Iktar minn 5,000 student tal-Primarja bdew jirċievu s-sħubija ta’ Heritage Malta

L-applikazzjonijiet għadhom miftuħin online

Iktar minn 5,000 student fl-iskejjel tal-Primarja ta’ Malta u Għawdex bdew jirċievu s-sħubija ta’ Heritage Malta. L-interess f’din l-iskema ta’ sħubija mnedija minn Heritage Malta huwa wieħed inkoraġġanti u dan huwa rifless fin-numru ta’ applikazzjonijiet li qed tirċievi l-aġenzija nazzjonali.

L-iskema ta’ sħubija għall-istudenti tal-Primarja ġiet imnedija uffiċjalment f’Settembru li għadda minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Sa issa iktar minn 5,000 student applikaw u qegħdin jirċievu s-sħubija tagħhom.

Heritage Malta qalet li r-rispons huwa mill-aktar pożittiv u dawk interessati għad jistgħu japplikaw online sa tmiem dan ix-xahar fuq http://heritagemalta.org/student-membership/

Għalissa din l-iskema hija valida għal studenti tal-Primarja, madankollu se sservi ta’ indikazzjoni għal proġetti oħra fil-futur. Din l-iskema tippermetti lill-istudenti tal-Primarja dħul b’xejn fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta, minbarra l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, filwaqt li sa żewġ adulti li jkunu qed jakkumpnjawhom iħallsu nofs il-prezz. B’din l-iskema l-istudenti jibbenefikaw ukoll minn skont mill-ħwienet ta’ Heritage Malta u attivitajiet, fosthom esklussivi, organizzati apposta għall-membri.

Riċentament Heritage Malta nediet ukoll skema ġdida għall-membri li permezz tagħha se jgawdu minn inizjattivi u benefiċċji ġodda. Bl-iskema l-ġdida l-membri jistgħu jidħlu b’xejn fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta filwaqt li l-kategoriji tas-sħubija twessgħu għal tlieta, bl-għażliet tas-sħubija jkunu għal sena, tlieta jew ħames snin. Bl-iskema l-ġdida adult jew koppja tista’ ddaħħal sitt itfal b’xejn filwaqt li s-sħubija tista’ taqsamha wkoll man-neputijiet jew mal-ħbieb tal-wild. 15-il biljett jew 30-il biljett se jkunu qed jingħataw b’xejn mas-sħubija ta’ tlieta u ħames snin rispettivament. Dawn il-biljetti jistgħu jitqassmu mal-qraba jew ħbieb.

Għal iktar tagħrif dwar l-iskemi ta’ sħubija ta’ Heritage Malta, żur il-website, www.heritagemalta.org, jew żur il-paġna ta’ facebook.

More in Divertiment