Il-mument li waqafna nibżgħu

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaqbad f’idejh il-ktieb “Eħlisna mid-Deni” ta’ Karl Schembri, u jara fih karatteristika ġdida li tiftaħ orizzonti ġodda għan-narrattiva Maltija. 

Qisha qalbi ħebritni, dakinhar li sirt naf bil-ktieb l-ewwel darba minn event fuq Facebook tħabbar sessjoni ta’ qari meta kienet għadha qas biss tħabbret data tal-pubblikazzjoni, li kien hemm xi ħaġa speċjali. Bla ma kont naf xejn fuqu ħassejt ċerta urġenza biex naqrah. Forsi kien it-titlu, jew forsi kont qed inħoss l-urġenza fil-ktieb stess li jgħid dak li għandu x’jgħid. Għax jekk hemm aspett li jikkaratterizza lil Eħlisna mid-Deni, ir-rumanz speċi-ta’-veru-speċi-ta’-le l-ġdid ta’ Karl Schembri (Merlin Publishers, 2025), huwa li jinħass qisu xebgħa jistenna, qisu se jagħlqek f’xi kamra xi mkien, jorbtok ma’ xi siġġu, u jgħidlek “Issa isma’ l-istorja tiegħi!” … u hekk jagħmel — litteralment, fl-istorja, metaforikament, mal-qarrej li jissammar mas-sufan jew mas-sodda jdawwar paġna wara l-oħra u jiskopri, jitwaħħax, imma anki jimmeravilja ruħu b’dak li hemm mistur fihom. 

Fl-ewwel saff tiegħu, il-ktieb joffrilna sitwazzjoni sempliċi: raġel bla isem li, aktar ma jgħaddi ħin, insiru nafuh bħala l-Monsinjur Peralta, iqum diżorjentat u marbut f’kamra ma’ raġel ieħor: dak li ħatfu. Mill-ewwel kliem tiegħu, il-ktieb jixxokkjana f’dinja fejn ma nafux sewwasew x’għandna nistennew, imma nafu li mhux se jkunu affarijiet sbieħ: “Il-ħabel issikkat wisq, jaqaw?” Li jsegwi hu monologu mill-figura misterjuża li ħatfet lil dan il-qassis, bejn interrogazzjoni, bejn konfessjoni. Imma mhix il-konfessjoni tal-qrara. Ir-raġel mhux iqerr għemilu, qed ifittex ħaqq … ma’ Monsinjur Peralta, f’saff minnhom, imma iżjed. Ma’ pajjiż u mal-modi tiegħu. In-narrattiva tiżvolġi fi storja ta’ abbuż u tortura li toħodna mis-sagristija sal-qrati u l-midja u sas-swali tal-isptar psikjatriku. F’kull rokna tinkixef xi naqra iżjed mill-ipokrezija u mill-istrutturi moħbija tal-poter fis-soċjetà u l-kultura tagħna. 

Wara din l-istorja fittizja hemm oħra awtobijografika li, fi żmien ieħor, forsi f’soċjetà oħra, kienet tispiċċa fuq fomm kulħadd u tiddomina d-diskors nazzjonali: “Ġib quddiem għajnejk, Monsinjur, jien u ħija fl-ewwel lejl għand iz-zija, ma nafux xi ż-żobb ġara, ma nafux ommna għadhiex ħajja jew le u xi ż-żobb għamel eżattament missierna.” Missier Schembri, li meta kien żgħir ġie abbużat sesswalment minn qassis, żviluppa taħlita ta’ mard mentali serju u, eventwalment, qatel lil omm Schembri. Inevitabbilment, l-awtur għamel għexieren ta’ snin f’kunflitt ma’ din il-ġrajja, jissielet biex jipproċessaha u jifhimha u fl-istess ħin jinnaviga l-istigma, ir-rabja u l-biża’, il-mistħija, is-segretezza, u ħafna aktar. Eħlisna mid-Deni hu l-mod li sab kif, wara dan iż-żmien kollu, jesprimi dak li kellu jesprimi meta s-skiet sar tqil wisq biex jitħalla jibqa’. Il-mod kif jeżorċitizza dawn ix-xjaten. 

