Smajt ereżija u qrajt oħra

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb taqra l-ktieb ġdid ta’ Alex Vella Gera, Ereżija, u tinnota s-satira soċjali u l-ambizzjoni tal-ktieb. 

Dal-jumejn ħsibt ftit jekk biex nikteb reċensjoni rridx kreattività. Imbagħad ftakart li kull ħaġa li nagħmel tinbidel f’massakru ttorturat jekk ma ndaħħalx fiha ftit kreattività. U tħassart lil dawk li jaħsbu li l-kreattività hija lussu tal-artisti biss, u li ma jifilħux ibillu subgħajhom fil-fonti ta’ dik il-perspettiva perikoluża xejn. 

Pereżempju. Malli qbadt Ereżija ta’ Alex Vella Gera f’idejja, ħallejt lili nnifsi naħseb l-iżjed ħaġa pwerili, u x’aktarx superfiċjali, li tista’ taħseb: kemm xtaqt li kont jien li ktibt ktieb b’dan l-isem. Ereżija hija daħka f’wiċċ kull min qatt qal lil xi ħadd “tiktibx ereżiji”. 

Ereżija, ta’ Alex Vella Gera, hu stampat tajjeb ħafna. Il-karti jħaxwxu sodi bejn subgħajja, kif drajt nistenna minn Kotba Calleja. It-tipa, però, irqiqa kemxejn iżżejjed, u kienet l-ewwel sinjal li dan il-ktieb se jitlob ħafna paċenzja minni. 

Il-ktieb jiftaħ b’sentenzi twal li jserrpu bl-aġġettivi u l-fantasija f’dinja aljena u antika, u bi kliem li rajt għall-ewwel darba hawnhekk: “Xaħxi, Tarmija, Tarjusa, biżbogħod, biżgħoli, Għassiesa, għawġejna”. 

Mill-bidu, il-qarrej jgħix eżatt dak li jgħixu l-karattri, għomja għal ta’ madwarhom: huwa kostrett jobdi liġijiet li ma jifhimx. Bħala Maltija, però, stajt inxebbah kull kelma ġdida ma’ xi ħaġa li diġà naf, u ftit ftit sibt ruħi parti minn klabb żgħir u sigriet ta’ dawk li jafu lil Malta li jistgħu jqabblu ma’ dan il-ktieb. 

Ir-rakkont jibda f’Ħal Ġuf, l-aħħar raħal qabel l-“agħar baħħ”, fejn in-nisa jwelldu boton trabi. Ere twelled wieħed biss, u r-raħal jikkonkludi li kiel lil ħutu f’ġuf ommu. Isejħulu Ereżija, minn isem ommu u missieru, Ere u Żija. L-Għassiesa, il-qassisa u l-qabla tar-raħal, tisma’ leħen f’moħħha jgħidilha “Erħilu”, u tgħid l-ewwel gidba ta’ ħajjitha. Minn hemm ’il quddiem, Ereżija jimxi qabel żmienu u ma jieqaf qatt, sakemm ir-raħal kollu jdur kontrih. 

Aħna kemxejn għomja għan-nies ta’ żmien il-preistorja. Għandna l-Mara l-Ħoxna u bini bla qies, imma ftit li xejn nafu dwar il-psike tagħhom. Nafu li ċ-ċiviltà tat-tempji għebet madwar l-2350 QK, u l-arkeologi jissuspettaw li ġġarrfet minn ġewwa: gżira maqtugħa mid-dinja, b’art li kulma tmur kienet qed titgħerra mis-siġar u mill-ħamrija. Vella Gera, inħoss, ħatar ruħu evanġelista biex jikteb bibbja mitoloġika dwar dan kollu.  

Jien u naqra, ħassejt lil Vella Gera jistaqsi kif inbnew it-tempji. Kienu n-nies li bnewhom bħall-Maltin li bnew il-knejjes tagħna? Dawk ta’ dak iż-żmien, wara kollox, jekk ma nafuhom xejn, nafu żgur li bħalna kienu jgħixu fuq gżira. Imma l-mistoqsija hi: “Kienu anzjużi u provinċjali daqsna, li nibnu l-knejjes, inżejnu l-faċċati, naħlu ħinna f’dibattiti eterni, u nħarsu lejn id-dinja ta’ barra b’ċertu biża’?  

Il-ktieb iwieġeb li iva. Il-biżbogħod huwa s-sindromu tal-gżira ż-żgħira mlibbes ta’ leġġenda. Anke jekk l-abitanti tal-gżira bnew l-ikbar tempji u “the oldest freestanding building in the world” (sakemm it-Turkija serqitilna t-titlu), il-kapaċità li tibni xi ħaġa straordinarja donnha ma tfissirx li tkun ħlist mil-limitazzjonijiet tiegħek. 

Kierkegaard sejjaħ l-ansjetà “l-isturdament tal-libertà”. Għal gżira, il-libertà hija l-baħar miftuħ, u mill-baħar ma taħrabx; allura tibni ’l fuq. Tempju, knisja, faċċata. Qisna qed niffortifikaw ruħna kontra l-bogħod u kull ma jista’ jasal minnu. 

Il-ktieb jagħti ġisem lil din l-idea f’waħda mill-isbaħ xeni tiegħu. Żija, missier Ereżija, jitla’ l-għolja tal-Ġiżirana, jara d-dinja kollha għall-ewwel darba, u ma jirnexxilux jgħid xejn ħlief “X’għeġubija!”. Wara dik il-ħarsa ma jerġa’ jitkellem qatt, u lejl minnhom jibda miexi u ma jerġax lura. 

