‘Echoes of What Never was’: x’inhu vera u x’inhu le
“Echoes of What Never Was” tistieden lill-ispettatur jidħol f’dinja immaġinata fejn il-memorja ssir inċerta u instabbli. F’dan il-korp ta’ xogħol, David Debono jesplora l-fenomenu tal-memorji foloz, magħrufa wkoll bħala confabulations, suġġett li ġie eżaminat għall-ewwel darba minn Pierre Janet u li aktar tard ġie estiż minn Sigmund Freud. Dawn huma tifkiriet li jinħassu reali ħafna, iżda li huma parzjalment jew kompletament iffabbrikati mill-moħħ. Minflok ma jippreżenta l-memorja bħala qerq, Debono jersaq lejha bħala territorju fraġli u li dejjem jinbidel, iffurmat mill-emozzjoni, iż-żmien, u l-immaġinazzjoni.
Il-paletta predominanti bbażata fuq l-okra (oranġjo) tagħti lill-kompożizzjonijiet kwalità nostalġika, qisu x-xeni jappartjenu għall-passat imbiegħed u nofsu mfakkar. Drappijiet maqbuda f’nefħiet ħfief tar-riħ jerġgħu jidhru f’ħafna mix-xogħlijiet, u jaġixxu bħala metafora kwieta għall-mogħdija taż-żmien u għal mumenti ta’ kwiet, introspezzjoni, u ħsibijiet mhux espressi. Interjuri domestiċi, kmamar familjari, siġġijiet, purtieri u ġesti ta’ kuljum bħall-ilbies u t-tneħħija tal-ħwejjeġ, l-irqad, jagħtu lix-xogħlijiet għeruq fil-ħajja ordinarja.
Madankollu, dawn ix-xeni qatt mhuma kompletament ankrati fir-realtà. Xi kompożizzjonijiet joqorbu lejn dawk surreali, u jqanqlu l-loġika tal-ħolm aktar milli tal-esperjenza mgħajxa. Il-figuri spiss jidhru bħala siluwetti, b’wiċċhom imċajpar jew moħbi, u l-identità tagħhom tisparixxi bil-mod il-mod. L-eżekuzzjoni pittorika u deliberatament indefinita ta’ Debono tkompli tħassar iċ-ċarezza, u ssaħħaħ is-sensazzjoni li wieħed qed jgħix f’ħolma, jew forsi fil-memorja ta’ xi ħadd ieħor, fejn dak li hu mfakkar, immaġinat jew minsi jibqa’ mhux solvut – għax forsi, qatt ma kien jeżisti.
David Debono
David Debono (twieled fl-1981) huwa artist figurattiv li jgħix u jaħdem f’Għawdex. L-ispirazzjoni tiegħu ġejja mis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum, b’mod partikolari dik ta’ art twelidu, li hu jittrasforma f’kompożizzjonijiet poetiċi u, xi drabi, simboliċi. Il-mezz preferut tiegħu huwa ż-żebgħa taż-żejt. Debono studja taħt il-gwida ta’ artisti ta’ fama dinjija bħal Vincent Desiderio u Steve Huston. Ix-xogħol tiegħu ġie esebit f’diversi galleriji lokalment, kif ukoll fl-Italja, u jinsab f’għadd ta’ kollezzjonijiet privati lokali u internazzjonali.
