Christopher Cutajar | Minn gżira għal oħra: Il-Maltin f’Korfù, mitejn sena ilu

Il-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa tilqa’ l-ewwel reċensjoni tar-reċensur il-ġdid Christopher Cutajar. Cutajar għażel li jitkellem dwar il-ktieb The Maltese in Corfu (1815-1831) ta’ Arnold Cassola, u bejn storja u oħra ta’ dawn il-Maltin f’art oħra li għamluha tagħhom, ifakkarna li l-bniedem b’fejn isib irid jaddatta u jagħmel li jista’. 

Il-ġrajjiet tal-Maltin li sabu ruħhom fi bnadi differenti tal-Mediterran fis-seklu dsatax, juru kif il-bniedem lest jitlaq art twelidu biex ifittex opportunitajiet ġodda, bejn biex isib il-ġid u anke biex jilħaq il-milja tiegħu.  

Hemm min jasal biex ikollu storja ferm iżjed avventuruża minn dik ta’ ħaddieħor. L-istorja ta’ Giuseppe Schembri hija waħda minnhom. Fis-sena 1815 insibuh jagħmilha ta’ parrinu fil-gżira Griega ta’ Korfù, fl-okkażjoni tal-magħmudija ta’ tifla mwielda lil omm Naplitana u missier Sqalli. Dan l-istess Giuseppe għandu mnejn li kien kirurgu għas-servizz tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, biex imbagħad ingħaqad mas-Servizzi Ingliżi fl-1801 u pparteċipa fi spedizzjoni lejn l-Eġittu ma’ kontinġent Ingliż. L-istorja riedet li l-Franċiżi ħatfuh bħala priġunier u tefgħuh fil-gżira ta’ Capri ’l barra minn Napli, fl-1810. Ħajja mżewqa tassew tafux! 

Korfù hija gżira li tinsab fil-baħar Jonju u fiha kważi d-doppju tad-daqs ta’ Malta. Tħares fuq il-Greċja u l-Albanija, u fuq in-naħa l-oħra, iżda ferm iżjed imbiegħda minnha, tħares lejn it-takkuna tal-Italja jew aħjar ir-reġjun tal-Apulia. Il-Professur Arnold Cassola stħarreġ l-Arkivji tal-Istat u dawk tad-Djoċesi Kattolika f’Korfù biex jifhem aħjar ġrajjet il-Maltin fuq din il-gżira bejn l-1815 u l-1831. 

Għaliex Korfù? 

Fl-1813, Sir Thomas Maitland inħatar Gvernatur ta’ Malta, filwaqt li sentejn wara, hekk kif il-gżejjer Jonji ġew taħt il-Protettorat Ingliż, Maitland kien maħtur ukoll bħala l-mibgħut tal-Kuruna Ingliża f’dawn il-gżejjer. Minn hemm ħarġet ir-rabta bejn Malta u l-gżira ta’ Korfù, hekk kif il-Maltin bdew jaslu bil-baħar f’Korfù u jintegraw tajjeb fuq din il-gżira. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Maltin li provaw ifittxu xortihom f’Kefalonia, gżira oħra akbar minn Korfù li tinsab ’l isfel minnha. Lill-Maltin ta’ Kefalonia ċaqilquhom lejn Korfù fl-1831, għax xejn ma kienu milqugħin.   

Niesna kellhom ukoll l-isfidi tagħhom f’Korfù. Dan nistgħu ngħiduh għal Giuseppe Bonnici li fl-1825 talab biex kemm hu u anke ibnu jitħallsilhom il-vjaġġ lura lejn Malta minn fond apposta għall-fqar, hekk kif spiċċa mingħajr tama għall-ġejjieni. L-istess nistgħu ngħidu għal Paolo Diacono li fis-sena ta’ wara talab li jmur lura lejn Malta wara li bilkemm għamel ħames xhur f’Korfù. 

 

X’marru jagħmlu? 

Iċ-ċensiment tal-1828 jurina kif il-ħiliet tal-Maltin kienu jvarjaw bejn baħħara, ħajjata, bennejja, ħaddiema fil-lavur tal-ġebel, mastrudaxxi, skarpana u sefturi. Dan il-ktieb iwasslek biex tqalleb ukoll qalb il-kunjomijiet ta’ dawk li kienu passiġġieri abbord il-vjaġġi lejn Korfù. Jgħidilna b’dawk li żżewġu, tgħammdu jew qagħdu parrini ġaladarba kienu hemm. Jidher li l-Maltin tant integraw, li kienu diġà qed jiżżewġu persuni minn ġnus oħra f’dan il-perjodu bikri tal-wasla tagħhom biswit il-Greċja. 

