Wirja rari mill-MICAS twassal ikona Amerikan u seba’ artisti ewlenin f’Malta
Is-survey ta’ Milton Avery jinkludi kast stellari ta’ artisti kontemporanji mill-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ewropa, fosthom l-Akkademiku Rjali Gary Hume
Huwa l-imgħallem Amerikan li influwenza lill-artisti żgħażagħ ta’ wieħed mill-aktar movimenti artistiċi li ddefinixxa l-ħamsinijiet.
Imma Milton Avery (1885-1965) kellu jistenna sal-età ta’ 67 sena sakemm irċieva l-ewwel retrospettiva tiegħu fuq skala sħiħa permezz ta’ wirja fil-Baltimore Museum of Art, li tatu livell ta’ espożizzjoni li kien għadu qatt qabel ma esperjenza, minkejja li kien ilu attiv għal kważi 40 sena.
Dak iż-żmien, l-artisti fil-qasam tal-kulur, fosthom il-ħbieb żgħażagħ ta’ Avery, Mark Rothko, Adolph Gottlieb, u Barnett Newman, kienu laħqu saru forza ewlenija fl-Espressjoniżmu Astratt. Fid-deċennji preċedenti, dawn l-artisti kienu jżuru d-dar ta’ Avery regolarment, u Rothko u Gottlieb ta’ spiss ingħaqdu miegħu fil-vaganzi familjali f’Connecticut, biex jaħdmu flimkien fuq skeċis u pitturi.
“Permezz ta’ din ir-rabta mill-qrib ma’ wħud mill-protagonisti żgħażagħ tal-Espressjoniżmu Astratt, ix-xogħol bikri ta’ Avery ħa rwol influwenti fl-iżvilupp tal-istess moviment. Matul il-karriera tagħhom, dawn it-tliet artisti fil-qasam tal-kulur regolarment esprimew l-ammirazzjoni profonda, u d-dejn li għandhom għax-xogħol u l-prattika ta’ Avery,” tikkummenta Edith Devaney mill-MICAS, li din is-sena se tkun il-kuratriċi tal-wirja ewlenija tal-MICAS: wirja rari ta’ aktar minn 30 pittura ta’ Milton Avery, li se tintwera fl-Ewropa għat-tieni darba biss wara d-debutt Ewropew tagħha fir-Royal Academy fl-2022.
Hija kisba kbira għall-MICAS, anki minħabba l-fatt li xogħlijietu se jkunu ħdejn pitturi ta’ artisti li jqisu lil Avery bħala influwenza, xhieda ta’ kemm xogħlu jibqa’ jitqies b’rispett kbir minn uħud mill-artisti ewlenin kontemporanji ta’ żmienna.
Minkejja li istituzzjoni żagħżugħa, din se tkun waħda mill-aktar wirjiet f’Malta li se timraħ lil hinn minn xtutha: Devaney u Waqas Wajahat, gallarista u l-president tal-kumitat internazzjonali tal-MICAS, inkuraġġew, mhux biss il-parteċipazzjoni ta’ bint Avery, March, artista hija wkoll, imma wkoll ta’ Gary Hume, Akkademiku Rjali u YBA, Henni Alftan, Harold Ancart, Andrew Cranston, Jonas Wood u Nicolas Party.
“Il-wirja se toħroġ lil Avery xi ftit barra minn żmienu u se tippermettilna nħarsu lejh b’għajnejn friski,” tirrimarka Devaney, li qed tindaga fil-fond dwar epika mill-aqwa Amerikana mifruxa fuq aktar minn 70 sena ta’ influwenza, biex b’hekk tħares lejn xogħlijietu artistiċi minn perspettiva friska.
“Din il-wirja tintroduċi fergħa friska fil-programmar tal-MICAS, u se tagħti ħarsa lura okkażjonali lejn il-Moderniżmu waqt li teżamina kif prattika tal-imgħoddi tkompli, b’xi mod, tagħġen l-arti kontemporanja kurrenti,” tispjega Devaney dwar il-fatt li Avery se jkun spalla ma’ spalla ma’ artisti Amerikani u Ewropej fl-aqwa vena tagħhom.
“Din l-għażla bir-reqqa tax-xogħlijiet mill-artisti li qed jieħdu sehem fil-wirja se tikxef ir-relazzjoni verament personali tagħhom max-xogħol ta’ Avery, b’kollha kemm huma jmissu aspetti differenti mill-prattika tiegħu.
“Bl-esplorazzjoni tal-legat artistiku ta’ Milton Avery u kif aspetti minn dak il-legat jibqgħu traċċabbli fix-xogħol ta’ wħud mill-aktar artisti famużi tal-lum, irridu nikkontestwalizzaw mill-ġdid, mhux biss xogħlu, imma ta’ dawk l-artisti kollha kontemporanji li qed jieħdu sehem fil-wirja, u b’hekk, nirrikonoxxu l-kunċett li l-istorja tal-arti mhix dejjem lineari.”
