Appoġġ lill-awturi Maltin permezz tal-Iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, nagħtu ħarsa lejn waħda mill-inizjattivi li jgħinu lill-professjonisti tal-industrija tal-kotba bi ħlas għal kull tislifa tal-kotba tagħhom mil-libreriji pubbliċi
Imnedija għall-ewwel darba fl-2014, l-iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku mħaddma mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) tiżgura li l-awturi jirċievu kumpens kull darba li ktieb tagħhom jissellef mil-libreriji pubbliċi f’Malta u Għawdex.
Bilanċ bejn l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà ekonomika
Il-libreriji għandhom rwol importanti fis-soċjetà billi jipprovdu aċċess b’xejn għall-kotba u l-għarfien. Permezz tas-self, il-libreriji jippromovu l-litteriżmu, l-ugwaljanza u t-tagħlim tul il-ħajja.
Fl-istess ħin, il-kotba huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, u huma r-riżultat tax-xogħol kreattiv u intellettwali tal-awturi, l-edituri u l-pubblikaturi. Il-kitba u l-pubblikazzjoni ta’ ktieb jeħtieġu l-ħin, il-ħila u l-investiment finanzjarju. Għalhekk, id-drittijiet tal-awturi jiżguraw li l-awturi oriġinali jiġu rikonoxxuti u ppremjati b’mod ġust għax-xogħol tagħhom. Mingħajr kumpens xieraq, l-awturi u l-pubblikaturi jistgħu jsibuha diffiċli biex ikomplu jipproduċu kotba ta’ kwalità għolja.
Għalhekk huwa importanti li jiġi bbilanċjat l-aċċess b’xejn għall-kotba permezz ta’ kumpens ġust għal dawk li joħolquhom. F’Malta, il-KNK ra l-ħtieġa li l-partijiet interessati kollha fl-industrija tal-kotba jiġu kkumpensati għas-self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi mifruxa f’Malta u Għawdex. Permezz ta’ kumpens ġust għas-self ta’ kotba, kemm l-iżvilupp kulturali tal-pubbliku kif ukoll ix-xogħol kreattiv tal-awturi jistgħu jkunu possibbli. Għalhekk, il-KNK fittex li jindirizza dan permezz ta’ sistemi bħall-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (PLR), li jikkumpensaw lill-awturi meta l-kotba tagħhom jiġu mislufa mil-libreriji.
Nipprovdu għajnuniet strutturali
Wara sensiela ta’ laqgħat mal-awtoritajiet governattivi kkonċernati, il-KNK introduċa l-iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (PLR) fl-2014 b’rabta mas-self ta’ kotba minn libreriji pubbliċi f’Malta u Għawdex. L-iskema, mibnija fuq il-prinċipju li kull xogħol ħaqqu ħlasu, kienet imfassla biex tikkumpensa lill-awturi, lit-tradutturi, lill-edituri, lill-illustraturi u lill-fotografi meta x-xogħlijiet tagħhom jissellfu mill-pubbliku. Fl-2021, l-iskema ġiet estiża għal-Librerija tal-Università ta’ Malta, u l-awturi bdew ikunu kkumpensati minn din l-istituzzjoni wkoll. L-iskema tal-PLR kienet maħsuba speċifikament biex tgħin u tippromovi lill-awturi u lit-tradutturi ħajjin biex jiktbu xogħlijiet ġodda. Bħalissa f’Malta, il-qraba tal-benefiċjarji tal-iskema tal-PLR ma jirċevux remunerazzjonijiet wara l-mewt tal-applikanti.
Kif taħdem l-iskema
L-eliġibbiltà għar-remunerazzjoni tal-PLR tapplika biss għall-pubblikazzjonijiet mislufa li jinkludu l-kotba stampati kollha – bħal xogħlijiet letterarji, titli mhux fittizji, kotba tat-tfal, kotba tal-iskola, u komiks jew rumanzi grafiċi – li għandhom ISBN maħruġ mill-KNK. Barra minn hekk, id-depożitu legali tal-pubblikazzjonijiet rilevanti jrid ikun ġie affettwat fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Biblijografija tal-Libreriji ta’ Malta, f’konformità mal-Att Nru. 2 tal-1925 u l-Att dwar il-Libreriji ta’ Malta (2011). L-iskema hija ffinanzjata mill-Gvern ta’ Malta li jalloka €80,000 kull sena, u l-ħlasijiet jinħarġu kull tliet xhur lill-abbonati kollha.
Fis-servizz ta’ mijiet ta’ awturi … u dejjem miftuħin għal iżjed
Fir-rigward tal-kriterji li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-fondi taħt l-iskema tal-PLR, għandu jiġi nnutat li f’Malta r-remunerazzjoni bħalissa hija kkalkulata fuq bażi ta’ rata fissa, proporzjonata man-numru ta’ self irreġistrat fuq bażi trimestrali. Biex jiġi evitat kumpens sproporzjonat lill-awturi ta’ suċċess kbir fis-settur tal-letteratura tat-tfal, hemm limitu annwali ta’ €5,000 għall-awturi ta’ kotba tat-tfal. L-iskema tinkludi kważi 325 awtur, traduttur, editur, illustratur, u fotografu li jibbenefikaw minn erba’ distribuzzjonijiet fis-sena. Il-KNK iħeġġeġ lill-awturi li għadhom ma rreġistrawx fl-iskema biex japplikaw online billi jimlew il-formola tal-applikazzjoni li jistgħu jsibu fuq is-sit tal-KNK.
Wieħed mill-ħafna pilastri ta’ appoġġ
Il-PLR toffri appoġġ strutturali importanti, u dirett, lill-awturi. Hija waħda mill-ħafna inizjattivi fi ħdan il-KNK, li l-missjoni tagħha hija li ttejjeb l-ekosistema letterarja lokali, kemm permezz ta’ għajnuna diretta, kif ukoll permezz ta’ avvenimenti mmirati lejn il-pubbliku bil-ħsieb li jpoġġu l-ktieb Malti fuq quddiem nett fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
L-avveniment ewlieni tal-KNK huwa l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – li din is-sena se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru l-MFCC wara l-attendenza rekord ta’ madwar 40,000 viżitatur fl-2025. Fl-2026, il-KNK se jkompli x-xogħol tiegħu bil-għajnuna tal-Viżjoni Strateġika fuq Ħames Snin 2025-2030 imfassla bil-għan li tipprovdi pjan direzzjonali strutturat fuq ħames snin.
Wieħed mill-avvenimenti importanti maħsuba f’din l-istrateġija li se jittella’ dis-sena huwa l-ewwel edizzjoni tal-Konferenza Annwali tal-Ktieb – li se ssir fit-8 ta’ Mejju fid-DoubleTree by Hilton fil-Qawra – bit-tema ‘L-Ekonomija u l-Ktieb’ fejn se jittellgħu sensiela ta’ taħditiet u diskussjonijiet minn panels ta’ esperti professjonisti, lokali u barranin, fl-oqsma tal-ktieb u l-ekonomija, maħsuba biex iqanqlu diskussjonijiet dwar kif nistgħu ntejbu u nsaħħu s-settur letterarju lokali.
Biex iżżomm ruħek aġġornat dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-ħidma tiegħu, żur https://ktieb.org.mt/ u segwi lin-National Book Council (Malta) fuq Facebook, u @nationalbookcouncil_malta/ fuq Instagram.
