“Diġà mgħobbijin wisq” – L-awtentiċità fil-kitba Maltija

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jislet punt minn reċensjoni ta’ Ħaley Xuereb dwar il-ktieb ‘be;n il-kmiem’, u jitkellem dwar kemm l-awturi Maltin jifilħu jiktbu fuq kollox minħabba n-numru tagħhom

Fl-aħħar ġimgħat qrajt b’ħafna interess ir-reċensjoni ‘Il-kliem jifgaw l-uġigħ’ ta’ Ħaley Xuereb li dehret f’din il-paġna letterarja x-xahar li għadda, dwar il-ktieb be;n il-kmiem ta’ Leanne Ellul, kif ukoll xi intervisti li tat l-awtriċi ta’ dan il-ktieb lil diversi ġurnali lokali. Spikkaw f’għajnejja l-osservazzjonijiet ta’ Xuereb li l-letteratura hija kważi kważi mistennija tittratta “temi serji” li iżda “forsi jonqsu milli jaslu għand dawk li għandhom l-aktar bżonnhom” u li, min-naħa tiegħu, il-ktieb ta’ Ellul huwa “l-ewwel rumanz lokali li jiffoka direttament fuq is-self-harm, suġġett li ilu jidher fil-letteratura barranija, imma li f’Malta baqa’ tabù”. 

Għad illi dan il-ktieb partikolari għadni ma qrajtux u għalhekk, ma nistax niġġudika l-idea rikorrenti fir-reċensjoni dwaru, jiġifieri li l-ktieb jibbrilla fuq livell estetiku iżda jonqos xi ftit milli jwassal b’mod konvinċenti t-tema li jittratta, mhijiex pożizzjoni li tissorprendini. Fil-fatt, Xuereb bexxqet il-bieb fuq problema li jaffaċċja kostantament is-suq letterarju Malti. 

F’intervista li dehret fuq Times2, Ellul tistqarr li kienet laqtitha statistika li qrat dwar żieda fl-għadd ta’ każijiet ta’ self-harm irrappurtati u, ftit wara, li temmen bis-sħiħ li l-letteratura jeħtieġ li jkollha xogħlijiet li jirriflettu l-preokkupazzjonijiet taż-żmien li nkitbu fih. U s’hemm, naqblu. Il-problema, bħal spiss, hija waħda ta’ daqs: l-ammont ta’ nies li jafu l-Malti huwa baxx, l-ammont ta’ nies li jiktbuh baxx iżjed, u l-ammont ta’ awturi attivi fix-xena letterarja bil-Malti huwa biss qatra f’din l-għadira diġà ċkejkna. U għalhekk il-pressjoni fuq il-letteratura li tkun relevanti, li tfisser xi ħaġa għall-qarrejja tagħha, issir pressjoni fuq għadd żgħir ta’ nies li jridu jkunu dejjem huma li jagħtuna kotba li jindirizzaw it-temi tal-lum. Bħallikieku hemm xi lista u qegħdin naqtgħu entrata wara entrata sakemm fl-aħħar inkunu tkellimna fuq kollox. 

Qed nibbanalizza l-ħaġa xi ftit, però dan hu r-riskju li jinħoloq meta l-pressjoni li niktbu b’mod serju dwar kull ħaġa mis-sema ’l isfel titpoġġa fuq spallejn l-istess erbgħa min-nies li, bl-esperjenza u l-ħila kollha tagħhom, impossibbli jkunu l-vuċi ta’ kulħadd. Nirriskjaw li temi serji jispiċċaw superfiċjali, jekk mhux redikoli. L-aqwa li qtajniehom minn fuq il-lista, mexxi għal li jmiss. 

Minn hawn tinbet problema ta’ awtentiċità. F’intervista oħra li dehret fuq MaltaToday, Ellul taċċena għall-famuż kunċett tad-“Death of the Author” — il-Mewt tal-Awtur — l-idea li l-intenzjonijiet u l-bijografija tal-awtur huma separati mit-test u għandhom jiġu injorati għalkollox. Tul is-snin innotajt li dan il-kunċett donnu m’hawnx wieħed iżjed maħbub minnu mal-Maltin ta’ sfond akkademiku letterarju, tant li kważi sar dogmatiku. Iżda filwaqt li, ċertament, joffrilna spunti tajbin, bħal ħafna kritiki nħoss li mhuwiex kunċett li għandu jiġi aċċettat għalkollox. Li nippretendu li l-awtur partikolari jaffettwa t-test biss fuq livell estetiku u li l-esperjenzi u l-ħsibijiet tiegħu mhumiex parti essenzjali minn x’jimmanifesta fit-test hi problematika. 