Niesna ma kellhomx xkiel burokratiku żejjed biex isibu ruħhom f’Korfù, meta mqabbla ma’ suġġetti oħra Ingliżi tal-istess perjodu. Dan hekk kif lanqas kien hemm il-ħtieġa li jinħarġilhom passaport, iżda minflok kien jinħariġlek ċertifikat li tgawdi minn saħħa tajba mingħajr is-suspett ta’ pesta jew distempra li tittieħed. Meta tqalleb qalb l-ismijiet ta’ dawk li għamlu l-vjaġġ f’dan il-perjodu tinduna kif l-ismijiet tal-Maltin kienu tista’ tgħid kollha mnebbħa mit-Taljan, hekk kif l-influwenza Ingliża kienet għadha fil-bidu tagħha.  

L-akbar opra li l-Maltin huma msemmija għaliha f’Korfù hija l-Palazz ta’ San Mikiel u San Ġorġ, li nbena bil-ħila tal-Maltin bejn l-1819 u l-1824. Il-ġebla tal-franka ġiet esportata minn Malta lejn Korfù apposta għalhekk. Ix-xogħol tal-iskultura marbut miegħu sar mill-Maltin Vincenzo u Ferdinando Dimech, mal-Korfjot Pavlos Prosalentis. Dan il-Palazz serva bħala s-sede tal-mibgħut tal-Kuruna Ingliża, kif ukoll tas-Senat u l-Parlament għall-gżejjer awtonomi tal-Jonju. B’hekk il-ħtiġijiet amministrattivi setgħu jinqdew permezz tal-Palazz, li llum il-ġurnata jservi bħala l-Mużew tal-Arti Ażjatika.  

Ħakmiet 

Korfù kien maħkum mill-Venezjani bejn l-1386 u l-1797. B’hekk in-nies ta’ Korfù matul iż-żmien issellfu bosta kliem mill-ilsien ta’ Venezja li ntiseġ ħaġa waħda mal-Grieg biex inħoloq id-djalett Korfjot fil-lingwa Griega. Bħalma l-Franċiżi għamlu perjodu ta’ sentejn jaħkmu lil Malta fl-aħħar tas-seklu tmintax, hekk ukoll seħħ f’Korfù bejn l-1797 u l-1799.   

Il-Monarkija Ingliża ħadet f’idejha d-drittijiet sovrani fuq il-gżejjer tagħna permezz tal-Artiklu 7 tat-Trattat ta’ Pariġi, li sar fl-1815. Dan minkejja li bit-Trattat ta’ Amiens tal-1802 il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu reġgħu ġew mistiedna jmexxu lil Malta mill-ġdid wara li jinħatar Gran Mastru. L-istorja ta’ Korfù fil-perjodu 1815-1864 kienet tista’ tgħid waħda simili għal tagħna taħt l-Ingliżi, sakemm fl-1864 Korfù ngħaqdet mal-Greċja u l-Ingliżi baqgħu jagħmlu użu mill-Port ta’ Korfù. 

Ġrajjiet niesna 

The Maltese in Corfu (1815-1831) mhux għal kulħadd. Inqisu bħal saff ieħor imnaddaf minn arkeologu waqt li jkun qed jissokta jifhem ġrajjiet niesna. Saff li jikxef kif id-destin tal-bniedem huwa wkoll frott iċ-ċirkustanzi tal-istorja.  

Jixħet dawl fuq meta hija meqjusa l-ewwel sena li fiha tfaċċaw il-Maltin ġewwa Korfù u juri wkoll xi pjan kellhom in-Nazisti għall-Maltin ta’ Korfù, meta ħadu f’idejhom lill-gżira Griega hekk kif ma baqgħetx f’idejn it-Taljani fl-1943. Iżda ma ħassejtx illi għandi nirrakkonta l-ispunti kollha li tagħtina din ir-riċerka, għaliex x’jiswa li l-arkeologu tnewwillu l-pinzell f’idu jekk qajla tħallilu xi ħaġa ġdida x’jiskopri!  

More in Arti