F’intervista ftit ġimgħat ilu, l-awtur qal li jemmen li l-kitba fittizja tista’ tkun aktar reali mir-realtà nnifisha. Ried jgħid li tlaqqagħna mar-realtà tat-trawma b’mod eqreb milli qatt jista’ jkun possibbli mir-rapporti u l-istudji, għax naraw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet veri tal-vittmi. Imma naħseb fi kliemu hemm ukoll twissija, forsi mhux intenzjonata, dwar il-ktieb stess. Fl-aħħar ġimgħat intqal ħafna dwar l-istorja reali ta’ ħajjet l-awtur, imma l-ktieb mhuwiex awtobijografija. Jgħaqqad elementi li, iva, ispirati mill-ġrajja veru ma’ oħrajn immaġinati għalkollox. Eħlisna mid-Deni m’għandux isir l-istorja ta’ ħajjet Schembi, reali aktar mar-realtà, u lanqas l-istorja tal-awtur m’għandu tkun daqshekk kunsiderazzjoni importanti fil-qari tagħna: il-ktieb huwa eċċellenti, mhux minħabba l-ħajja drammatika ta’ min kitbu, imma għax in-narrattiva li jagħtina hija tal-ogħla kwalità, miktuba bl-aqwa ħila. Huwa eċċellenti għax ma jibżax jisfida dak li hu aċċettabbli fi ktieb. Huwa eċċellenti għax, mhux ibexxaq tieqa imma jiftaħha beraħ fuq it-tabujiet li s-soċjetà tagħna għadha sal-lum titkellem dwarhom. Huwa eċċellenti għax għandu ħakma eċċellenti tat-trawma u l-emozzjonijiet, għax miktub tajjeb ħafna, għax ir-ritmu tan-narrattiva huwa perfett … ħafna minn dawn, iva, forsi huma influwenzati mill-istorja li għex Schembri, imma fl-aħħar mill-aħħar hija l-ħila tiegħu, mhux dik il-ġrajja, li tagħmel il-ktieb dak li hu. Qarrej li ma jaf xejn dwar il-qtil li sar fid-dinja reali mhux se jħossu differenti hu u jaqra, u qarrej li jaf se jsibha impossibbli jiddistingwi bejn l-aspetti tal-ktieb li huma “Schembri jirrakkonta” u dawk li huma “Schembri jimmaġina”. 

It-titlu tal-ktieb, meħud mill-aħħar parti tal-Missierna, huwa eżempju tajjeb ta’ din il-kapaċità. Mhuwiex metafora kwalunkwe, imma kritika impliċita qawwija tal-istituzzjonijiet li għallmuna dik it-talba waqt li, fl-istess ħin, kienu qed joffru kenn lill-istess nies li ġabu l-ħtieġa li nitolbu “eħlisna mid-deni”. Dan rumanz bla kantunieri li jikxef kif il-ħażen jinħeba taħt it-tapit u kif ir-reputazzjonijiet jingħaddew mill-magna tal-ħasil biex jerġgħu jidhru taparsi normali f’għajnejn is-soċjetà; imma l-ilma tal-magna tal-ħasil ma jippurifikax bħall-ilma tal-Magħmudija. B’dan il-mod Schembri jfakkar u jġedded ir-reputazzjoni li diġà kien żviluppa b’kotba bħal Il-Manifest tal-Killer li quddiem il-moralità, ma jibżax jgħid is-sew. Il-ktieb, anki bl-istorja fl-ewwel saff tal-perpetratur maħtuf, iġegħelna nistaqsu mistoqsijiet ibsin: min hu l-vittma u min hu l-awtur tad-delitt? It-trawma tiġġustifika? 

Il-verdett fuq dan kollu mhux dejjem faċli, imma l-verdett fuq il-ktieb hu. Eħlisna mid-Deni hu, frankament, rumanz li kellna bżonn, u li forsi f’xi forma jew oħra ilu ġej. Jisfida l-limiti li l-letteratura tagħna ġeneralment żammet fi ħdanhom, imma lanqas ma jdur għall-elementi tipiċi tal-kritika bħas-satira. Minflok, bħalma n-narratur qabad u mar dirett fuq dak li, għalih, kien ħati u ħatfu, l-istess dan il-ktieb jaqbad u jmur direttament għall-qofol tal-kwistjoni u jikkonfrontah pubblikament u bla ħafna manuvri u ħabi. Ifarrak tabù wara l-ieħor: l-abbuż mill-kleru, il-patrijarkija, is-saħħa mentali u t-trattament inadegwat, il-fallimenti ta’ bosta istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb lil dawk l-iżjed vulnerabbli, u saħansitra l-kompliċità tal-istess istituzzjonijiet. Il-ktieb ifittex ħaqq minn pajjiż li ħalliena naslu f’dan it-tiġrib. Dan il-ktieb jirrappreżenta mument ewlieni fl-istorja tal-letteratura tagħna. Se jgħaddu s-snin, u se nibqgħu nħarsu lura lejn dan il-ktieb bħala l-mument meta l-letteratura waqfet tibża’. Se jibdel l-istorja tal-letteratura tagħna. Inħossni totalment konvint. 

More in Arti