Ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn Inizjamed u r-Reġjun Port fi ħdan il-Festival Integrarti
Il-Festival Integrarti, flimkien ma’ Inizjamed u l-Kunsill Reġjonali tal-Port, iċċelebraw il-kollaborazzjoni artistika u letterarja tagħhom permezz ta’ tnedija, qari u pubblikazzjoni. Din il-kollaborazzjoni ħaddnet id-diversità lingwistika u kulturali fil-komunitajiet tagħna filwaqt li tat spazju lil nies ta’ kull età jesprimu ruħhom permezz tar-rakkonti.
Il-fergħa letterarja tal-Festival Integrarti involviet sensiela ta’ laboratorji ta’ kitba u rakkonti matul ix-xahar ta’ Ottubru fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar A, kif ukoll fid-dar tal-anzjani San Ġużepp, il-Fgura. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, it-tfal u l-anzjani nisġu rakkonti kollettivi li jirriflettu l-esperjenzi, il-lingwi u l-kulturi differenti li jgħixu f’dawn iż-żewġ komunitajiet.
Il-pubblikazzjoni finali tieħu s-sura ta’ poster kbir li jista’ jiltewa f’logħba – mezz kreattiv u interattiv li jagħti ħajja lir-rakkonti b’mod differenti mis-soltu. Is-siltiet se jkunu jistgħu jinqraw ukoll b’lingwi differenti permezz ta’ ħolqa apposta, li se tagħti dimensjoni ġdida lil dan il-proġett ta’ inklużjoni u interazzjoni bejn il-komunitajiet. Il-pubblikazzjoni ġiet iddisinjata minn Naomi Gatt.
Matul il-laboratorji, it-tfal ħaddmu l-immaġinazzjoni tagħhom u kitbu stejjer dwar karattri ħelwin u mqarbin, filwaqt li l-anzjani marru lura fiż-żmien u rrakkuntaw memorji prezzjużi li jmorru lura sa żmien il-Gwerra. Il-laboratorji tal-kitba għat-tfal tmexxew minn Kit Azzopardi u Justine Somerville, filwaqt li l-laboratorji tal-kitba tal-anzjani tmexxew minn Claudia Gauci u Priscilla Cassar. Il-fergħa letterarja tal-proġett ġiet ikkordinata minn Leanne Ellul f’isem Inizjamed, bħala parti mill-Festival Integrarti, li d-Diretturi Artistiċi tiegħu huma Joseph Galea u Francesca Zammit. Veronika Mercieca ħadet ħsieb il-proġett f’isem il-Kunsill Reġjonali tal-Port.
Joseph Galea, wieħed mid-Diretturi Artistiċi tal-inizjattiva qal li “Il-festival Integrarti kien strumentali sabiex din is-sena artisti minn komunitajiet differenti kkollaboraw u qasmu t-talenti tagħhom f’inizjattivi differenti fil-lokalitaijiet tar-Reġjun Port. Dan ir-Reġjun għaraf li l-integrazzjoni mhux biss tgħin lil diversi persuni sabiex iħossu li jappartjenu għal post fejn jgħixu, imma wkoll iżid il-valur waqt attivitajiet kulturali li diġà jeżistu lokalment.”
L-għeluq tal-proġett u t-tnedija uffiċjali tal-pubblikazzjoni saru l-Ħamis, 27 ta’ Novembru, fl-10.30 a.m. f’Dar San Ġużepp, il-Fgura. Matul l-avveniment sar qari tax-xogħol maħluq, bil-parteċipazzjoni tat-tfal kollha tal-Iskola Primarja A ta’ Ħaż-Żabbar u l-anzjani li ħadu sehem fil-proġett. Leanne Ellul, id-Direttriċi Artistika ta’ Inizjamed u l-kordinatriċi tal-fergħa tal-letteratura fi ħdan dan il-proġett qalet li għalija “xi ħaġa speċjali wisq li fi tmiem dan il-proġett se jiltaqgħu l-ġenerazzjonijiet diversi flimkien.” Żiedet tgħid li “din mhix l-ewwel darba li Inizjamed mexxiet proġetti ta’ dan it-tip, għadha u se tibqa’ għaliex fihom tara valur kbir; huwa mod kif il-letteratura u r-rakkuntar tal-istejjer jaslu għand udjenzi differenti u li permezz tagħhom huma stess isiru l-protagonisti. Huwa wkoll mod kif it-tfal jitgħallmu f’ambjent differenti u kif ma jorbtux il-kitba ma’ xi ħaġa tad-dwejjaq u ta’ bilfors. Fil-każ tal-anzjani, jingħata valur lill-esperjenza bla qies tagħhom.”
Din l-esperjenza ta’ skambju bejn il-ġenerazzjonijiet turi kif l-arti u l-letteratura jistgħu jsiru pont ta’ konverżazzjoni u rispett reċiproku, filwaqt li jsaħħu s-sens ta’ komunità, inklużjoni u kreattività. Għal aktar informazzjoni dwar il-Festival Integrarti u l-attivitajiet tiegħu, wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali ta’ Integrarti jew ta’ Inizjamed.
