[It-Tieni parti] Films dwar il-Mafja

Fit-tieni parti ta' din is-sensiela tal-analiżi tal-films, Carmel Bonnici jiddiskuti films fuq il-mafja, kemm dawk klassiċi u kif ukoll dawk li forsi mhux daqshekk magħrufa

The Godfather (1972)
The Godfather (1972)

Qabel nitkellem fuq il-kapulavur The Godfather, se nagħti tagħrif qasir fuq xi films:  

Pay Or Die (1960). Lejn is-snin tal-1910, il-Mafja kissret ħwienet jew ħarquhom meta s-sid ma jkunx irid iħallas għall-protezzjoni. Jaħdem Ernest Borgnine.  

Johnny Cool (1963). Studju sadistiku ta’ gangster vjolenti li jfittex vendetta, bl-attur Henry Silva. Dan kien l-aħħar film tal-attur Malti Joseph Calleia li deher f’partiċella.  

The Brotherhood (1968). Storja eċċellenti tal-Mafja fi żmien ta’ bidla. Kirk Douglas, marbut bit-tradizzjonijiet tal-Mafja jikklexxja ma’ ħuh (Alex Cord), iżgħar minnu li ma jridx jimxi mat-tradizzjoni. Taħdem ukoll Irene Papas.  

The Valachi Papers (1972). L-istorja vera ta’ Joseph Valachi (Charles Bronson) li meta l-Mafja ħarġu sentenza tal-mewt fuq rasu jinforma kollox lill-awtoritajiet.  

Francis Ford Coppola ffilmja n-novella ta’ Mario Puzo The Godfather (Il Padrino) u anki rċieva theddid mill-Mafja, però dawn wara kkoperaw miegħu biex ħareġ kapulavur kbir fl-1972 ta’ dan il-ġeneru, li però wara ġie ssuperat mis-sequel The Godfather, Part 2 (1974) li bejniethom rebħu 9 Oscars. Il-parti prinċipali ta’ Don Corleone fdata għand Marlon Brando li rebaħ l-Oscar, għall-bidu kienet maħsuba, kif kont qrajt, għall-kompatrijott tagħna, Joseph Calleia.  

F’Awwissu tal-1945, Don Vito Corleone (Marlon Brando), magħruf bħala l-Parrinu ta’ ħafna emigranti Taljani fi New York li jiddependu fuq l-għajnuna tiegħu u anki l-protezzjoni, qed jippresiedi fuq iż-żwieġ tat-tifla Connie (Talia Shire, fir-realtà oħt id-direttur) maż-żagħżugħ Carlo Rizzi (Gianni Russo), li jaħdem fl-imħatri. Iċ-ċerimonja grandjuża fid-dar tiegħu f’Long Island tattira gzuz ta’ nies qraba u ħbieb, fosthom Tom Hagen (Robert Duvall), l-avukat u l-aktar bniedem fdat ta’ Don Corleone u John Fontaine (Al Martino), kantant popolari li d-Don għenu biex jikseb suċċess.  

Kif iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ ikomplu, kull tant ħin id-Don jirtira fl-uffiċċju tiegħu u joqgħod jisma’ lill-viżitaturi li jitolbu l-għajnuna tiegħu. Wieħed minn dawn hu Fontaine li jgħidlu li mhux qed jingħata r-rwol ewlieni fi produzzjoni importanti ta’ Hollywood. Id-Don jibgħat lil Tom Hagen f’Los Angeles biex jitkellem mal-produttur, Jack Woltz (John Marley). Meta Woltz jinzerta li hu persuna diffiċli biex tipperswadih, l-għada filgħodu jsib ras iż-żiemel favorit tiegħu maqtugħa fis-sodda ħdejh u Fontaine jakkwista l-parti ewlenija bla iżjed problemi. Lura fi New York, Hagen jattendi laqgħa li Virgil Sollozzo (Al Lettieri), membru prominenti tal-familja Mafjuża Tattaglia, li kien talab mad-Don. Dawn huma l-akbar rivali qrib tal-familja Corleone. Sollozzo jipproponi li Don Vito jipparteċipa f’operazzjoni ta’ konsinna kbira ta’ drogi u għalkemm id-Don bil-qawwa kollha jirrifjuta, Sollozzo jintebaħ li Sonny (James Caan), it-tifel il-kbir ta’ Don Corleone, hu interessat. Ftit ġimgħat wara lill-Parrinu jisparawlu fit-triq, att ċar biex it-Tartaglia jkunu jistgħu jinnegozjaw ma’ Sonny. Ix-xwejjaħ ma jmutx u waqt li jkun fis-sodda il-Corleone jagħmlu vendetta.  

Michael (Al Pacino), it-tifel iż-żgħir, eroj tal-gwerra li qatt ma kien involut fin-negozju ta’ familtu, jispara kemm fuq Sollozzo u kemm fuq McClusky (Sterling Hayden), il-kap korrott tal-pulizija li kien qed jgħin lil Sollozzo. Malajr Michael jintbagħat Sqallija minħabba biża’ ta’ riperkussjoni, waqt il-gwerra li tinqala’ bejn iż-żewġ familji mafjużi ta’ New York. Hu jiżżewweġ tfajla sbejħa Siċiljana, Appollonia (Simonetta Stefanelli), jgħix ferħan magħha f’villaġġ muntanjuż sakemm tasallu l-aħbar li ħuh Sonny inqatel u li d-Don reġa’ ħa l-kmand tal-familja Corleone. Ftit wara, Appollonia tinqatel fi splużjoni ta’ karozza maħsuba għal Michael, attivata minn Fabrizio (Angelo Infanti), suppost wieħed li kellu jipproteġih.  

Michael jirritorna lejn New York fejn isib li missieru, il-Parrinu għamel ħbieb ma’ familja oħra ta’ New York u li issa teżisti paċi mhux dejjiema. Hu jiżżewweġ lil Kay (Diane Keaton) tfajla Amerikana u jimbarka biex jieħu r-riedni f’idejh mingħand missieru li hu ħerqan li jirtira. Meta Don Corleone jmut malajr minn attakk tal-qalb u l-familja l-oħra jibdew jersqu fit-territorju tal-Corleone, Michael ikun ippreparat għalihom. B’sensiela ta’ qtil brutali, waqt magħmudija fil-katidral, jagħmel vendetta sħiħa mit-Tartaglia, fejn ipatti għar-reati ta’ qabel dawn, jiddisponi mill-membri dgħajfin tiegħu stess, u jerġa’ jpoġġi lil Corleone fis-supremazija. B’hekk wasal parrinu ġdid, l-aktar wieħed potenti fl-Istati Uniti.  

The Godfather jibqa’ l-kapulavur assolut tal-films dwar il-Mafja u l-aktar wieħed epiku (flimkien ma’ The Godfather Part II) ta’ dan il-ġeneru. 

 

 

More in Arti