L-Imgħawweġ u d-Dritt – kitba minn Għawdex

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea tfittex il-karattru Għawdxi fit-toroq iserrpu tal-ġurnal letterarju Għawdxi ġdid Mgħawġin li jittratta t-temi taċ-ċokon u x-xewqa għall-ftuħ, in-nostalġija lokali, l-imħabba u oħrajn

Meta nsemmu x-xena letterarja lokali, ħafna jaħsbu fix-xena lokali Maltija, li fiha tiġbor iż-żewġ gżejjer prinċipali. Ftit jaħsbu li jagħmlu distinzjoni bejn il-letteratura Għawdxija u dik Maltija. Iżda fil-ġurnal letterarju Mgħawġin, il-koedituri Ħaley Xuereb u Corrine Zahra, ħassew il-ħtieġa li jleħħnu l-kittieba Għawdxin li ftit għandhom opportunità jesprimu ruħhom fi gżirithom. Dan iġiegħel wieħed jaħseb dwar id-differenzi, jekk jeżistu, bejn il-kitba u l-identità Għawdxija u dik Maltija.  

Li ċertament joħroġ f’bosta mill-poeżiji u l-proża hu s-sens taċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tal-post tat-twelid u x-xewqa għall-esplorazzjoni u l-avventura lil hinn minnu, sentiment li, minkejja li jinħass mill-Maltin, donnu jinħass b’aktar qawwa u frekwenza mill-Għawdxin li t-tluq tagħhom minn gżirithom hu iktar inevitabbli. Però, dan l-għatx għad-dinja barranija jiġi bbilanċjat mis-sens, ladarba wieħed ikun telaq u ra d-dinja, ta’ universalizzazzjoni permezz ta’ ritorn għas-sors li, issa li jkun inftiehem minn perspettiva globali, jitqies aktar validu u prezzjuż. Dan hu proċess importanti wkoll għad-dekolonizzazzjoni, li għad irridu nixtarruha sew fil-kuntest tagħna. Xuereb tispjega kif il-kitba sservi biex “terġa’ tersaq lejn dar li ma nqtajtx minnha, imma tlaqtha biex tifhimha. Mgħawġin huwa tentattiv żgħir li niftħu l-bibien: bieb li jinfetaħ ’il ġewwa, u bieb li jinfetaħ ’il barra.” Is-sens ta’ inferjorità li nesperjenzaw spiss bħala Għawdxin u Maltin: “Din l-idea li s-suċċess, l-għerf jew saħansitra l-vuċi tiegħek għandhom jiġu minn xi mkien ieħor, qatgħetna minn dak li hawn. [...] il-mentalità li tgħidilna li dak li hu Għawdxi huwa dejjem sekondarju, marġinali, jew inferjuri.” 

Fi Gżira u mifruda, Elena Attard tindirizza s-suġġett tal-emigrazzjoni, suġġett dejjem aktar rilevanti u mhux trattat biżżejjed, meta tiġi mistoqsija mill-barrani dwar mnejn ġejja — “Rokna tad-dinja/li biex issibha fuq il-mappa trid ħjiel” u lsienha: “Kliem nista’ ngħidlek kemm trid, imma / għalxejn, għax m’intix ser tifhimni”. Tirrifletti dwar it-tluq minn art twelidna: “Xi jfisser li titlaq minn pajjiżek? / Ifisser li ħallejtek, għażiż baħar mhux mifhum?” u l-kunflitt ta’ kull min jitlaq: “Il-baħar dejjem għoġobni, imma dejjem xtaqt li / l-orizzont jeħodni.” Inħoss li dan is-suġġett li jberren f’moħħna mhux diskuss biżżejjed: Attard tagħlaq billi tagħraf ukoll dak is-sens ta’ universalizzazzjoni: “dejjem insibni, jew aħjar, ir-riflessjoni tiegħi, xħin nersaq qrib fejn l-għeluq isib il-ftuħ, / U għalhekk jien u x-Xlendi ħaġa waħda, għax minnu tgħallimt kif għandi nħares, kif għandi nara. / Għax ix-Xlendi mhuwiex biss il-post, imma l-baħar li ġo fih ir-realtà ta’ kif bejnietna u kull art oħra, ftit hemm bogħod.” Lil raħalha ssibu f’postijiet jixbhuh — “f’kull baħar/tista’ ssib is-serħ” u tikkonkludi li “Trid tifhimha dik int, li d-dinja, mhux differenti daqs / kemm tixtieq.” 

