżjed milli n-narrattiva, li jien u naqraha xtaqt iżjed minnha.  

Mifsud imiss ma’ ċerti profonditajiet ibsin, bħal pereżempju meta nintebħu bil-mortalità tal-ġenituri, ma’ kull tikmixa li tifforma fuq ħaddejhom. “Inħares lejk u nara l-jum li ma rridx nara,” jgħid ’l ommu. Dan huwa l-forte ta’ Mifsud – huwa bla dubju wieħed mill-aħjar kittieba Maltin li jifhmu u jikxfu l-emozzjonijiet tal-bniedem fil-griż sfumat tagħhom. U huwa infatti ma jiddejjaqx jilbes il-griż hu stess, u jikkritika, fuq livell meta, ir-rwol tal-intelletwali li juża l-kumplessità sabiex jitbiegħed mill-emozzjoni ġenwina ta’ dawk li m’għandhomx il-privileġġi tal-espressjoni li Mifsud imżejjen bihom.  

Però nixtieq nara fażi ġdida fir-repertorju ta’ Mifsud. Il-proża poetika tiegħu qawwija u bla dubju, għandu sengħa kbira biex joħroġ l-emozzjonijiet fil-gradi u l-isfumaturi kollha tagħhom. Kittieb bħalu żgur li mhu qatt se jaqa’ fil-muta. Biss nemmen li r-riskju kreattiv qed iċedi postu għall-familjarità ta’ stil li diġà jaħkmu b’sengħa kbira, anke jekk dan ifisser li jidħol f’territorju letterarju inqas familjari. 

 

More in Arti