Ivan Grech b’kanzunetta ġdida bl-isem ta’ ‘Picture on the Wall’

Ivan Grech joħroġ kanzunetta ġdida b’riflessjoni personali dwar is-saħħa mentali  

Il-kantawtur Malti Ivan Grech jirritorna bil-kanzunetta “Picture on the Wall”, it-tieni single mis-solo album ġdid tiegħu.  

Wara s-suċċess tas-single tiegħu (Let’s Get) High on Love u diversi kunċerti live f’Malta u Għawdex, Ivan qatta’ x-xhur riċenti jikteb u jirrekordja mużika ġdida. Dan il-kapitlu ġdid jibni fuq l-għeruq mużikali tiegħu u jqanqal emozzjonijiet ġenwini.  

“Picture on the Wall” hija kanzunetta dwar temi importanti bħall-vulnerabbiltà u s-saħħa mentali. “B’din is-silta mort lura għall-għeruq tiegħi, kemm mużikalment, kif ukoll lirikament,” qal Ivan. “Il-kanzunetti tiegħi dejjem ikunu dwar emozzjonijiet veri. Għalija diska trid tinħass mhux tinstema’ biss.”  

Il-kanzunetta nkitbet f’lejl, meta ħoss ta’ kitarra akustika waqt film li kien qed jara Ivan ispira l-ewwel noti.  

“Mort fuq il-keyboards f’nofs ta’ lejl, dan huwa dejjem l-aħjar ħin fejn insib l-ispirazzjoni tiegħi. Fi ftit sigħat, is-silta kienet kważi lesta,” jgħid Ivan. “Ridt diska melodjuża, imma differenti minn dak li normalment nikkomponi.”  

Il-kliem ta’ din id-diska huwa appell qawwi biex inkissru s-silenzju dwar is-saħħa mentali. “Mhux dejjem naraw l-inkwiet fuq wiċċ in-nies. Xi drabi dan ikun moħbi wara tbissima,” jispjega Ivan. “Irridu nfakkru lilna nfusna u lil dawk ta’ madwarna li meta xi ħadd jitlob għall-għajnuna, dan mhux sinjal ta’ dgħufija imma ta’ saħħa.”  

Il-kanzunetta ġiet irrekordjata f’Temple Studios flimkien ma’ David Vella li ħa ħsieb il-produzzjoni. Huwa daqq id-drums, il-bass, il-perkussjoni, u l-keyboards. Il-kanzunetta tinkludi wkoll il-kontribut ta’ Peter Borg (Red Electric) fuq il-kitarri akustiċi, elettriċi u slide guitars, u Alistair Abela fuq kitarri elettriċi.  

Il-kunċett tal-video huwa ta’ Ivan Grech, filwaqt li l-editjar u l-effetti saru minn Chris Spiteri u l-animazzjoni 3D minn Aaron Cachia (Aar.on.3D).  

“Picture on the Wall” hija parti mill-album ta’ Ivan bħala solist, li se joħroġ fix-xhur li ġejjin

More in Arti