Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

LAST CHRISTMAS u KNIVES OUT. X'jgħidu dawn il-films?

LAST CHRISTMAS

Atturi Ewlenin: Emilia Clarke; Henry Golding; Michelle Yeoh; Emma Thompson; Lydia Leonard.

Direttur: Paul Feig.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 102 min. Ċert. 12A

Issa, li waslet forsi l-isbaħ festa tas-sena u aktarx l-iżjed waħda popolari, il-poplu jiftaħ idejh biex jikkontribwixxi u jgħin lill-batuti, morda, emarġinati u anki dawk li jinsabu waħedhom minsijin. Dawn l-affarijiet karitattivi kollha nsibuhom fil-film Last Christmas, bi storja miktuba minn Emma Thompson (li taħdem il-parti ta' omm il-protagonista) u żewġha Greg Wise, ispirat minn kanzunetta tal-istess isem. Kate (Clarke), tfajla grazzjuża u simpatika li taħdem f'ħanut li jbigħ affarijiet konnessi mal-Milied tul is-sena kollha, minħabba deċiżjonijiet ta' malajr u ħżiena li għamlet, tinsab tħuf madwar Londra, mingħajr post fiss fejn toqgħod. Meta tiltaqa' ma' Tom (Golding) l-affarijiet jidhru li se jirranġaw ruħhom sewwa għaliha. Dejjem riekeb ir-rota, anki fil-qalba tat-traffiku ta' din il-belt, Tom jidher li mhux deċiż fil-futur tiegħu, lanqas ma jrid relazzjoni soda magħha. L-avvenimenti tal-aħħar sena, li jiżviluppaw anki b'mod mistiku, jispjegaw l-għaliex din l-affari sseħħ. Min-naħa tagħha Kate tibda tinteressa ruħha tgħin lil dawk bla dar b'tali mod li anki tibdillhom ħajjithom għall-aħjar. Ambjentat f'Londra tal-2017, qrib il-festa tal-Milied, Last Christmas fih il-mużika ta' George Michael u Wham! Film romantiku, pjuttost melodrammatiku, dan ix-xogħol jieħu l-ħajja kull meta Kate u Tom jiltaqgħu flimkien permezz ta' kif jirreaġixxu ma' xulxin. L-atmosfera kollha dwal u tiżjin għal din il-festa hi tassew maestuża.

 

KNIVES OUT

Atturi Ewlenin: Jamie Lee Curtis; Daniel Craig; Chris Evans; Ana De Armas;  Michael Shannon; Don Johnson; Toni Collette; Christopher Plummer; LaKeith Stanfield.

Direttur: Rian Johnson.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 130 min. Ċert. 12A.

Knives Out hu thriller tal-misterju tal-ġeneru who dunnit? (min għamel id-delitt?) li jirfes sewwa t-territorju ta' diversi xogħlijiet tal-brava kittieba Agatha Christie. Ix-xenarju hu wieħed li aħna familjari miegħu sewwa - l-patrijarka ta' familja numeruża jmut u kull membru jaqa' taħt suspett. Aktar minn hekk, jinqala' ħafna inkwiet bejn il-membri ta' din il-familja li mhux tiffunzjona sewwa meta, qabel jinstab il-ħati jew ħatja jew il-ħatjin, jinqara t-testment. Meta diversi minnhom jibqgħu b'xejn, jduru għal xulxin b'tgħajjir, theddid, argumenti u għira meta l-iffurtunat/i jiġi/u mħabbra. It-titlu ta' din il-produzzjoni tirreferi għal dan l-aġir. Harlan Thrombey (Plummer), kittieb ta' kotba tal-kriminalità, jinstab mejjet fid-dar statali tiegħu fil-kampanja dak inhar li għalaq il-85 sena, meta kien stieden lil kulħadd għandu biex jipprova jagħmilhom paċi ma' xulxin. Malajr fuq il-post jiġi Detective Lieutenant Elliott (Stanfield), uffiċjal lokali. Però, xi ħadd bil-moħbi jsejjaħ lil Detective Benoit Blanc (Craig), raġel pulit, edukat, ċajtier, effiċjenti f'dan l-istħarriġ li ma jaħrablu xejn. Dan minnufih jibda jinnota kif id-diversi membri u anki l-istaff jirreaġixxu għal xulxin u anki jinvestiga l-problemi personali tagħhom biex isib min hu l-ħati. Knives Out hu speċi ta' thriller old-fashioned, mogħti xeħta moderna li jiżvolġi b'eċitament u tensjoni, kif ukoll b'manjiera umoristika u pjuttost friska grazzi għal Daniel Craig. Id-direttur irnexxielu jiġbor cast imponenti li kollha jagħtu sehemhom b'manjiera sodisfaċenti.

More in Divertiment