Il-poeżija Jekk Togħla ta’ Charles Bezzina hi waħda mill-qawwija fil-ġabra u tirreferi wkoll għal vjaġġ qalbieni fuq il-baħar, li jaffronta l-“mewġ qalil” biex jasal lejn id-dawl u jegħleb il-biża’. Għaxar Snin ta’ Gianella Muscat ukoll tindirizza l-kunflitt ta’ tluq u tradizzjoni. “Irnexxieli naħrab”, tibda, filwaqt li tindirizza lill-bużnanna mejta tagħha: “jien se ngħix. / Se ndur id-dinja; / id-dinja li int ma ridtx / [...] int għext mingħajr ma għext. / Dort mal-blokka u għalik rajt id-dinja.” F’Kellimni, Jennifer Barbara Buhagiar issemmi wkoll kif man-nies tħossha “aljena”, sentiment li wkoll jista’ jseħħ f’komunità tant ċkejkna. 

Insibu wkoll siltiet nostalġiċi li jirreferu għall-karatteristiċi lokali u jiddeskrivu l-ħajja familjari fuq gżira — ilħna tat-tfal jilagħbu fuq iz-zuntier, id-duttrina, it-toroq bla traffiku u r-ramel jaħraq f’Anġlu Żgħojr ta’ Casey Sacco; l-isqaqien antiki siekta f’Għammar ta’ Margaret Andrews; il-knisja u l-ħajja tradizzjonali f’Il-mara ta’ dari ta’ Colombia Cefai. F’Għawdex tiji u tijak, Maya Attard issemmi “ħut ikkulurit bħal żibeġ fil-baħar / għasafar jogħlew fuq iz-zuntier tas-sema / siġar taż-żebbuġ jixxenglu b’qalb antika”. Elena Attard taqbad il-ħajja lokali fi strofa minn Ġżira u mifruda: “Mixja bejn il-bajja u t-torri kuljum. / Għawma ħdejn it-tielet sellum. / F’dak il-blu, ilellex deheb, illi ma’ kull taqliba ta’ mewġa, / ix-xemx issiblu rokna ġdida fejn tħallilu bewsa. / Dak il-blu, li kulma nafu aħna huwa hu.” Ħasra li biss ftit biċċiet iħaddmu d-djalett Għawdxi; kont nixtieq nara iktar. 

Għadd sostanzjali tal-kitbiet huma bl-Ingliż, għażla ftit sorprendenti, iżda li wkoll forsi ġejja mis-sens tal-Għawdxin li dejjem iħarsu ’l barra. Il-biċċiet bl-Ingliż huma fil-biċċa l-kbira tajbin, b’livell għoli ta’ Ingliż, fosthom Leakage Theory ta’ EZ, poeżija fluwida u mimlija immaġni — hawn huma xi wħud mill-isbaħ linji: “I wring myself out into the sink, / watch my own water spiral / [...] “I step into my body like a room left ajar, [...] “I run a finger across my collarbone, / trace the link to its source. / It is me, / I am seeping.” Old Shirt ta’ Chelsea Muscat hi wkoll poeżija qawwija dwar memorja romantika. L-istorja The Weather-Man ta’ Liam Attard hi wkoll miktuba b’ħila, b’Ingliż kemxejn arkajku u tirrifletti dwar l-eżistenza u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-bniedem. The Self-Defense Class ta’ Kylie Grech hi storja ħafifa b’laqta umoristika. 

Poeżiji vixxerali oħra bil-Malti li laqtuni partikolarment kienu l-poeżija intima Talking Stage ta’ MA li żżewweġ b’mod organiku l-passjoni romantika ma’ dik lingwistika: “irridek taqra li niktiblek / tħarħru b’leħni / [...] iġġieled ma’ kliemi; / sawwathom b’virgola, / ħanxarhom b’bewsa / [...] kejjilli ġenbejja b’li ktibtha”. Bist il-Bambin ta’ Nicole Micallef hi niffieda tant li tqabbdek kważi l-bard, fejn tikkumpara Bambin “tal-ġibs” u “ieħor tad-demm u l-laħam”.  

Il-ġabra, b’titlu li jolqtok, hi magħmula minn taħlita ta’ kitbiet ta’ livell pjuttost għoli u oħrajn xi ftit wisq derivattivi jew prevedibbli. Id-daħliet tal-bidu huma ħelwin imma setgħu kienu inqas personali biex tinżamm iktar oġġettività. Ħasra wkoll huma l-iżbalji ortografiċi li kellhom jiġu riveduti. Iżda bħala l-ewwel ġabra minn gżira tant ċkejkna hi promettenti u tiġbor fiha għadd ta’ kontribuzzjonijiet qawwija. Mgħawġin ġie ppubblikat bl-għajnuna finanzjarja tal-KSU. Il-bord tal-qarrejja kien jinkludi lil Francesco Pio Attard, Jasmine Bajada, Daniel Cossai, u Francesco Grech. Il-qoxra spirituża turi xogħol l-artist Għawdxi Nathan Portelli. 

 

More in Arti