Fid-diskors letterarju ġew proposti bosta modifiki tal-kunċett li jfittxu li jsolvu din it-tensjoni. Personalment, aktar mill-Mewt tal-Awtur nippreferi l-kunċett tal-enċiklopedija propost minn Umberto Eco, li fi ftit kliem jgħid li, filwaqt li iva, l-att ta’ interpretazzjoni joħroġ mill-interazzjoni bejn it-test u l-qarrej partikolari, iż-żewġ aġenti f’din l-interazzjoni — il-qarrej u l-kittieb — huma ggwidati mill-enċiklopedija personali tagħhom, jiġifieri t-totalità tal-għarfien u l-esperjenzi tagħhom. Il-kittieb jikkonkretizza aspetti influwenzati mill-enċiklopedija fit-test partikolari li, li kieku xi elementi tal-enċiklopedija kienu differenti, kien jieħu xejra differenti. Il-qarrej, min-naħa tiegħu, juża l-għarfien li ġema’ s’issa biex jestratta dak li jista’ mit-test, u f’punt ieħor fiż-żmien fejn l-enċiklopedija tkun inbidlet, konsegwentement jislet affarijiet differenti. Dan narah ħafna iktar riflessiv ta’ dak li verament jiġri fl-att fiżiku u kummerċjali tal-kitba u waqt il-qari. 

Minn dan nistgħu nikkonkludu, mela, li biex test jittratta tema importanti b’awtentiċità, ikun ideali li l-awtur mhux biss ikollu għarfien profond tas-suġġett iżda wkoll l-esperjenza tiegħu. Suġġetti kbar bħas-self harm, l-abort, l-esperjenza tal-migrazzjoni, u oħrajn neħtieġu li nisimgħuhom mingħand nies li jafu x’jiġifieri. Ellul stess diġà fil-passat, fil-fehma tiegħi, għamlet dan b’mod eċċellenti bi Gramma. Ir-riċerka u anki l-konverżazzjoni ma’ nies li għexu dawn l-esperjenzi, għad illi jkabbru l-għarfien fl-enċiklopedija tagħna dwar suġġett, nemmen li qatt ma jistgħu jissostitwixxu l-emozzjonijiet profondi li jġibu magħhom esperjenzi tant qawwija. Dan, naħseb, huwa li ħasset Xuereb meta kitbet li, għalkemm il-ktieb ta’ Ellul hu miktub sew, huwa nieqes mill-“ġenwinità esperjenzali”. Filwaqt li, għal qarrej li l-enċiklopedija tiegħu lanqas ma tinkludi din l-esperjenza, ir-rakkont jaf jinħass biżżejjed, qarrej ieħor li javviċina t-test b’ċerta esperjenza li ġarrab iħoss in-nuqqas ta’ awtentiċità fih. 

Naturalment, xejn minn dan ma jfisser li l-awturi għandhom jiktbu biss dwar dak li għaddew minnu. Fil-fatt lanqas biss għandhom għalfejn jiktbu dwar din id-dinja. Hija problema ta’ skala. Suq letterarju kbir, bħal dak Ingliż, jaffordja jkollu awturi li jgħidu, “illum se nikteb fuq dan is-suġġett”, u jaqbdu jirriċerkawh. Imma meta s-suq ikun żgħir, ma jistax ikollok dawn it-tipi ta’ kotba biss dwar tema. Trid ukoll il-vuċi awtentika, li taf eżatt x’inhi tirrakkonta. Inkella, in-nuqqas ta’ awtentiċità se jinħass, u se jdgħajjef il-perċezzjoni tal-qarrejja dwar il-letteratura Maltija bħala xi ħaġa li ma tkellimhomx, ma temozzjonahomx, li mhix relevanti għalihom, li mhix tajba biżżejjed. 

L-għan mistqarr li jkollna letteratura li verament tirrifletti l-preokkupazzjonijiet ta’ żminijietha ma jintlaħaqx mingħajr awtentiċità. Żgħira kemm hi żgħira, l-esperjenza kollettiva tal-Maltin hija prattikament bla limitu. Dawn in-nies b’esperjenzi awtentiċi jeżistu. Sta għalina biex naraw kif se nqarrbu lil dawn in-nies lejn il-kitba bil-Malti ħalli jagħtuna vuċi ġenwina u ntaffu xi naqra dik il-pressjoni minn fuq spallejn dawk diġà mgħobbijin wisq. 

More in Arti