Memorji li jerġgħu jqajmu stejjer personali

“Ras il-Għajn” ta’ Charles Flores hija ġabra ta’ memorji personali li jirriflettu fuq il-karriera twila tiegħu fil-ġurnaliżmu Malti, fix-xandir u fil-letteratura, u li joffru aneddoti li jkopru avvenimenti storiċi, mumenti kulturali u ħajja ta’ kuljum tul ġenerazzjonijiet sħaħ. 

Din il-ġabra ta’ memorji personali mill-karriera tal-awtur fil-ġurnali stampati, fix-xandir nazzjonali u fil-letteratura tippreżenta stejjer u aneddoti li magħhom jistgħu jidentifikaw ruħhom nies ta’ etajiet differenti. 

“Ras il-Għajn”, b’introduzzjoni ta’ Trevor Żahra, toffri vjaġġ mgħaġġel u kultant nostalġiku li jista’ faċilment jerġa’ jqajjem l-istejjer personali ta’ kull wieħed. Hemm memorji li jqajmu tbissima hekk kif wieħed jerġa’ jżur sitwazzjonijiet, avvenimenti u personalitajiet minn perspettiva ġdida. 

Xi ħjiel mill-kontenut 

Fil-ktieb ta’ Flores nerġgħu mmorru lura għal nofs is-snin sittin meta, għall-ewwel darba, tfajliet u subien adolexxenti bdew jitħalltu soċjalment u għall-iskopijiet tad-divertiment permezz tat-twaqqif ta’ diversi klabbs taż-żgħażagħ imħallta. Is-segregazzjoni fil-kongregazzjonijiet tal-knisja u fil-klassijiet malajr saret il-passat, minkejja l-protesti tal-awtoritajiet statali u klerikali ta’ dak iż-żmien. 

Raymond Mahoney kien awtur tal-lirika, kittieb u poeta mill-aqwa sa minn nofs is-snin sittin sal-mewt tiegħu fil-25 ta’ Lulju 2023. Mahoney, ħabib antik tal-awtur, kiteb il-lirika tal-kapolavur tar-rock opera “Ġensna” u diversi ġabriet ta’ poeżiji u rumanzi. Inevitabbilment, għandu sehem prominenti fil-ktieb ta’ tifkiriet ta’ Flores, b’mumenti kemm serji, kif ukoll ta’ ħfief. 

M’hemmx kif taħrab milli tiltaqa’ jew taqra dwar Maltin f’kull qasam tal-ħajja madwar id-dinja. Tul l-istorja, personalitajiet imwielda Malta ħarġu f’diversi oqsma — il-midja internazzjonali, il-kotba, il-perjodu kolonjali, l-isport u l-mużika klassika. Imma hemm ukoll ħafna eżempji ta’ ċittadini Maltin ordinarji li jidhru hawn u hemm f’xenarji kurjużi. 

Fl-ewwel xhur tal-1972, kien qed jibbies tilwima diplomatika bejn Malta u r-Renju Unit dwar il-kera tal-bażi militari Brittannika. Dan wassal għall-hekk imsejħa “Operation Exit”, sabiex jintlaħaq l-ultimatum tal-Gvern Malti dwar in-negozjati. Il-familji tas-servizzi armati Brittanniċi bdew jippakkjaw l-affarijiet tagħhom biex jintbagħtu lura r-Renju Unit fuq ħames ajruplani RAF Nimrod. Flores jerġa’ jżur dan l-avveniment storiku permezz ta’ esperjenzi personali u ġurnalistiċi, inkluż il-kustodju Malti mħasseb fl-RAF Luqa. 

L-entużjasti tal-futbol ta’ ġenerazzjonijiet differenti żgur li għandhom memorji tal-Imperial Stadium il-qadim f’Gżira. Tant stejjer u avvenimenti, tant logħbiet memorabbli u leġġendi ta’ plejers — kollox parti mill-istorja tal-istadium. Flores jagħti wkoll osservazzjonijiet tiegħu, ħafna drabi personali, bħall-kafè ta’ riħa ħażina li kien jinbiegħ hemmhekk, u t-tifel umli li kien idendel il-blalen ħomor biex juri r-riżultat waqt il-logħob. 

Is-snin tmenin kienu mmarkati minn sitwazzjonijiet soċjali, ekonomiċi, teknoloġiċi u politiċi li wasslu għal perjodu diffiċli ħafna fl-istorja Maltija. Ix-xandir nazzjonali kien, għal ħafna, jew vittma jew ħati — jew forsi t-tnejn. Maqbud f’nofs il-maltempata, Flores jirrakkonta esperjenzi personali ta’ dak iż-żmien — memorji ta’ wara l-kwinti. 

Kull ktieb għandu l-istorja tiegħu — mibnija fuq il-kreattività, il-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ dawk li jkomplu jarrikkixxu l-letteratura Maltija fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba tagħna. L-awturi u l-pubblikaturi tagħhom qed isibuha dejjem aktar diffiċli jżommu aspettattivi artistiċi u kreattivi f’suq żgħir bħalma hu dak Malti. Fejn jinsabu llum il-pubblikaturi u l-awturi tagħhom? 

“Ras il-Għajn” ġejja mill-pinna stabbilita ta’ Charles Flores hija disponibbli minn l-aqwa ħwienet tal-kotba. 

More in Arti