[L-ewwel parti] Joseph Calleia — karriera produttiva u twila f’Hollywood

Touch of Evil (1958)
Touch of Evil (1958)

Jekk wieħed ifittex fuq atturi Maltin li ħadmu fil-films (però mhux f’dawk lokali) żgur mhux se jkollu fejn jitfixkel għax in-numru hu limitat sewwa. Nibda biex insemmi lil Oreste Kirkop li kien il-protagonist flimkien ma’ Kathryn Grayson f’The Vagabond King (1956), fejn hu bħala kantant/tenur esegwixxa ħafna mill-kant f’din l-operetta ta’ Rudolf Friml. Dan kien l-uniku xogħol ċinematografiku tiegħu għax wara rtira minħabba saħħtu.  

Attur ieħor li kien jgħix Londra, John Dimech deher f’The Deadly Affair (1967), fil-grandjuż/epiku Lawrence Of Arabia (1962) (bħala Għarbi li jegħreq fil-ħama) u f’The Killers Of Kilimanjaro (1959) fejn ilissen il-kliem bil-Malti “iftaħ il-katina”. Fil-kast tal-popolari To Sir With Love (1967) (tkanta l-kanzunetta rinomata tat-titlu Lulu) wieħed mill-istudenti mqarbin tal-għalliem Sidney Poitier hu Peter Attard (Ingham). It-tewmin Madeleine u Mary Collinson spikkaw fil-film tal-biża’ tal-kumpanija Hammer Films, Twins Of Evil (1971), waħda bħala t-tajba u l-oħra l-ħażina. Ħadmu wkoll fil-kummiedja He’ll Follow You Anywhere (1972) u f’partiċelli ġo ‘sex comedies’ bhal Come Back Peter, Groupie Girl, The Love Machine u Permissive. Fl-1970 flimkien ippużaw għal Playboy.  

Mill-Awstralja fejn jgħixu eluf ta’ Maltin forsi wieħed jistenna aktar riżultati inkoraġġanti. Terry Camilleri li kont qrajt li hu Għawdxi, kien il-protagonist ta’ The Cars That Ate Paris (1974) tad-Direttur rinomat Peter Weir u reġa’ daħħlu f’The Truman Show (1998), din id-darba f’Hollywood. Fil-film klassiku u kult Awstraljan Picnic At Hanging Rock (1975) tal-istess direttur (il-film Awstraljan l-aktar favorit tiegħi flimkien ma’ Jedda (1955) dwar traġedja misterjuża li tmiss klassi ta’ tfajliet fuq din l-imsemmija għolja f’New South Wales, jaħdmu wkoll żewġ tfajliet Maltin, Angela u Bernardette Bencini. Bħalissa timpressjona bil-kbir, l-aktar bħala kantanta, insibu lil Marisa Abela attriċi Ingliża li missierha hu Malti. Hi impressjonat bil-kbir f’Back To Black (2024) fejn interpretat il-mibkija Amy Winehouse u anki fi Black Bag (2025).  

Naqraw li l-attriċi ta’ wiċċ verament gustuż, Yvonne Romain li fis-snin sittin u sebgħin ħadmet f’ruxxmata ta’ films l-aktar tal-biża’ u avventuri, hi ta’ dixxendenza Maltija. L-internet isemmi li Nigel Stock u Veronica Hurst huma atturi Maltin, iżda dawn twieldu Malta minn ġenituri Brittaniċi li kienu fis-servizz fil-gżira tagħna. L-attur Sandro Giglio li deher, fost ħafna films fil-klassiku War Of The Worlds (1953) hawn minn jgħid li hu Malti, però dwar dan għandi d-dubji.  

Meta mqabbla ma’ dawn kollha, il-karriera tal-attur Malti Joseph Calleia tassew tispikka u tiddomina bil-kbir fuq kulħadd. Joseph Calleia twieled nhar l-4 ta’ Awwissu 1897 fir-Rabat bl-isem ta’ Joseph Alexander Caesar Hershall Vincent Calleja, fis-Saqqajja fejn insibu l-bust tiegħu. Meta missieru nduna li kien inklinat għall-mużika, bagħtu Londra jistudja l-inġinerija u bil-vuċi tenoristika tiegħu beda jkanta ballati Skoċċiżi liebes ilbies tradizzjonali tal-“Highlands”. Missieru ma ħax pjaċir b’dan u beda juża kunjom ommu bl-isem ta’ Joseph Spurin. Fl-1914 beda jaħdem fis-Servizz tat-Trasport Brittaniku jdur madwar id-dinja għal sentejn u nofs. Meta fl-Ewwel Gwerra Dinjija l-vapur li kien fuqu ntlaqat minn torpedo, għadda tliet xhur l-isptar, irċieva medalja ta’ servizz tajjeb u ġie rilaxxat minn dan ix-xogħol. Fl-1917 ivvjaġġa lejn l-Istati Uniti u beda jkanta għar-Red Cross, għas-servizzi armati u ingaġġa mal-American Tank Corps.  

Kien hawn li Joseph biddel ftit kunjomu minn Calleja għal Calleia biex ma jaħsbuhx Spanjol. Meta għamel id-debutt tiegħu fl-1925 fil-kunċert ta’ Town Hall fi New York, leħnu ġie mfaħħar sewwa tant li “ġie użat b’abbiltà kbira” fl-opri Taljani inkluż La Boheme ta’ Puccini, kif sostna l-korrispondent ta’ The New York Times.  

Fis-snin ta’ wara fuq il-palk ta’ Broadway waslu suċċessjoni ta’ partijiet varjati u mfaħħrin f’The Front Page (1928), The Last Mile (1930) u Grand Hotel (1930), tant li l-famuż attur, direttur, produttur Orson Welles skanta bih u li baqa’ stampat fil-menti tiegħu. Is-suċċess tar-reċta Small Miracle (1934) li tatu l-fama, kien responsabbli biex hu mar Hollywood fejn iffirma kuntratt mal-Metro-Goldwyn-Mayer (M.G.M.) altarx jaħdem partijiet tal-viljakk, parti li tant qaxxarha fuq Broadway fi Small Miracle. L-ewwel film tiegħu f’din il-belt ta’ Los Angeles kien Public Hero No: 1 (1935), iżda qabel kien deher f’xi ftit produzzjonijiet maħduma fin-naħa l-oħra tal-Istati Uniti, imma qabel kien deher f’xi ftit produzzjonijiet maħduma fin-naħa l-oħra tal-Istati Uniti, minn kumpaniji żgħar imlaqqmin Poverty Row.  

Calleia eċċella bħala l-ħażin fil-films, però xtaq jinterpreta karattri li juru xi ftit simpatija għalkemm qatt ma kellu x-xewqa li jkun l-eroj. Ingħata serje ta’ films fejn interpreta karattri oskuri u misterjużi imma wkoll b’fil umoristiku bħal Algiers (1938), Five Came Back (1939), Golden Boy (1939), The Glass Key (1942) u Gilda (1946). Kien kiteb ukoll l-iscreenplay ta’ I Am Joaquin, dwar Joaquin Murrieta (karattru dubjuż Messikan li kien imfittex mil-liġi f’California wara li kien mixli, imma innoċenti, li seraq u qatel u li anki għen lill-fqar u li qatluh ta’ 25 sena li dwaru dehru diversi produzzjonijiet). Calleia ħaseb li seta’ jaħdem il-parti prinċipali, iżda billi hu akbar fl-età l-M.G.M. għażlu lil Warner Baxter li ironikament kien akbar minnu fl-età! It-titlu tal-film inbidel għal Robin Hood Of El Dorado. 

 

 

More in Arti