Il-Malti madwar id-dinja...bejn cruiseliners u destinazzjonijiet eżotiċi
Hekk kif is-Sajf dalwaqt lura magħna, l-ILLUM titkellem ma' Yasmin Hamilton, waħda mid-diretturi ta’ kumpanija ewlenija tal-ivvjaġġar f’pajjiżna dwar it-tendenzi tas-safar tal-Maltin
Hekk kif jibda jisħon it-temp u jibda riesaq is-sajf, l-istaġun sinonimu mal-vaganzi, mhux biss f’pajjiżna iżda anke lil hinn, kulħadd jibda jara kif se jkun qed iqatta’ xi ġimgħa jew iktar f’xi destinazzjoni differenti. Koppji, familji u gruppi ta’ ħbieb jibdew minn ħafna qabel jaraw u jiddeċiedi fejn se jkun dak il-pajjiż li se jkunu qed jerħulha lejh biex iqattgħu jiem ta’ mistrieħ. Iżda kemm huma avventurużi l-Maltin fl-għażliet tagħhom dwar is-safar? Kemm għadu popolari l-perjodu tas-sajf għall-vaganzi u kif qed jinbidlu x-xejriet tal-Maltin fejn jidħlu l-vaganzi tagħhom? L-aġenziji tal-ivvjaġġar kif ġew impattati bil-fenomenu tal-booking online? Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Yasmin Hamilton, waħda mid-diretturi ta’ kumpanija ewlenija tal-ivvjaġġar f’pajjiżna li tkellmet dwar il-Maltin u t-tendenzi tas-safar tagħhom.
Il-mewt tat-tours jew il-ħolqien ta’ tours speċjalizzati?
Matul is-snin, speċjalment fil-passat riċenti, wieħed seta’ jinnota kemm sar tibdil fil-mod ta’ kif persuna tagħmel il-booking tagħha għal vaganza u anke tad-destinazzjonijiet li l-Maltin iħobbu jagħżlu. Yasmin tgħidilna kif dawn it-tendenzi nbidlu ħafna maż-żminijiet u ssemmi kif fil-passat, mhux neċessarjament dak imbiegħed, in-nies kienu jaraw il-katalgu tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, bi programm diġà maħdum u lest għall-ġranet tal-vaganza. “Illum il-ġurnata, issib ħafna persuni li jkunu jridu jiddevjaw mit-tour tradizzjonali u jżidu u jnaqqsu attivitajiet partikolari skont il-preferenzi tagħhom. Fil-fatt, ħafna nies jagħżlu li jibbukjaw il-vjaġġ tagħhom lil hinn mit-tour iżda xorta waħda permezz tal-aġenzija,” tibda tgħid Hamilton.
Rigward it-tours, Yasmin tgħid li fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin li tradizzjonalment jiddeċiedu li jmorru fuq tour bħala vaganza organizzata, ġeneralment ikunu persuni li huma iktar avvanzati fl-età jew inkella familji bit-tfal żgħar, partikolarment lejn destinazzjonijiet immirati għall-familja, bħal theme parks. Dan jista’ jkun minħabba li f’tour, kollox ikun ippjanat bil-lest u organizzat sabiex il-persuni jkollhom l-inqas ammont ta’ skariġġ u tħabbil il-moħħ qabel il-vaganza tagħhom. Minkejja dan, Yasmin sostniet kif għalkemm hemm dawn it-tendenzi, xorta waħda jiddependi ħafna mid-destinazzjoni partikolari. Tgħid kif minkejja li t-tours huma partikolarment popolari ma’ gruppi ta’ etajiet partikolari, ikunu wkoll għadd ta’ żgħażagħ li jibbukjaw tour, jekk id-destinazzjoni tkun xi waħda partikolari, bħalma kienu l-gżejjer Griegi ftit tas-snin ilu, meta kienu jgawdu popolarità kbira.
