
Minn Sqallija bl-Imħabba … u bil-Malti
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jaqra t-traduzzjoni “Il-Kelb tat-Terrakotta” u jitkellem dwar il-libsa l-ġdida Maltija li ngħatat lil dar-rumanz Taljan.

Meta naqraw, ġeneralment, infittxu storja ġdida. Imma mhux dejjem. Il-gost mill-qari ġieli nsibuh fi storja familjari, xi ħaġa li qrajna kemm-il darba jew forsi xi darba ilu. Imbagħad hemm mod ieħor, wieħed li jgħaqqadhom it-tnejn: meta taqra ktieb li taf u tħobb imma f’forma ġdida, u partikolarment, b’lingwa ġdida.
Il-Kelb tat-Terrakotta (Merlin Publishers, 2024) għalija kien jaqa’ f’din il-kategorija. Rebbieħ tal-kategorija tal-Proża Fittizja Tradotta tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-ktieb, it-tieni wieħed fis-sensiela tal-Ispettur Montalbano ta’ Andrea Camilleri — li, minkejja x’jaf jaħseb wieħed minn kunjomu, kien Sqalli, u kien jikteb b’taħlita tat-Taljan u tad-djalett Sqalli — kont qrajtu bl-Ingliż madwar għaxar snin ilu. Is-saħħa, bis-saħħa tal-pinna kapaċissima ta’ Antoinette Borg, li introduċiet lil Montalbano għall-Malti f’Il-Forma tal-Ilma ftit snin ilu, dan ir-rumanz polizjesk ingħata nifs ġdid bil-Malti.
Li nerġa’ naqra dan il-ktieb f’forma mibdula għalija kienet bħal meta żżur xi qarib li jgħix f’xi rokna mbiegħda tad-dinja, li tkun ilek ma tarah: familjari imma fl-istess ħin, b’xi mod jew ieħor differenti. Għax jekk il-lingwi mhumiex newtrali, mela t-traduzzjoni lejn il-Malti, bil-qrubija kollha tal-lingwa Maltija ma’ dik ta’ Sqallija, ir-rabtiet kulturali u l-prossimità ġeografika bejnietna, bilfors li se toffrilna xi ħaġa differenti, nazzarda ngħid iżjed, minn traduzzjoni lejn il-biċċa l-kbira tal-lingwi l-oħra. U hekk hu: f’din it-traduzzjoni partikolari, inħossu ċerta familjarità, wirt komuni Mediterranju li jgħaqqad lit-traduttriċi u l-udjenza tagħha mal-awtur oriġinali u l-udjenza tiegħu.
Forsi l-iktar li jispikka dan l-element huwa proprju fil-livell lingwistiku, hekk kif Borg kemm-il darba tagħżel li tħalli, fid-djalogu u l-ismijiet, frażijiet mill-oriġinali, ġieli segwiti minn traduzzjoni imma ħafna drabi le. Borg tifhem u tirrispetta lill-udjenza tagħha, li fil-biċċa l-kbira għandha mqar ċerta familjarità mat-Taljan u tasal tifhem dawn il-kelmiet ’l hemm u ’l hawn, u tagħraf ukoll li, anki jekk dak li jkun ma jafx it-Taljan, meta jlissen il-kliem, x’aktarx ħafna li, fil-maġġoranza tal-każijiet, jifhem x’qed jingħad xorta waħda minħabba x-xebh bejn dak il-kliem u l-Malti. Dan fih innifsu juri l-ħila immensa ta’ Borg bħala traduttriċi, fejn il-kliem li żammet fl-oriġinali jidher li għażlitu b’attenzjoni kbira biex ma tiżgwidax lill-qarrejja tagħha.
