Intervista: “Jekk tipproduċi kitba tajba, toħloq udjenza għaliha
Fl-ewwel paġna letterarja tagħha għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Michaela Pia Camilleri tintervista lil Loranne u Joe li huma l-kofundaturi ta’ Aphroconfuso – ġurnal letterarju li eventwalment żviluppa f’pubblikatur b’ideat partikulari dwar il-kittieba u l-kitba bil-Malti.
Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju bil-Malti li tnieda fl-1 ta’ Mejju 2023. Minn dakinhar, wessgħu l-kappa tagħhom għal pubblikaturi, b’erba’ kotba stampati taħt isimhom, u b’sitta oħra ħerġin dis-sena.
Dal-ġurnal letterarju/pubblikatur ħoloq niċċa għalih, u jippubblika mhux biss stejjer u poeżiji, iżda wkoll esejs, djarji, traduzzjonijiet u xogħlijiet letterarji li mhux faċli tikklassifikahom. Din il-komunità tagħti importanza kbira lid-dokumentazzjoni, b’interess partikolari f’xogħlijiet li jidħlu fl-identità soċjopolitika Maltija, esperjenzi femministi u realtajiet marġinali u queer.
Tkellimt mal-fundaturi u tnejn mill-edituri ta’ dan il-ġurnal, il-kittieba Loranne Vella u Joe Gatt, fuq il-proċess editorjali tagħhom, l-għażla li jinkorporaw ruħhom bħala organizzazzjoni volontarja, u l-aspirazzjonijiet tagħhom għax-xena letterarja Maltija fuq xtutna u lilhinn minnhom.
Għalfejn ħassejtu l-bżonn li toħolqu Aphroconfuso? X’inhu l-iskop li qed tippruvaw tilħqu bih?
Joe: Wasalna f’punt fix-xena letterarja Maltija fejn il-kitba kienet qed tintgħażel skont x’jinbiegħ. Affarijiet esperimentali, u affarijiet li xtaqna naqraw aħna, ma kinux qed jiġu ppubblikati. Anke xi xogħol tagħna stess ma konniex nafu fejn ser nippubblikawh, mingħajr kompromessi.
Loranne: Id-diskors t’hemm barra li “l-Maltin ma jaqrawx” idejjaqna, għax nafu li mhux vera. Aħna dejjem emminna li jekk tipproduċi xi ħaġa tajba, ħa toħloq udjenza għaliha.
Aphroconfuso huwa ġurnal u dar tal-pubblikazzjoni mmexxija mill-kittieba. Ridna noħolqu komunità ta’ kittieba fejn nitrawmu minn xulxin, bħala l-qarrejja ta’ xulxin. Ix-xogħol li ħa noħroġ jien dalwaqt ma kienx jinkiteb hekk li kieku ma ħloqniex Aphroconfuso.
Kif tagħżlu x-xogħlijiet u l-kittieba?
Loranne: Aħna ma ridniex noħolqu ġurnal għal kittieba li diġà jeżistu. Għalina kienet importanti li tinħoloq kitba ġdida minn kittieba ġodda. Ħafna mill-kontributuri tagħna l-ewwel darba li qed jiktbu bil-Malti, u għal uħud, l-ewwel darba li qed jiktbu.
Joe: M’aħniex partikolarment interessati f’affarijiet lesti – m’emminniex li l-kxaxen ta’ Malta mimlijin b’letteratura fenomenali li ma tistax issib pubblikatur, għax hawn Malta l-pubblikaturi faċilment tista’ tkellimhom. Infatti, ma nagħmlux sejħiet għall-
kitba, iżda nkellmu ‘l-kittieba aħna stess. Però ġieli jiġu fuqna nies interessati li jippubblikaw magħna.
Għalfejn għażiltu li ssiru ġurnal online?
Joe: Dan kien l-aktar mod sostenibbli għalina, għax irrealizzajna li m’hemmx biżżejjed kitba u kittieba biex nimlew ġurnal stampat mill-inqas kull tliet xhur. Għarafna li qed naħdmu ma’ nies b’ħin limitat, u b’hekk ridna xi ħaġa li taħdem bil-pass tagħha – ċertu affarijiet idumu anke sena u nofs biex jiġu żviluppati. Apparti minn hekk, nemmnu f’relazzjonijiet fit-tul mal-kittieba tagħna.
B’erba’ kotba diġà fil-qoffa, sirtu tqisu lilkom infuskom bħala pubblikaturi, jew ġurnal?