‘It-tours jagħtu iktar serħan il-moħħ’
Bl-introduzzjoni ta’ mezzi ġodda ta’ booking, kemm online u anke apps fil-mobile, li wieħed jibbukja safra, inkluża bit-titjira, lukanda, trasport u attivitajiet tul il-vaganza, sar faċli iktar minn qatt qabel. Għaldaqstant, wieħed jista’ jargumenta kif dawn il-metodi l-ġodda, fil-fatt qegħdin jieħdu post dak li darba kien jagħmel esklussivament l-aġent tal-ivvjaġġar. Hawnhekk, Yasmin tirrikonoxxi li nħass l-effett ta’ dan hekk kif xogħol li qabel kien jagħmel kważi esklussivament aġent tal-ivvjaġġar, issa jista’ faċilment isir online, u fil-fatt tgħid li, “ma rridux nilludu ruħna li ma kienx inħass tibdil, partikolarment f’destinazzjonijiet fl-Ewropa, iżda wieħed irid jipprova jara kif jista’ jadatta għall-bidliet.”
Fil-fatt, aċċennat għal tipi speċifiċi ta’ gruppi u tours li saru jagħżlu l-aġenziji ta’ vjaġġar għas-safra tagħhom. Issemmi fost l-oħrajn tours organizzati sabiex gruppi jmorru jaraw logħob tal-futbol tat-timijiet favoriti tagħhom, u anke gruppi ta’ nies li jmorru barra mill-pajjiż sabiex jaraw xi kunċert ta’ xi kantant favorit. Għaldaqstant, hawnhekk issemmi kif il-kumpaniji tal-ivvjaġġar kellhom jaraw x’kienet id-domanda u addattaw dak li kienu qegħdin joffru lill-klijenti. “Meta wieħed jagħżel li jmur ma’ tour, partikolarment f’tours ta’ logħob tal-futbol jew kunċerti, tkun tista’ sserraħ rasek iktar fejn jidħlu garanzija ta’ biljetti, partikolarment f’avvenimenti li jistgħu jkunu iktar diffiċli biex takkwistahom,” sostniet Hamilton, li żiedet tgħid kif meta jkollok tour leader miegħek, il-vaganza tkun iktar faċli għaliex taf li jekk se tinqala’ xi problema, hemm it-tour leader li jkun lest sabiex jipprova jgħin.
Minkejja d-diffikultajiet bit-tours, Hamilton issostni li għad hemm sezzjoni mdaqqsa ta’ nies li xorta waħda għadhom jagħżlu t-tours bħala metodu ta’ kif jibbukjaw is-safra tagħhom minħabba li jagħtu valur lill-kuntatt dirett ma’ persuna meta qed jagħmlu l-booking tagħhom, li tkun qed tismagħhom u taddattalhom il-vaganza skont il-bżonnijiet u l-preferenzi tagħhom.
L-Ażja u l-pajjiżi eżotiċi...
Fis-snin iktar riċenti, partikolarment meta l-ivvjaġġar sar ferm iktar aċċessibbli għal bosta nies, għall-Maltin, l-Ewropa saret iktar faċli sabiex iddurha. Fil-fatt, Yasmin tgħid kif ħafna huma dawk il-persuni li jmorru fl-aġenzija tal-ivvjaġġar, u meta jibdew jaraw fejn se jagħżlu bħala vaganza, jaraw li kemm jista’ jkun imorru pajjiż li qatt ma marru fih qabel. Għaldaqstant, tgħid kif il-firxa ta’ pajjiżi fejn dawn jagħżlu li jmorru, qiegħda kulma tmur dejjem tikber. Tkompli tgħid kif fil-fatt, meta jidħlu pajjiżi iktar imbiegħda mill-Ewropa, ħafna Maltin jiddeċiedu li jfasslu l-vaganza tagħhom ma’ u permezz tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, minħabba li dan jipprovdi iktar sigurtà u għajnuna fil-vjaġġ stess.
