Minn tarf sa tarf tal-(uni)vers
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, inħarsu lejn ktieb ieħor ta’ poeżiji mill-pinna prolifika ta’ Ġorġ Borg, il-poeta magħruf ta’ Il-Bejjiegħ tal-Gazzetti. Dawn il-poeżiji ma janalizzawx lill-ħajja … iżda jgħixu fiha
Ix-xogħlijiet ta’ Ġorġ Borġ sirt nafhom minn Stejjer minn tarf sa tarf tat-triq, li d-dar jgħix perpetwament bħala l-ktieb ta’ taħt it-televixin, mindu darba nżilt naqrah isfel u ħallejtu hemm, fuq il-cabinet li jżomm fih ix-xorb fin u l-affarijiet sigrieti l-oħra. Minnu tgħallimt x’inhi santa taċ-ċikwejra qabel tgħallimt ħafna affarijiet oħra.
Imbagħad, meta kbirt kemxejn oħra, sirt nafhom kif saru jafuhom dawk tampari li laħqu Nadriet mill-poeżija Il-Bejjiegħ tal-Gazzetti. Kont niddarras meta kienu jgħidulna li hija poeżija “ħelwa”. Hija ħelwa u konċiża, veru. Imma lili dejjem kienet tqabbadni ħlewwa ta’ qalb.
Mill-werrej ta’ Raxxa Dija, u anke mill-isem stess, ħassejt dik l-istess ħlewwa. It-titli Inerzja, Għajnejk, Fid-Dawl Tiegħu, F’Territorju, L-Istejjer tat-Tfulija, Bews, Ħars, għandhom ċerta ħlewwa fihom. Donnhom ma nkitbux biex jiġbdu l-għajn. Donnhom ġew wara l-poeżija.
Il-ġabra fiha tmenin poeżija, waħda għal kull sena li jagħlaq il-poeta. Żgur hemm xi waħda li daħlet biex tagħlaq in-numru. Imma l-maġġoranza joqogħdu waħedhom bħala esperjenzi kompluti, mingħajr ma jeħtieġu l-ġirien tal-karti tagħhom biex jiġġustifikaw l-eżistenza tagħhom.
L-ewwel ħaġa li tinħass hija li dawn huma poeżiji miktuba minn idejn xierfa, li jaqbdu l-pinna bl-ikbar tmellis. Hemm sens ta’ bniedem li ilu jżomm pinna. U hemm ukoll sens pjuttost rifreskanti u kemxejn rari f’dis-sena li qed ngħixu fiha, li l-ebda Intelliġenza Artifiċjali ma messet ma’ dawn il-paġni. Għax il-poeżiji għandhom il-pass ta’ bniedem li ilu jaħseb. Jistħarrġu l-imħabba, l-iskop, in-niket, iżda mingħajr il-ħtieġa li jispjegawhom jew jiżolawhom. Jafu li dawn huma minn ewl id-dinja, u joqogħdu josservawhom.
F’dan is-sens ifakkarni f’Martin Heidegger u l-idea tiegħu ta’ das Wohnen: li l-bniedem ma jgħixx biss fid-dinja, imma jgħammar fiha. Jiġifieri jitgħallem joqgħod mal-affarijiet qabel jispjegahom. Borġ jagħmel proprju dan. Ma janalizzax wisq il-ħajja. Imma joqgħod magħha.
Fl-istess ħin hemm xi ħaġa li tfakkarni wkoll f’Simone Weil u l-idea tagħha tal-attention: li l-attenzjoni hija forma ta’ mħabba. Il-poeżiji ta’ Borġ jagħtu attenzjoni lill-affarijiet iż-żgħar u ma jagħmlux tabirruħhom li huma staordinarji.
Hemm sens qawwi ta’ fidi matul il-ġabra kollha. Donnu poeta li wara li qatta’ ħajtu jitkellem ma’ ħafna nies, issa ddeċieda li fir-rima jkellem lil Alla. Dan jidher b’mod ċar f’Imħabbtek.
Il-ktieb kollu jinqara bħala “qawsalla ta’ tamiet”, kif jgħid hu stess fil-poeżija Tamiet. L-aktar poeżija li baqgħet miegħi kienet Nibda Nifhem:
“Infittex lili nnifsi / barra minni / u nħoss il-moħħ jiċċajpar / minnufih. / Imbagħad nidħol infittex / ġewwa fija / u nara biss id-dlam li mgħobbi bih. / U nasal nibda nifhem / li m’hemmx sejbien ta’ din ix-xorta / la barra, ’qas ġo fija / ... ħlief ġo Fih.”
Hemm ħafna tradizzjoni Nisranija f’dawn il-versi, iżda hemm ukoll dik il-mistoqsija filosofika li għajjejnieha u għajjietna – jien min jien? Borg ma jagħtix risposta psikoloġika. Lanqas waħda romantika. It-tweġiba tiegħu hija waħda spiritwali.
Imbagħad il-ktieb jagħlaq b’Poeta bla ma jaf. Id-distiku “għad li kien analfabeta / b’qalbu u b’moħħu kien poeta” jgħid ħafna fuq kif Borg jifhem il-poeżija. Mhijiex talent merfugħ għal “min jikteb”. Hija mod ta’ beatitudni ta’ kif wieħed jgħix. Tinsab f’dawk li jħobbu l-armonija, li jissaħħru bis-sbuħija, li qatt ma kitbu poeżija f’ħajjithom, ta’ dawk li tgħallmu “l-grammat’ka tal-ħolqien”.
Borg jikteb bħallikieku l-poeżija diġà teżisti fid-dinja, u li xogħlu hu biss li jagħtiha widen. Jurina li l-kliem ta’ kuljum jista’ jkun poeżija jekk ikun ingħaraf u tqiegħed b’attenzjoni.
Fi żmien fejn ħafna letteratura tħoss il-ħtieġa turi kemm hija intelliġenti, Borg m’għandu l-ebda interess li jqis dan. Il-ħsieb qiegħed hemm, imma Borg ma jiżżejjinx bih. Jafda lill-qarrej. U iżjed minn hekk, jafda wkoll lill-Poeżija.
Fl-aħħar mill-aħħar, Raxxa Dija hija ġabra li jista’ jaqraha tifel jew anzjan u t-tnejn isibu post fiha. It-tifel għax għadu ma ġarrabx. L-anzjan għax jaf li ġarrab. U t-tnejn se jispiċċaw bl-istess sens ta’ paċi eżistenzjali.
