‘We Three Kings’: Minn produzzjoni ta’ fantasija sa suċċess rinomat

L-istorja ġejja minn idea li Micallef Eynaud kellu meta kien għad għandu tmien snin

‘We Three Kings’ huwa film qasir ta’ avventura u fantasija, b’kitba, produzzjoni, u direzzjoni ta’ Bruce Micallef Eynaud. Il-film jagħti ħarsa mill-ġdid lejn il-leġġenda tas-Slaten Maġi — il-vjaġġaturi bibliċi li mxew wara l-istilla lejn Betlehem — b’laqta’ aktar avventuruża. 

F’din l-interpretazzjoni, Balthasar (Matthew Kofi Browne) huwa prinċep fuq ruħu mhux ħażin mill-Babilonja, li jispiċċa mdejjen ma’ raġel ta’ qattagħni u bla skrupli (Peter Galea). Iċ-ċans għal ħajja mill-ġdid jasal meta Melchior (Richard Godden) u Caspar (Nathan Brimmer) jistidnuh għal vjaġġ epiku, isegwu l-istilla fit-tfittxija ta’ tliet teżori. Tul il-vjaġġ, Balthasar jiskopri li t-triq tagħhom hija mimlija perikli sopranaturali. Il-kast jinkludi wkoll lil Stephen Oliver bħala r-Re Erodi u Isabel Warrington bħala s-saħħara personali tiegħu. 

L-istorja ġejja minn idea li Micallef Eynaud kellu meta kien għad għandu tmien snin, waqt il-quddiesa ta’ nofsillejl, meta sema’ l-innu tal-Milied We Three Kings. Ispirat mill-films ta’ avventura li kien iħobb fit-tfulija tiegħu — The Fellowship of the Ring, The Mummy Returns, u s-serje ta’ Indiana Jones — ħoloq storja li tħallat is-sens t’avventura ma’ umoriżmu ħafif u satiriku. Minkejja l-ispirazzjoni biblika tiegħu, ‘We Three Kings’ mhux film reliġjuż; huwa maħsub biex jiddeverti lil kull tip ta’ udjenza. 

Il-film inħadem b’mod indipendenti f’kollaborazzjoni ma’ kreattivi Maltin, fosthom iċ-ċinematografu Clive Brincat, l-editur Franco Rizzo, u l-kompożitur Daniel Sinagra. 

‘We Three Kings’ intwera għall-ewwel darba fit-28 ta’ Diċembru 2024. Minn dakinhar intwera f’numru ta’ festivals, fosthom il-Mediterrane Film Festival u l-Gozo Film Festival. Rebaħ il-premjijiet ta’: L-Aqwa Film; L-Aqwa Skript fil-Malta Cine Circle Awards; L-Aqwa Film Lokali; u L-Aqwa Film B’Baġitt Baxx fiċ-ċelebrazzjoni ġdida Zero to Hero Film Festival, u se jintwera bħala parti minn dan il-festival, fl-Embassy Cinemas fl-14 ta’ Settembru fl-10 a.m. 

 

More in Arti