Faqgħa
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb tħares lejn ktieb li s’issa qatt ma rreċensajna dwaru - iż-zine. Xuereb jintrigaha ż-zine Smashed to Shit, li jlaqqagħha ma’ xenamużikali li ġġorr magħha lingwa, attitudni, persunaġġi u kultura.
Inħoss li għandi nibda billi ngħid li hemm spirtu punk qawwi f’dan iż-zine. Tant li waqt li qed nikteb din ir-riċensjoni, qed inħoss li l-kliem puliti u meqjusa li normalment nuża fir-reċensjonijiet ma jagħmlux ġieħ lis-seba’ paġni A4 mitwija li jiffurmaw iż-zine Smashed to Shit.
Allura, biex nirranġa ftit dan in-nuqqas min-naħa tiegħi, qed nikteb waqt li nisma’ lill-Abstrass fl-isfond.
Bħala persuna li l-ammont ta’ drabi li mort il-Garaxx forsi tgħoddhom fuq iż-żewġ idejn u sieq waħda, ħafna mill-bands u l-persuni li jissemmew fiż-zine kienu kompletament ġodda għalija. Allura ħadt bażż infittex dwarhomonline, niskava li nista’, u nistaqsi lil sħabi li huma aktar fix-xena minnigħall-kuntest jew stejjer.
F’ċertu sens kienet ħlewwet il-qalb li ftit li xejn sibt traċċi online ta’ xi bands imsemmija. Ngħidu aħna l-Iskandal. Jew l-elogju sħiħ li jsir lejn il-kanzunetta Bebbuxu Malinju ta’ The Vegetables. Meta ppruvajt infittex fuqYouTube għall-kanzunetti li jinkludu l-kelma bebbuxu, (li probabbilmentmhijiex l-aħjar pjattaforma għal tiftix hekk), l-unika ħaġa li sibt kienet in-nursery rhyme “Il-bebbuxu jħobb jixxarrab” ta’ Tony Pace. Ma naħsibx li kienet id-diska li kont qed infittex.
U b’xi mod, dan in-nuqqas ta’ katalgu faċli biex issib xi ħaġa relatata mal-punk online ħassejtha xierqa. Il-punk qatt ma kien maħsub biex isir arkivjuta’ katalgi nodfa.
Fiż-zine nsibu frammenti żgħar tax-xena: intervista man-NICO, li jgħidulun-NICO “għax hekk”; ħarsa lejn “diska ta’ band li għamlet tour twila twila l-Messiku u tgħallmet ħaġa waħda biss kif tixrob it-tequila”; intervista mal-Five Years From Now dwar l-EP il-ġdid tagħhom bl-“ebda imbarazz inkluż”; u aneddotu dwar id-Dr Ċiż, li milli jidher jew għeb, jew inkellasempliċement “sab ruħu lura The Garage”. Lista kemxejn elusiva ta’ karattrili ħallewni nimmaġina univers sħiħ dwar min setgħu kienu.
In-nuqqas ta’ rfinar żejjed, jew aħjar, ir-rifjut apposta li jsir raffinar, friskani. Dan l-aħħar qed insib ruħi kontinwament nistaqsi jekk dak li qed naqra huxiġġenerat mill-AI, mill-esejs tal-iskola saħansitra sal-aħbarijiet, il-veritajietta’ din il-pubblikazzjoni hija friska.
Anke l-fatt li m’hemmx klixejiet Maltin li forsi dħaqt l-ewwel ħames darbietli smajthom, bħal eżempju, kemm kilt downats, li bqajna nisimgħu bihaf’ħafna xogħol satiriku li jsir, sebbħet l-ispirtu taż-zine. Minflok, iż-zine huwa miktub b’ċerta ironija speċifika li tiżviluppa biss bejn il-ħbieb.
Il-ħbieb, wara kollox, jiżviluppaw ċertu idjolett ta’ bejniethom, b’allużjonijiet li ma jkunux immedjatament ċari għal min hu barra. Kultanttkun kelma, xi kultant ton, jew referenza għal episodju li ġara snin ilu. Meta taqra dan iż-zine, kultant tħossok qisek qed taqbad biċċiet minnkonverżazzjoni bħal din.
Is-sottokulturi ħafna drabi jaħdmu eżatt hekk. Il-lingwa tagħhom mhuxbilfors tkun maħsuba biex tinftiehem universalment. Anzi, spiss tkun forma ta’ rikonoxximent, sinjal sottili li jgħid, inti, jiena, konna hemm.
F’dan is-sens, iż-zine jaqbad tajjeb dan il-mod kif taħdem xena. Għal min diġà jaf il-persuni, il-bands u l-postijiet imsemmija, l-esperjenzaprobabbilment tkun bħal li tidħol f’kamra mimlija ħbieb. Għal oħrajn, bħali, stednuna eżatt sal-bieb ta’ barra: nisimgħu frammenti ta’ konverżazzjoni, naqbdu xi referenzi, u bil-mod il-mod nibdew nifhmu l-loġika interna tagħha.
U forsi hawnhekk tidħol ukoll ċerta limitazzjoni żgħira tal-pubblikazzjoni. Kultant il-qarrej jibqa’ jixtieq ftit aktar kuntest, mhux neċessarjamentspjegazzjoni sħiħa, imma forsi ħjiel żgħir li jgħin biex wieħed jidħol aktarfid-dinja li qed tiġi deskritta. Hemm ukoll sens sottili ta’ distakkġenerazzjonali: xi referenzi huma kważi artefatti minn kapitlu partikolari tax-xena lokali li mhux kulħadd kellu ċ-ċans jesperjenza direttament.
Imma fl-istess ħin, din il-kritika tħossni kemxejn inġusta meta nqisha sew. Wara kollox, qed nitkellmu dwar l-ewwel edizzjoni. L-ewwel iterazzjoni ta’ xi ħaġa li għadha qed tifforma ruħha. Anke l-idea li wieħed “jirriċensa” zine bħal hija ironikament kemxejn stramba, kważi kontra l-ispirtu DIY tiegħu.
U l-verità hi li meta l-kontenut ikun tajjeb, il-preżentazzjoni ssir kważisekondarja. Il-font hawnhekk hija inkreddibilment normali, il-layout sempliċi. ’Qas m’jien se noqgħod insemmihom (minkejja li issasemmejthom) l-iżbalji żgħar tal-grammatika jew tal-ortografija. Fil-maġġoranza tiegħu, iż-zine huwa miktub tajjeb biżżejjed, u aktar minn hekk, miktub b’ċertu entużjażmu li diffiċli timmanifatturah. Forsi tkun ħaġa tajba’k ikollna nfittxu daqsxejn kif niktbu l-ħaqq … bil-Malti. Tibqa’ dagħwajekk ngħaqqdu l-ewwel kelma mat-tieni?
Forsi l-iktar indikazzjoni ċara li dan iż-zine qed isir għall-passjoni u mhuxgħall-flus tinsab fil-prezz. Tliet ewro, jew kif tgħidilna l-paġna ta’ Instagram tagħhom, żewġ bottijiet Ċisk jew nofs pakkett Marlboro. Dik biss diġà tgħidħafna dwar l-ispirtu tal-proġett.
F’punt minnhom, iż-zine jagħmel appell għal aktar stejjer u aktar nies li jistgħu jiddisinjaw, li jawgura tajjeb għall-iżvilupp taż-zine.
Wara kollox, ix-xeni punk ma jgħixux bin-nostalġija biss. Jgħixu għax hemmnies li jibqgħu jagħmlu affarijiet, żgħar, imperfetti, u kultant glorjużamentsmashed to shit.