MICAS: influwenza li qed tikber
Illum, ix-xogħlijiet ta’ Avery huma mdendla f’mijiet ta’ istituzzjonijiet Amerikani, u huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala ‘artist tal-artisti’ li l-ħakma tal-kulur tiegħu ggradwat mill-pajsaġġi tal-Impressjoniżmu bikri għal forom ċatti li wittew it-triq għall-Espressjoniżmu Astratt tal-50ijiet.
Waqas Wajahat, il-president tal-kumitat internazzjonali tal-MICAS, ilu jippromovi x-xogħol ta’ Avery, bi twemmin li l-karriera injorata tiegħu kienet kruċjali fl-iżvilupp tal-arti moderna waqt li rikbet fuq l-Impressjoniżmu Amerikan u l-Espressjoniżmu Astratt.
“Waqt li tgħallem miż-żewġ movimenti u daqstant ieħor wieġeb għat-tnejn li huma, huwa qatt ma segwa wieħed jew impenja ruħu għal wieħed biss,” jgħid Wajahat, kollezzjonist li ħadem mal-werrieta ta’ Avery biex iġib il-wirja fil-MICAS. “Għalih, huwa witta l-mogħdija tiegħu stess.”
Wajahat, li jservi f’kumitati fil-Lowe Art Museum, il-Barnes Foundation, u l-Philadelphia Museum of Art, jinsab eċitat. “Malta verament għandha l-potenzjal li ssir entità serja fix-xena globali tal-arti kontemporanja, u d-dinja qed tinnota dan,” jgħid waqt li jsaħħaħ l-argument tiegħu billi jirrimarka li l-artist Afrikan-Amerikan minn Compton, Reggie Burrows-Hodges, mexxa l-istudio tiegħu lejn Malta wara li żar il-gżira, u li Sir Anthony Gormley qatta’ sitt ijiem jesplora l-MICAS.
“L-impatt huwa tanġibbli, għax l-artisti ġejjin. Dawn mhumiex biss avvenimenti iżolati, dawn huma sinjali ta’ momentum li qed jissaħħaħ, ta’ Malta tnaqqax isimha fuq il-mappa internazzjonali tal-arti.”
Avery: l-artist tal-artisti
Minħabba l-kwalitajiet trankwilli u ta’ distillazzjoni tal-pajsaġġi tiegħu, ix-xogħlijiet ta’ Avery setgħu baqgħu fil-dell tal-pitturi astratti eżuberanti li waslu warajh.
Imwieled fil-Punent tal-istat ta’ New York f’familja mill-klassi tal-ħaddiema, Avery kien ħaddiem ġo fabbrika li kompla jsostni l-familja tiegħu sa ma daħal fit-tletinijiet tiegħu, fi żmien meta fl-istess ħin beda jattendi lezzjonijiet ta’ billejl fil-Connecticut League of Art Students. Huwa ltaqa’ mal-mara li kellha ssir martu waqt li t-tnejn li huma kienu qed joħolqu skeċis fuq il-blat ta’ Gloucester, Massachusetts. Huwa u Sally Michel iżżewġu fl-1926, u huma penġew spalla ma’ spalla fis-salott tal-appartament b’kamra tas-sodda waħda tagħhom f’Manhattan.
Il-produzzjoni ta’ Avery kienet tal-għaġeb. Sally sostniet lilhom it-tnejn permezz tat-tpenġija kummerċjali tagħha. Avery kien ispirat minn xogħol martu li wasslu jħaddem forma simplifikata, kien juża bil-qies iż-żebgħa dilwita bit-turpentina biex matul is-snin tad-Dipressjoni tal-20ijiet u t-30ijiet joħloq stil delikat riżervat.
Fl-1928, ix-xogħol ta’ Avery intgħażel bħala parti minn wirja kollettiva fl-Opportunity Gallery li kienet għadha tibda, flimkien max-xogħol ta’ Rothko żagħżugħ, li naqqxet il-bidu tal-ħbiberija tagħhom.
Matul id-deċennji ta’ wara, fis-sjuf imqattgħa fi Provincetown flimkien ma’ Rothko u Adolph Gottlieb, Avery żviluppa forom aktar simplifikati, bi lwien li jistgħu jwasslu “l-purità u l-essenza tal-idea … espressa bl-aktar forma sempliċi tagħha.”
Mal-50ijiet, ix-xogħol ta’ Avery żviluppa minn xogħol bil-pinzell għal sfumaturi skuri, li wassluh sal-limitu tal-astrazzjoni, jaqbad is-suġġett tiegħu f’forom f’ordni, fi kliemu stess jelimina u jissimplifika, “ma jħalli xejn ħlief kulur u disinn.”
Rothko spiss asserixxa li Avery kien l-aqwa pittur tal-Amerka — “xogħlu hu poeżija ta’ mħabba bla qies”. Xhieda tal-legat dejjiemi ta’ Avery hija l-bejgħ tax-xena interjuri tal-1945, The Letter, li fl-2022 inbiegħet mill-fergħa ta’ New York ta’ Sotheby għal $6 miljuni.