Is-sistema li jippreżenta l-awtur, li biha jdur kollox, hija x-Xaħxi, liġi li tqaddes il-biża’ mill-bidla tant li lanqas saqaf li jqattar ma jista’ jissewwa. Skont l-għorrief, dak is-saqaf “mhux qed ikun saqaf”. U hawn il-liġi mimlija kontradizzjonijiet, u narratur li jistqarr li “isbaħ mill-kontradizzjoni ma ssibx fid-dinja Xaħxija”. Liġi li tistrieħ fuq it-tifrik: xaħxi, aħ, imxaħxaħ, aħxi. 

U l-lingwa ssir divertiment. F’pajjiż li jgħaddi ħajtu jiddibatti l-mewt ta’ lsienu, Vella Gera jivvinta liġijiet, riti u allat bil-Malti, u jivvinta talb, ġakulatorji u kull xorta ta’ gabrijoli bl-ilsien. In-nies ta’ Ħal Ġuf igedwdu “Jiena jien. Tnixxix.” biex jikkalmaw lilhom infushom. Kemm-il darba l-Malti kunfidenti fih innifsu jgħid “jiena jien”? Jien patrijott, jien minn Ħal X, jien Nisrani. L-uniku wieħed li jgħid “Jien” b’leħnu stess huwa Ereżija. 

Mix-Xaħxi toħroġ ukoll is-satira tal-ħakkiem li qed jiekol l-art minn taħt saqajh. Ta’ ċivilizzazzjoni li l-qerda tagħha tasal minn dak li temmen fih. 

Familjari l-ħakkiem, hawnhekk l-E.T., l-Eminenza Tagħha, li ma temminx fir-reliġjon ta’ niesha u tikkapitalizza mill-biża’ tagħhom. Ix-Xaħxi ma tħalli lil ħadd isewwi saqaf, imma l-Eminenza tħaffer l-għolja ta’ taħt il-palazz tagħha b’ħaddiema barranin li ma jibżgħux mill-bogħod. Imbagħad bit-tifrik tibni art ġdida fil-baħar, u fuqha tħawwel tabella b’erba’ kelmiet: “Mill-art iżjed art. E.T.”  

 

Fil-ktieb hemm ħafna ideat. Hemm ukoll ħafna bibien li qatt ma jingħalqu, u karattri ġenwinament interessanti li jiġu abbandunati. L-ikbar ġrajjiet jiġru wara l-kwinti. Ere tgħaddi żmien twil fil-palazz u terġa’ lura mibdula, imma qatt ma nafu x’għaddiet minnu. L-abbuż sesswali li tagħmel l-Eminenza fuq il-qaddejja jissemma darba u jintesa. Vjaġġ minnhom darbtejn, b’ħafna mill-istess passi. Il-leħen tan-narratur jibda qisu studjuż umli li jistaqsi “Għiduli ftit għax jien ma nafx!”, imbagħad f’salt isir jaf kollox.  

 

Il-ktieb mhuwiex mexxej, u aktarx limitazzjoni tiegħi li kelli naqbad u nħallih bosta drabi. Ta’ spiss ir-rakkont jieqaf biex in-narratur jagħtina lekċer sħiħa fuq l-irqad, fuq l-ikel li jaqa’ mal-art jew fuq l-istadji tat-Tarjusa. Ċerti espressjonijiet jerġgħu jiġu tant drabi li minflok isaħħruk, iqabbduk in-ngħas. 

 

Ktieb bħal dan kellu bżonn l-arja tiġri mal-paġni biex trewwaħ l-ideat tiegħu. Bħal f’Lord of the Flies, tħoss l-għeluq u x-xewqa tal-ħarba, imma Golding jippreżenta karattri li tidħol fi ħsibijiethom. Vella Gera qatt ma jdaħħalna f’moħħ Ereżija. Il-protagonist tat-titlu huwa simbolu li narawh biss minn barra, mingħajr biss ħsieb wieħed minn tiegħu. 

Frażi li għoġbitni fil-ktieb: “Dik il-fjamma, mingħajr ix-xemgħa taħtha, x’jifdal minnha?” Qrajt il-ktieb kollu nfittex x’qed jinħaraq. L-Eminenza tiekol l-għolja minn taħt, f’mini li ħadd ma jarahom, u l-palazz fuqha jibqa’ jleqq. Ereżija donnu jagħmel l-istess. Ix-xemgħa vera tiegħu hija Malta tal-lum: il-bini, il-biża’ mill-barrani, il-kreattivià li qegħdin nibku. Imma l-awtur jidfinha taħt mitoloġija preistorika, u nibqgħu naraw id-dawl biss.  

Satira li taħbi l-mira tagħha daqshekk tajjeb titlef is-sħana tagħha, għax il-qarrej ma jħossx li qed jinħaraq hu. U ktieb li kollu kemm hu dwar id-dawl, dwar min jara u min jagħlaq għajnejh, jinsa li d-dawl waħdu ma jsaħħanx. 

Ereżija huwa ktieb intelliġenti, u jaf ikun brillanti f’xi xeni, iżda l-ambizzjoni tiegħu spiss tegħleb l-istorja. Vella Gera ried joħloq passat immaġinarju li jservi ta’ mera għall-preżent. Hija idea tajba, iżda mhux dejjem tingħata l-forma narrattiva li jistħoqqilha. 

More in Arti