Iktar riċenti qegħdin naraw in-numru ta’ nies li jfittxu l-avventura u d-destinazzjonijiet iktar eċitanti qed jiżdied
Minkejja li forsi wieħed ikun taħt l-impressjoni li pajjiżi iktar imbiegħda minn Malta bħal dawn fl-Ażja huma iktar imfittxija minn ġenerazzjoni ta’ nies żagħżugħa, dan mhux neċessarjament dejjem ikun il-każ, kif spjegat Yasmin Hamilton fejn qalet li fil-fiera ddedikata għall-ivjaġġar ta’ din is-sena, kien hemm għadd ta’ domandi u rikjesti għal vjaġġi li jmorru ferm lil hinn mill-kontinent Ewropew minn gruppi differenti ta’ nies. “Tant ikunu daru l-Ewropa u qishom xebgħu bl-istess affarijiet, li jridu jmorru xi mkien totalment differenti,” tispjega Hamilton.
‘Il-Maltin saru jħallu għall-aħħar’
Yasmin titkellem ukoll dwar iż-żmien li l-Maltin saru jħallu qabel ma jmorru għall-vjaġġ tagħhom. Fil-fatt, meta mqabbel maż-żmien li familja jew grupp kien ikun ilu jippjana, jaħseb u jiddeċiedi dwar safra minn xhur twal qabel, u fil-fatt jagħmel il-booking tiegħu, illum il-ġurnata dan m’għadux il-każ. Hamilton tgħid li fiż-żmien riċenti, il-Maltin ma baqgħux jibbukjaw minn ferm qabel, iżda saru jħallu kollox għall-aħħar.
Bħalissa hawn din it-trend li n-nies jibbukjaw fl-aħħar, u dan ipoġġina fi żvantaġġ kbir
Tgħid kif dan huwa problematiku anke għall-aġenzija tal-ivvjaġġar għaliex fejn is-soltu jkunu jistgħu jippjanaw minn qabel u jagħmlu l-arranġamenti neċessarji, anke mal-kumpaniji tal-ajru, qed ikollhom effetti negattivi fuq il-kumpaniji tal-ivvjaġġar minħabba li dawn xorta waħda jkollhom iħallsu dawk il-postijiet li ma jkunux imtlew.
“Bħalissa hawn din it-trend li n-nies jibbukjaw fl-aħħar, u dan ipoġġina fi żvantaġġ kbir lilna għaliex aħna, min-naħa tagħha bħala aġenzija tal-ivvjaġġar ikollna d-deadlines tagħna. Per eżempju dwar titjiriet, aħna nkunu rridu ninfurmaw lil-linja tal-ajru minn tliet xhur qabel bl-ammont ta’ nies li se nkunu qed nieħdu. Il-problema hi li ġieli, lanqas biss ikun għadu fetaħ it-tour,” tgħid Hamilton, waqt li tgħid li possibbilment in-nies jippruvaw ifittxu prezzijiet iktar vantaġġjużi u jħallu għall-aħħar bit-tama li l-aġenziji jraħħsu l-prezzijiet tagħhom.
‘Bil-cruises inbidlet id-dinamika tal-ivjaġġar tal-Maltin’
Ir-realtà u faċilità li wieħed imur għal vaganza fuq il-baħar permezz ta’ cruise liner inbidlet sostanzjalment fis-snin riċenti. Dan għaliex jekk wieħed jagħti ħarsa lura lejn ix-xena ta’ vjaġġi bil-cruises madwar 10 snin ilu jew ftit iktar, wieħed isib li kien ikollu jaqbad ajruplan, u jaqbad il-cruise liner minn xi port ieħor ’il bogħod mill-pajjiż. Minkejja dan, numru ta’ snin ilu ġew introdotti l-cruises li jitilqu minn Malta stess. Fi kliem Hamilton, dan kien suċċess kbir fost sezzjonijiet differenti ta’ persuni, mhux biss fost dawk li jkunu ta’ ċerta età kif forsi hemm l-impressjoni. Fil-fatt tgħid li dan it-tip ta’ vjaġġar huwa popolari ferm u hu saħansitra l-għażla tal-koppji miżżewġin frisk għall-qamar il-għasel tagħhom.
