Il-wiċċ politiku tal-edukazzjoni u l-għalliema progressivi

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar iqalleb fil-ktieb L-Edukazzjoni hi Politika ta’ Carmel Borg, traduzzjoni għall-Malti tal-edukatur u l-filosfu Paulo Freire, li jibqa’ jfakkarna li l-għalliem huwa artist li ma jistax jibqa’ newtrali quddiem l-oppressjoni. 

Bejn is-6 u s-17 ta’ dan ix-xahar, il-Qdusija Tiegħu l-Papa għamel vjaġġ fl-Amerka Latina li matulu kompla jifforma t-timbru tal-Pontifikat tiegħu. Żar l-Arġentina, l-Urugwaj u l-Perù. Waħda miż-żjarat tiegħu fil-Perù kienet fl-Università Santo Toribio de Mogrovejo ġewwa l-belt ta’ Chiclayo. Fost bosta temi li qajjem fid-diskors tiegħu, il-Papa Ljun XIV enfasizza dwar il-ħtieġa li l-progress xjentifiku jagħti kas lill-fqir u lill-maħluq li jinsab ferut mill-qligħ li jmur kontra dak li jitlob il-ġid komuni. F’parti minn dan id-diskors jgħid hekk: 

“Progress li huwa indifferenti għall-ġustizzja u d-dinjità tal-ħaddiema jsir, fil-fatt, mekkaniżmu ta’ oppressjoni u esklużjoni. Għalhekk l-università Kattolika għandha d-dmir li tfakkar lill-pubbliku u lill-isferi politiċi li x-xjenza mingħajr kuxjenza tirrovina l-ħajja ta’ kulħadd. Bl-istess mod, it-teknoloġija mingħajr ruħ ma ttejjibx verament il-ħajja. Madankollu, edukazzjoni umanistika u Kristjana ssostni l-ħila tagħna li nsawru relazzjonijiet bħala aħwa dejjiema, sabiex inkunu nistgħu ninnavigaw l-era diġitali billi nimxu lil hinn minn sempliċi konnessjoni biex naslu għal relazzjonijiet awtentiċi li jrawmu l-għaqda. Għeżież ħbieb, it-teknoloġija mhux dejjem tkun newtrali. Kultant, il-forom tagħha jkollhom l-impronta, l-interessi u l-ambizzjonijiet ta’ dawk li jfassluha u jikkontrollawha. Għalhekk trid tiġi studjata b’moħħ ċar u b’qalb safja.” 

Dan id-diskors tal-Papa, jidħol id f’id mal-ideat li kien iwassal il-Brażiljan Paulo Freire (1921-1997), li studja l-Liġi, il-Filosofija u l-Lingwistika. Ħajtu u ħidmietu kienu ta’ ġid kemm għal dawk li daqu l-metodi tat-tagħlim tiegħu, kif ukoll għal dawk li f’xogħolhom bħala edukaturi sabu fil-filosofija ta’ Freire mezz kif iqanqlu iżjed interess fit-tagħlim. 

Il-Professur Carmel Borg kien ħareġ ġabra tal-kitbiet ta’ Paulo Freire taħt it-titlu L-Edukazzjoni hi Politika bl-għajnuna tat-tradutturi li qalbu xogħlu għall-Malti. Din kienet pubblikazzjoni minn Horizons maħruġa fl-2013.  

L-għalliema progressivi 

Meta Freire jikteb dwar kif wieħed jista’ jiddistingwi l-għalliema progressivi, iħeġġeġ biex l-iskola tkun waħda li taħseb, li tipparteċipa, li toħloq, li ssemma’ leħinha, li tħobb, li tħaddan il-ħajja b’passjoni u tgħidilha iva. Ma tkunx skola li toqgħod kwieta u ċċedi. Għal Freire l-iskola hija għodda għat-trasformazzjoni tas-soċjetà.  

Li wieħed jammira f’kitbietu huwa li jfittex it-tibdil billi jkun magħġun ħaġa waħda fil-kuntest. Jirrifjuta viżjoni waħda li l-mexxejja jippretendu li jimxu warajha, iżda jisħaq fl-involviment tal-komunitajiet tat-tagħlim biex ikunu parti mill-vjaġġ edukattiv. Infatti fit-teżi tad-Dottorat tiegħu ‘L-Edukazzjoni u l-Preżent Brażiljan’, li kien preżenta fl-1959, tispikka l-idea li l-edukazzjoni fl-iskejjel għandha tirrifletti r-realtajiet konkreti, il-kuntest soċjali u l-kultura popolari tal-komunità. 

