U Niftakar — Ħamsa u Għoxrin Sena ta’ inizjamed
“Għax għalina l-letteratura hija mument ta’ inkontru u skontru, ta’ konferma u sfida.” – Adrian Grima, Awwissu 2008
Biex tfakkar 25 sena mit-twaqqif tagħha, nhar is-6 ta’ Jannar, fis-7.30 p.m. ġewwa Spazju Kreattiv (Studio B), Inizjamed nediet ktieb ta’ esejs. Dan hu pass importanti għal waħda mill-aktar organizzazzjonijiet letterarji importanti f’Malta. Din il-pubblikazzjoni tiċċelebra kwart ta’ seklu ta’ ħidma letterarja, li tinkludi djalogu interkulturali, esperimentazzjoni, u impenn kontinwu lejn kitbiet ġodda u t-traduzzjoni.
It-tnedija tal-ktieb, immexxija minn Gabriel Schembri, ħadet is-sura ta’ diskussjoni bejn Keith Borg, l-editur tal-ktieb, u membri tat-tim ewlieni ta’ Inizjamed; Leanne Ellul, id-Direttriċi Artistika ta’ Inizjamed u tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta; u l-Prof. Adrian Grima, il-fundatur ta’ Inizjamed u tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. L-attività ħaddnet fiha qari minn Jean Paul Borg, kordinatur ta’ Inizjamed u tal-Festival, u minn Kurt Borg u Jake Buttigieg, membri ta’ Inizjamed, li se ppreżentaw siltiet minn esejs miktubin minn Nadia Mifsud u Clare Azzopardi. Flimkien, dawn il-kitbiet irriflettew il-varjetà ta’ vuċijiet u forom li sawru lil Inizjamed tul dawn il-25 sena.
Il-ktieb bil-Malti bl-isem “U Niftakar — Ħamsa u Għoxrin Sena ta’ Inizjamed” fih 124 paġna u editjat minn Keith Borg. Jiġbor fih esejs li jirriflettu l-Istorja ta’ Inizjamed, l-impatt kulturali tagħha, u l-kuntest letterarju usa’ f’Malta. Il-kontributuri tal-esejs huma Clare Azzopardi, Kit Azzopardi, Elena Cardona, Claudia Gauci, Adrian Grima, Leanne Ellul, Jean Paul Borg, Nadia Mifsud, Justine Somerville, Karsten Xuereb, u Anna Zammit. Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll kummenti qosra minn Effie Azzopardi, Alexandra Büchler, Katel Delia, Maria Grech Ganado, Virginia Monteforte, Matthew Schembri, Jake Buttigieg, u Klara Vassallo. Id-disinn u l-qoxra tal-ktieb saru minn Naomi Gatt. Il-pubblikazzjoni ġiet megħjuna mill-Fond Malti tal-Ktieb 2024 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Inizjamed hija organizzazzjoni letterarja bbażata f’Malta u ddedikata għall-promozzjoni tal-letteratura kontemporanja u l-ħsieb kritiku permezz tal-kitba, id-diskussjoni u l-performance. Matul is-snin, kellha rwol ċentrali fit-tiswir tax-xena letterarja f’Malta billi dejjem sostniet kittieba emerġenti u stabbiliti, ħeġġet l-esperimentazzjoni bejn ġeneri differenti, u ħolqot spazji fejn il-letteratura tidħol fi djalogu dirett ma’ realtajiet soċjali, kulturali, u politiċi. L-avveniment ewlieni ta’ Inizjamed huwa l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, l-uniku festival letterarju annwali fil-gżejjer Maltin li jlaqqa’ kittieba u artisti lokali u internazzjonali, u jsaħħaħ l-iskambju letterarju fil-Mediterran.
Din il-pubblikazzjoni hija kruċjali għal-letteratura Maltija, f’punt fejn l-esej letterarju qed jinkiteb iżjed bil-Malti u qed jiġi apprezzat dejjem aktar bħala forma artistika, u fi żmien meta Inizjamed qed tkompli tikber u tilħaq qċaċet ġodda.
Il-ktieb se jkun disponibbli għall-bejgħ u min hu mħajjar jixtrih jista’ jikkuntattja lil Inizjamed, isibu minn ħwienet tal-kotba magħżula f’Malta u Għawdex, jew iisbu waqt l-attivitajiet ta’ Inizjamed.
Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur il-paġni ta’ Inizjamed fuq Facebook u/jew Instagram.