Dan is-settur jidher li qed iħalli ħafna frott, mhux biss fl-ammont ta’ Maltin li qed jagħżlu dan il-mod ta’ vjaġġar iżda iktar minn hekk, fin-numru ta’ turisti li qed iżuri pajjiżna permezz tal-wasla ta’ diversi cruise liners fil-pajjiż.
Yasmin Hamilton tgħid kif bl-introduzzjoni tal-cruises, prattikament inħoloq settur ġdid ta’ vjaġġar li jilqa’ għal bżonnijiet ta’ dawk in-nies li ma jridux, jew jibżgħu jsiefru b’ajruplan, u anke għal dawk il-familji li jippreferu jevitaw skariġġ żejjed li jġib miegħu s-safar b’ajruplan.
‘Il-Maltin qed isiru iktar avventurużi...għalkemm xorta jippreferu jirrilassaw’
Hamilton titkellem ukoll dwar it-tip ta’ vaganzi li l-Maltin saru jagħmlu fejn jidħol l-element tal-avventura, dan mhux biss fid-destinazzjonijiet imma anke fl-attivitajiet li jiddeċiedu li jagħmlu tul is-safra tagħhom. “Iktar riċenti qegħdin naraw in-numru ta’ nies li jfittxu l-avventura u d-destinazzjonijiet iktar eċitanti qed jiżdied,” tgħid Hamilton, waqt li tisħaq li xorta waħda, fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin jibqgħu jfittxu l-pajjiżi u l-inħawi li jistgħu joffru rilassament u trankwillità, biex verament vaganza tkun mument ta’ mistrieħ.
Minkejja li vaganza, ġeneralment tkun tfisser waqfien mir-rutina u bidla tax-xenarju ta’ madwarek, Hamilton tgħid kif il-Maltin waqt vaganza ma jiddejżux imorru f’pajjiżi simili ta’ Malta, anzi pjuttost iffittxuhom. Fil-fatt, issemmi pajjiżi bħall-gżejjer Griegi u Spanjoli u anke l-Italja bħala postijiet li huma ftit jew wisq simili għal pajjiżna fil-karatteristiċi tagħhom ta’ baħar u xemx, li iżda xorta huma mfittxija ferm mill-Maltin.
Minbarra dan, meta mistoqsija x’inhuma l-aktar pajjiżi li din is-sena jidhru li qed ikunu favoriti ma’ bosta Maltin, il-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa jidhru li qed ikunu popolari, b’destinazzjonijiet bħas-Slovenja, Slovakkja u anke l-Kroazja jkunu popolari ferm.
‘L-effett ta’ attakki terroristiċi jinħass...iżda biss għal ftit’
Mal-ILLUM, Hamilton tgħid kif matul l-aħħar snin, meta kien hawn numru ta’ attakki terroristiċi f’pajjiżi Ewropej, qrib tagħna, l-effett fuq l-ivvjaġġar. Fil-fatt tgħid kif bl-attakki li saru fuq Pariġi s-sena li għaddiet, kien hemm numru ta’ nies li beżgħu jsiefru lejn il-kapitali Franċiża u saħansitra ddeċidew li jħassru l-vjaġġ li kienu pjanati li se jagħmlu, u dan ma nħassx f’pajjiżna biss iżda anke fuq bażi internazzjonali.
Minkejja dan, Hamilton tgħid kif din il-biża’ tkun waħda momentarja, sakemm il-media tkun waqfet tirraporta dwarha, u hemmhekk, in-nies donnhom jerġgħu lura lejn il-pjanijiet tad-destinazzjonijiet oriġinali. Fil-fatt tgħid kif illum il-ġurnata, id-destinazzjoni Franċiża qed terġa’ tirpilja.