50 Anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tat-Teatru Aurora
It-Teatru tal-Opra Aurora qiegħed jiċċelebra l-50 anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tiegħu fl-2026 bħala s-sede tas-Soċjetà Filarmonika Leone fir-Rabat Għawdex. Huwa anniversarju li se jkun iċċelebrat b’diversi attivitajiet u fuq diversi livelli, l-ewwel fosthom ikun rikonoxximent tal-kontribut storiku li dan it-teatru ta fil-qasam taċ-ċinematografija. Hekk nibet il-kunċert Aurora Resounds – serata ta’ mużika taċ-ċinema mill-Banda Ċittadina Leone taħt id-direzzjoni ta’ Colin Attard, nhar is-Sibt 24 ta’ Jannar 2026 fit-8 p.m.
Ħafna huma dawk li jafu t-Teatru Aurora bħala teatru tal-opra u bir-raġun. Iżda l-Aurora (1976) iġorr l-isem ta’ Teatru Aurora ta’ qablu, tal-1963, li kien iċ-ċinema ewlenija f’Għawdex. Dan l-ewwel Aurora, fih innifsu kien is-suċċessur tar-Royal Talkies, li kien l-ewwel ċinema f’Għawdex. Dan kien fetaħ fil-5 ta’ Jannar 1931 meta l-films kienu għadhom silenzjużi. Kien juri films nhar ta’ Tlieta, Ħamis, Sibt u Ħadd għal erba’ snin sakemm il-film ‘Two Hearts in Waltztime’, f’Jannar 1935 sar l-ewwel film ‘li jitkellem’, li qatt intwera f’Għawdex.
L-era tad-deheb taċ-ċinema fil-gżira, Għawdex jafha lill-Aurora. B’mod naturali, imbagħad, iċ-ċinema fl-Aurora mietet lejn l-aħħar tas-snin disgħin meta t-teknoloġija ċinematografika evolviet u l-films imxew lejn teatri mibnija speċifikament għalihom. Minkejja dan, it-Teatru Aurora għad għandu żewġ pari magni taċ-ċinema fi stat operabbli, u permezz tagħhom għadu tempju tal-patrimonju ċinematografiku fil-gżira. Aurora Resounds se jiċċelebra dan kollu, b’wirja tal-makkinarju taċ-ċinema, memorabilja oħra, filmati arkivjali u intervisti u, fuq kollox, mużika taċ-ċinema mill-isbaħ li għamlet films daqstant memorabbli.
