II-Hyrox: Sport mhux tas-soltu maħbub minn ħafna

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-atleta multidixxiplinarja Dzintra Grech

Dzintra Grech hija atleta li tipprattika u tgħallem l-isports tal-Hyrox u l-OCR. Grech tkellmet ma’ din il-gazzetta fuq dawn iż-żewġ sports mhux konvenzjonali. 

Grech bdiet il-miġja tagħha mill-isport tal-OCR – Obstacle Course Racing – sport li jinkludi ħafna attività fiżika sabiex taqbeż ċerti ostakli. Mill-OCR, hija tħajret għal sport u sfida oħra fejn hemmhekk bdiet tipprattika l-isport tal-Hyrox.  

Il-Hyrox hija tellieqa li tinkludi tmien eżerċizzji differenti b’ġirja ta’ kilometru bejn kull eżerċizzju. Kemm individwi, kif ukoll gruppi ta’ żewġ minn nies jistgħu jipparteċipaw. Illum il-ġurnata, Grech hija midħla ta’ dawn iż-żewġ sports u kkompetiet f’tal-inqas 20 tellieqa bejn l-2024 u l-2025. Riċentement, Grech ġiet fl-ewwel post fit-tellieqa tal-gruppi tal-Hyrox ta’ Verona flimkien mal-atleta l-oħra Katrina Cuschieri, u fis-sitt post fl-istess tellieqa tal-individwi. 

Bħala kowċ, hi qalet li dan l-isport ratu jikber fil-popolarità f’Malta. “Bħala kowċ, rajt kull età jippruvaw dan l-isport, individwi, koppji u hija sabiħa ħafna meta tara kemm dawn it-tip ta’ sports qed jikbru f’Malta,” qalet Grech. Bħala atleta, hi qalet li l-Hyrox huwa sport għal qalbha ħafna imma xorta baqgħet tipprattika l-OCR hekk kif hi tippreferi sfidi ġodda, kif ukoll varjetà u versatilità fit-taħriġ tagħha sabiex hi dejjem tibqa’ ssaħħaħ il-ħiliet tagħha u tapprezza l-isports li tħobb tagħmel.  

Grech tatna ħarsa lejn l-iskeda tagħha bħala atleta, bħala kowċ, u anki minn aspett personali. “Il-ġurnata tiegħi tibda bit-training tiegħi stess, imbagħad nibda l-coaching u nlesti għax-xogħol tal-uffiċċju,” hi spjegat. Wara dan, hi qalet li tmur id-dar u ssajjar għall-familja qabel ma’ terġa tmur il-gym sabiex titħarreġ għaliha nnifisha, terġa’ tikkowċja, u titħarreġ naqra oħra. Normalment, Grech qalet li tasal id-dar war t-8:00 p.m. fejn tagħmel xi faċendi tad-dar li hi qalet fortunatament issib għajnuna u appoġġ mir-raġel u mit-tifel tagħha. 

Imbagħad Grech fit-tlielaq issib appoġġ mill-atleti oħra li tikkompeti magħhom fi tlielaq tal-gruppi. Hi qalet li tieħu gost ittellaq fi gruppi ta’ tnejn, avolja dan joffri l-isfidi tiegħu wkoll li jiġu affaċċjati bi strateġija qabel it-tellieqa. Hi qalet li waqt li tkun qed ittellaq, l-iżjed ħaġa importanti fuq moħħha tkun li hi tlesti, jiġri x’jiġri. “Infakkar lili nnifsi kemm ħdimt sabiex nasal hawn, kemm qomt kmieni, is-sagrifiċċji u l-konsistenza maż-żmien.” Grech qasmet li din it-tfakkira tgħinna meta tasal f’mumenti ibsin hekk kif ifakkruha li hi qiegħda hemm għal raġuni waħda: sabiex tuża kulma taf fit-tiġrija, bis-sodisfazzjoni li hi għamlet l-almu tagħha. Hi qalet li qabel ma tibda xi tellieqa, hi tisma’ xi poddati li jfakkruha fuq ix-xogħol kollu li għamlet sabiex waslet fejn qiegħda llum il-ġurnata. 

Hi spjegat kif l-iktar parti tal-biża’ fit-taħriġ tagħha kienet meta qelbet mill-ġiri għat-tul għal ġiri f’distanzi iżgħar li jfisser taħriġ kompletament differenti. Għal Grech dan fisser li kellha tagħmel eżerċizzji ġodda li servew ta’ sfida li għenuha ssir atleta iżjed b’saħħitha u iżjed versatili.  

More in Arti