Joe: It-tnejn. Il-kitba l-ewwel tidher online, imbagħad nippubblikaw antoloġija kull sena li tinkludi kważi kulma jkun ġie ppubblikat online. Il-kotba li noħorġu kważi dejjem jibdew minn xogħol li beda fil-ġurnal, jew ma’ nies li ħdimna ħafna magħhom fuq il-ġurnal, u li diġà għandna relazzjoni magħhom.
Fit-18 ta’ Jannar ħabbartu li sirtu organizzazzjoni mhux għall-profitt. X’wassalkom għal din l-għażla?
Joe: Ikkunsidrajna kważi kollox, jekk hux kumpanija, kooperattiva, jew organizzazzjoni mhux għall-profitt. Id-deċiżjoni tagħna kienet taħlita ta’ idealiżmu u pragmatiċità. Li tipprova tagħmel il-flus minn xi ħaġa li diġà diffiċli tagħmel il-flus minnha, qisek qed tipprova toħroġ id-demm minn ġebla.
Però issa ninsabu ċerti li għamilna l-pass it-tajjeb. Issa nikkwalifikaw għall-fondi mill-Kunsill Malti għall-Arti u intgħażilna għal programm li se jippermettilna biex tul it-tliet snin li ġejjin inkunu nistgħu inħallsu b’mod xieraq lil kittieba li ma jaffordjawx jiktbu magħna.
Fit-tieni sena se nibdew nagħmlu workshops biex nittrenjaw lin-nies biex jaħdmu magħna bħala edituri, u fit-tliet sena se nagħmlu internships bil-ħlas. Nixtiequ nittrasformaw f’organizzazzjoni li tista’ tevolvi.
Apparti minn hekk, minn din is-sena ser nibdew niddokumentaw il-proċessi tagħna, u ser niktbu u nippubblikaw manwal ta’ dak kollu li nagħmlu.
Loranne: Id-dokumentazzjoni hi mod kif ix-xogħol kollu li għamilna s’issa ma jintilifx, u jkun il-bażi ta’ iżjed xogħol anke għal organizzazzjonijiet oħra.
Id-dokumentazzjoni hija importanti ħafna għalina. Pereżempju kif iħares lura Omar lejn ix-xena queer fid-90ijiet, jew ir-rabta li kellha Malta mal-Libja fit-80ijat. Hawn ħafna esperjenzi li mhux qed jiġu ddokumentati, li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar mhux qed isibu x’jaqraw dwarhom fil-letteratura Maltija.
Apparti minn hekk, rabbejna d-dixxiplina li jekk ma nafux terminu bil-Malti, irridu nsibuh, u jekk ma jeżistix, irridu noħolquh. Ħafna minn dawn it-termini li
ddiskutejna u ddokumentajna issa qed jintużaw minn kittieba oħrajn, barra Aphroconfuso.
Il-fatt li tgħixu barra minn Malta kif affettwakom bħala pubblikaturi?
Joe: Il-perspettiva internazzjonali hi importanti ħafna għalina. Aħna ma nassumux li n-nies qed jaqrawna sempliċement biex jaqraw xi ħaġa bil-Malti, imma għax għandna xi ħaġa x’noffru. Il-Malti mhux qiegħed hemm biss għal xi rakkont fuq xi raħal mingħajr isem. Tkun ħasra li jkollna idea limitata ta’ x’nistgħu ngħidu b’din il-lingwa, u mhux li nistgħu nitkellmu biha fuq kollox.
Għalina l-Malti huwa mod kif nistgħu nitkellmu bl-iżjed mod intimu u intelliġenti fuq dak li rridu ngħidu, u kif nimmetabolizzaw l-ideat, bħat-teorija queer, il-politika ekoloġika, il-postkolonjaliżmu u ideat ekonomiċi.
Il-fatt li hemm tant x’jinkiteb hija xi ħaġa eċċitanti ħafna għalina. Qegħdin f’punt storiku fejn minkejja li nkiteb ħafna bil-Malti, fadal ħafna x’jinkiteb. Mhux neċessarjament tħossha f’kull lingwa din. Kważi kważi, kulma tgħid bil-Malti għandu dan l-effett amplifikat, iktar intimu.
Kif tarawha tevolvi x-xena letterarja Maltija?
Loranne: Fenomenali. Aħna qed naħdmu biex f’temp ta’ għaxar snin oħra, naraw ix-xena letterarja tevolvi u b’saħħitha. Nixtiequ li bix-xogħol kollu tagħna naraw effett fuq il-bqija tax-xena letterarja.