Dan l-element iservi wkoll biex jirrifletti kwalità essenzjali tal-oriġinal, billi Camilleri stess jesperimenta lingwistikament f’din is-sensiela u jgħaqqad żewġ lingwi. Kulħadd ġieli sema’ bil-famuża “lost in translation” iżda, anki meta ma jkunx hemm mod dirett kif jinqaleb xi mekkaniżmu letterarju partikolari, traduttur tajjeb isib mod ekwivalenti xi mkien ieħor biex japprossima l-effett; fit-traduzzjoni m’hemmx biss telf, iżda wkoll rebħ fi bnadi oħra. L-għażla ta’ Borg li tirrifletti dan l-istil billi żżomm aspetti mil-lingwa oriġinali, minflok, pereżempju, ma użat xi djalett Malti, deherli li huwa adattat ħafna u jibbilanċja b’mod adegwat it-tensjoni kostanti fit-traduzzjoni bejn id-domestikazzjoni, jiġifieri li l-istorja tinqaleb għall-udjenza l-ġdida tagħha u tinħass qisha nkitbet mill-bidu b’dik il-lingwa, u l-barranizzazzjoni, fejn jitħallew elementi barranin mill-kultura oriġinali biex il-qarrejja l-ġodda jingħataw togħma ta’ dak li hu differenti u jiġi rrispettat ix-xogħol oriġinali bi tfakkira li din hija traduzzjoni. B’dan il-mod, jinħoloq bħal univers doppju fil-proċess tal-qari: minn naħa, dak tagħna l-qarrejja fis-seklu wieħed u għoxrin, u min-naħa l-oħra, dak ta’ Sqallija fid-disgħinijiet, daqsxejn familjari, daqsxejn imbiegħed, mingħajr it-teknoloġiji li għandhom disponibbli l-investigaturi llum.
Il-Kelb tat-Terrakotta jittratta misteru. Kap tal-mafja jsejjaħ lill-Ispettur Montalbano u jitolbu jippjana l-arrest tiegħu, kollox miftiehem u taparsi. Ħaġa ġġib oħra u Montalbano jsib ruħu f’qalb misteru wara li jsib żewġ skeletri moħbija f’għar, midfuna b’mod kważi ritwalistiku b’kelb tat-terrakotta jħarishom. Hawn ukoll nerġgħu b’idea ta’ univers doppju: minn naħa, ir-reati tal-preżent, il-kuntrabandu u l-mafja, u min-naħa l-oħra, din l-istorja li reġgħet feġġet wara bosta għexieren ta’ snin, waħda personali-familjari li forsi setgħet involviet reat qadim. U dawn iridu jissolvew b’modi differenti, għax waqt illi għal tal-ewwel hemm il-mezzi kollha li kellhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, għal tat-tieni hemm biss il-memorja u s-sensittività biex wieħed jislet, minn imħuħ l-anzjani, x’seta’ ġara żmien ilu. Sensittività riflessa, fil-fatt, fil-kelb tat-terrakotta, il-kelb gwardjan li nsibu f’tant djar, li jixhed, forsi, sens ta’ mħabba u protezzjoni minn xi ħadd lejn dawn il-mejtin minkejja li x-xena potenzjalment hi waħda ta’ delitt.
B’dan it-tieni suċċess mis-sensiela tal-Ispettur Montalbano, bdiet tinħoloq rabta importanti bejn żewġ gżejjer marbutin mill-qrib. Nittama li, bil-mod il-mod, se nkomplu naraw il-bqija tas-sensiela tinqaleb għall-Malti. Il-proġett mhux biss hu wieħed ta’ kwalità letterarja li tpaxxi lill-qarrejja, iżda iżjed importanti minn hekk, jagħtina mezz kif nifhmu ġgant kulturali ta’ dan il-ġens l-eqreb tagħna fuq it-termini tagħna u tagħhom, mhux ta’ ħaddieħor. Għax fil-fatt ħaġa minn ħafna li tgħaqqad lil Malta u Sqallija hi r-relazzjoni kkumplikata li għandna ma’ lingwi kbar esterni bħala l-pont li jgħaqqadna ma’ kulturi oħra: l-Ingliż u t-Taljan rispettivament, għad-detriment tal-Malti u l-Isqalli. Imma mhux hawn. Hawnhekk, issa, id-djalogu qed jirranka sew. Taħt id Borg, dan ir-rumanz sab vuċi Maltija li bis-saħħa tagħha, żewġ gżejjer Mediterranji jersqu eqreb lejn xulxin. U b’hekk, fl-istess waqt li nerġgħu naqraw storja familjari, noħolqu storja ġdida.