Move Ya Body: The Birth of House, dokumentarju fuq il-mużika stil house
Fit-29 ta’ Novembru 2025, Electronic Music Malta (EMM) bi pjaċir tħabbar t-tnedija speċjali tad-dokumentarju Move Ya Body: The Birth of House, mid-direttur rebbieħ ta’ diversi premjijiet, Elegance Bratton. L-avveniment se jsir ġewwa Palazzo Messina, il-Belt Valletta, bil-bibien jinfetħu fis-7:00 p.m.
Id-dokumentarju jsegwi t-twelid u l-evoluzzjoni tal-mużika tal-istil house — mill-konsegwenzi ta’ Disco Demolition Night sal-moviment radikali u liberatorju li ħareġ fix-xena underground f’Chicago. Jidhru fost l-oħrajn Vince Lawrence, Frankie Knuckles u pijunieri oħra li bi spirtu DIY ħolqu moviment mużikali influwenti mad-dinja kollha.
Wara l-wiri tad-dokumentarju, se ssir diskussjoni dwar l-għeruq, il-kultura u l-wirt ta’ dan l-istil ta’ mużika house. Il-lejl jintemm b’DJ set minn wieħed mill-pijunieri tal-mużika dance f’Malta, DJ David Dee, li se jwassal vjaġġ mużikali fost il-ħsejjes li ffurmaw ġenerazzjonijiet sħaħ.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Electronic Music Malta.
Dan l-avveniment jagħmel parti minn Circuits, il-festival annwali organizzat minn Electronic Music Malta. Huwa appoġġjat minn Black Box Pro u l-German-Maltese Circle, filwaqt li EMM hija appoġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti.