F’artu u ’l bogħod minnha 

Freire kellu jqatta’ sittax-il sena ’l bogħod minn artu (1964-1980). Fil-perjodu tal-eżilju minn artu ma qagħadx b’idu fuq żaqqu. Kien ta’ spalla għal bosta movimenti, ħadem b’mod dirett fil-kamp edukattiv u kompla wkoll fil-mixja akkademika tiegħu. Dan għamlu fiċ-Ċilì, il-Bolivja, l-Istati Uniti u l-Iżvizzera. Meta r-reġim Brażiljan beda jħossu mrekken u l-qawmien tal-ħaddiema kien sar bħal borma tagħli, hemm kien il-mument li ppermetta li l-Partit tal-Ħaddiema (PT) jitwaqqaf fl-1980. Dan kien l-istess partit politiku li għen jitwaqqaf Freire innifsu u li riċentement irċieva mandat ieħor biex jiggverna l-pajjiż, taħt it-tmexxija tal-President Lula da Silva. 

L-ewwel darba li l-PT ħa t-tmexxija muniċipali ta’ São Paulo, fil-15 ta’ Novembru tal-1988, Paulo Freire kien inħatar bħala Ministru tal-Edukazzjoni u baqa’ f’dan l-irwol sa Mejju tal-1991. Tul dan iż-żmien enfasizza d-djalogu miftuħ mal-ġenituri, l-istudenti u l-professjonisti edukattivi, kif ukoll kien jisħaq dwar it-tiġdid tal-kurrikulu f’kuntest ta’ awtonomija tal-iskejjel.  

Il-proċess tal-bidla 

Fil-kitba tiegħu ‘L-edukazzjoni, il-liberazzjoni u l-Knisja’, Freire jistqarr, “Renju ta’ paċi trankwilla ma jista’ qatt jeżisti fl-istorja. L-istorja hija l-proċess tal-bidla nnifisha: hija avveniment uman”. Dan ifakkarni fil-kitba tal-filosfu Taljan, Antonio Gramsci, li kien ukoll ta’ influwenza għal Freire, meta fil-pitazzi mill-ħabs jikteb hekk: 

“Meta jingħad li ċerta ħaġa teżisti anke kieku l-bniedem ma kienx jeżisti, jew issir metafora jew inkella wieħed jaqa’ proprju fil-mistiċiżmu. Aħna nafu l-fenomeni fir-rigward tal-bniedem, u billi l-bniedem huwa proċess ta’ żvilupp, anke l-għarfien huwa proċess ta’ żvilupp, u għalhekk anke l-oġġettività hija proċess ta’ żvilupp” (Quaderni del Carcere – It-tieni volum, Nru. 8 – Notament 177). 

Il-kuntest huwa wieħed li dejjem jinbidel, u b’hekk iġib miegħu l-ħtieġa tad-djalogu awtentiku bejn il-partijiet kollha involuti fil-vjaġġ edukattiv. Għaldaqstant Freire iqis il-ħila li wieħed jisma’ bħala importanti ħafna. Isostni li bl-umiltà wieħed jista’ jevita li jkun imkaħħal fid-dawra durella tal-verità tiegħu stess. 

Ilsienna 

Fid-daħla ta’ dan il-ktieb il-Professur Borg jikteb kif Freire ma setax jifhem kif edukatur jista’ qatt jipprietka t-trasformazzjoni u, fl-istess ħin, ma jħossux komdu jikteb u jiddjaloga bi lsien il-poplu. Fil-proċess edukattiv tagħna bħala poplu nemmen li l-aċċess għal kitbiet ta’ stoffa bil-Malti jintrabtu b’mod sħiħ ma’ din l-idea.  

Meta nara traduzzjonijiet għall-Malti ta’ kitbiet minn Umberto Eco, Franz Kafka u Miguel de Cervantes fost oħrajn, napprezza l-fatt li l-qarrej Malti jkun qed jingħata ċ-ċans jilħaq il-ktieb mhux biss fuq l-ixkaffa, iżda wkoll bi lsien li jifhem b’mod naturali. Kotba bħal dawn żgur li jgħinuna biex ikollna mrewħa isbaħ ta’ kitbiet minn fejn nagħżlu.

More in Arti