Għalhekk importanti li l-ġurnal tagħna jibqa’ b’xejn u li jkun aċċessibbli għal kulħadd, anke biex naraw ġenerazzjonijiet iżgħar jieħdu interess u jiktbu.
Joe: Għalina importanti ħafna li l-ġurnal jibqa’ disponibbli għal kulħadd. M’hemmx għalfejn tkun persuna ta’ tip partikolari, jew ta’ klassi partikolari biex taqrah. Hawn min forsi jaħseb li ċertu affarijiet ma jgħoddux għalih, għax jaħseb li hemm xi etikett misterjuż. Din l-agħar forma ta’ inaċċessibilità. Il-fatt li tista’ taqra l-ġurnal fuq il-mobile jgħin biex il-letteratura ssir iżjed aċċessibbli.
X’kotba qed tippjanaw li toħorġu?
Loranne: Dis-sena għandna sitt kotba ġodda. F’April se joħroġ ir-rumanz tiegħi, Travi taċ-Ċedru, Saqaf taċ-Ċipress, f’Ġunju/Lulju se joħroġ Bur Mgħeż, ta’ Omar N’Shea, f’Ottubru ħierġa it-tieni edizzjoni tar-rumanz tiegħi Marta Marta, u f’Novembru ħa noħorgu tliet kotba: l-Antoloġija annwali, l-esej ta’ Berardi Nifs: Kaos u Poeżija, tradott għall-Malti minn Karl Baldacchino, u ktieb ieħor tal-poeżija.
Is-sena d-dieħla se noħorġu edizzjoni ġdida ta’ Frammenti ta’ Saffo, ta’ Warren Bartolo, u r-rumanz ta’ Joe.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal Aphroconfuso fis-suq barrani? Taħsbu li hemm interess għal-letteratura Maltija?
Joe: Jekk hemmx għatx għall-kotba speċifikament Maltin, ma naħsibx li mejtin biex ikollhom kotba speċifikament minn Malta. Però, l-idea hi li jkollok kotba b’saħħithom biżżejjed. Jekk mhux qed jippubblikaw kotba Maltin, din mhux xi forma ta’ vendikazzjoni. L-agħar haġa li tista’ taghmel biex tkun attraenti għal pajjiżi oħra hi li tikteb bl-iskop tat-traduzzjoni, li tipprova taqta’ x’ħa jkun relevanti għal suq partikolari.
Loranne: Fil-fatt, xi ħaġa importanti għalina fir-relazzjoni mal-kittieba tagħna hi li mhux biss insegwu l-kittieba fuq is-suq Malti, imma li ngħinuhom biex ix-xogħol tagħhom jiġi tradott u ppubblikat barra. Dak huwa parti mix-xogħol tagħna.
Joe: Infatti dis-sena se nkunu l-London Book Fair biex nippromwovu ‘l Qarn, Es Sidr, kif ukoll Marta Marta. Dan pass importanti biex tkabbar il-karriera tal-kittieb u xxerred il-letteratura Maltija barra minn Malta.
Għalina importanti li nkunu involuti f’dan il-proċess mal-pubblikaturi barranin, biex inkunu nistgħu inżommu kont ta’ x’inhu għaddej u nipproteġu l-kittieba tagħna stess. Għalina x-xogħol ma jiqafx Malta.
Loranne: Ridna nkunu komunità mmexxija mill-kittieba għall-protezzjoni tal-kittieba stess. F’din l-ekosistema, il-kittieb huwa dak li jikteb kollox, iżda l-iktar wieħed vulnerabbli. Ħafna drabi l-kittieb huwa l-aħħar u l-inqas wieħed li jitħallas. Ix-xogħol u l-kittieb għandhom jiġu protetti. Mill-arti kollha, il-kittieba l-iktar li huma f’pożizzjoni vulnerabbli u prekarja.
Joe: U dan mhux Malta biss. Importanti li ma nesaġerawx id-differenza. Malta għandna vantaġġi wkoll – għandna iżjed aċċess għall-fondi minn ħafna pajjiżi oħra. Barra huma ftit dawk il-kotba li jinbiegħu bl-eluf kbar. Inħoss li dejjem qed naspiraw għal xi ħaġa li mhix reali. Aħjar naraw x’għandna u kif ħa ntejbuh, mingħajr ma nħarsu lejn mudelli li mhumiex possibbli.
Ħadd ma jidħol fil-letteratura biex jagħmel il-flus. Però dan ma jfissirx li għandha tkun liċenzja għall-esplojtazzjoni. Il-kittieb għandu jitħallas.
