L-ilsien vjaġġatur li jbiddel surtu

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar jistedinna — litteralment — nivvjaġġaw mal-ilsien Malti huwa u jħares lejn il-ktieb Aspects of a Maltese Dialect: Iż-Żurrieqi ta’ Emanuel Aquilina. Tiskanta kif djalett wieħed Malti jieħdok il-Marokk u t-Tuneżija, l-Eġittu s-Sirja, biex niġu lura għal … Għawdex. Ilsienna vjaġġatur, il-bagalji f’idejna! 

F’“Il-Kantilena” ta’ Pietru Caxaro naqraw li “min ibiddel l-imkien, ibiddel il-vintura”. L-istess jista’ jingħad għal ilsienna li beda jifforma mal-wasla tan-Normanni f’Malta bejn is-seklu disgħa u ħdax. Filwaqt li fil-bidu ta’ dan il-vjaġġ ta’ lsienna nagħmlu r-rabta mad-djalett Sqalli-Għarbi, insibu kif bosta huma l-kelmiet minn djaletti Għarab differenti li sabu ruħhom fl-ilsien Malti. 

Fil-ktieb tiegħu Aspects of a Maltese Dialect: Iż-Żurrieqi — ippubblikat minn BDL — Emanuel Aquilina joħodna lambranzetta f’dan il-vjaġġ li jibda mill-komunità ċkejkna ta’ Bengħajsa, li kienet infatmet miż-Żurrieq, imbagħad naqset ferm fin-numru. Naraw kif fl-1960 kienet tgħodd mat-tliet mitt ruħ u fl-2022 saret tgħodd anqas minn għoxrin ruħ. Il-mod mirqum li bih l-awtur jagħmel dan bħala bniedem li trabba f’Bengħajsa bl-għarfien tad-djalett Żurrieqi hekk kif kien mitkellem fl-inħawi, juri l-imħabba tiegħu lejn dawk il-ħwejjeġ li jsawruna. 

L-ilsien 

Ilsienna jgħinna ntiegħmu, nomogħdu u nibilgħu l-ikel. Iżda lsienna huwa wkoll l-għodda ewlenija li biha nesprimu ruħna meta nitkellmu. Aquilina jidħol b’reqqa kbira għal dan id-dettall u jfisser kif l-ilsien jingħafas mal-gerżuma meta nkunu qed nispellu l-kliem. L-Għarbi jispikka fl-użu tal-ilsien, hekk kif jagħti pinzellata eħxen lill-konsonanti. Meta niġu għall-vokali, id-djalett Żurrieqi għandu t-tendenza jaħrab mill-ittri ‘e’ u ‘o’, biex ifittex it-tliet vokali ewlenin fl-Għarbi li huma l-‘a’, l-‘i’ u l-‘u’. Dan bħal ngħidu aħna l-kelma ‘mexjin’ li bid-djalett Żurrieqi tingħad ‘maxjajn’. 

Hawnhekk l-eżerċizzju li jagħmel Aquilina jibda jsir wieħed tridimensjonali billi jislet tixbihat minn djaletti varji mill-Għarbi. Fl-Għarbi mitkellem, il-varjanti ewlenin huma ħamsa, li jinkludu (i) l-Eġizzjan, li ġeografikament jifred (ii) l-Għarbi tal-Magreb minn dak (iii) tal-Lvant, u ma’ dawn it-tlieta hemm ukoll (iv) l-Għarbi tal-Golf u dak (v) tal-Meżopotamja (l-Iraq). L-akbar influwenza li Aquilina jinnota fuq id-djalett Żurrieqi ġejja mill-Magreb, partikolarment mill-Għarbi tat-Tuneżija u l-Marokk. Iżda ż-Żurrieqi jiddakkar ukoll mill-Eġizzjan u mis-Sirjan.  

Il-vjaġġ 

Pajjiżna jaf żminijiet fejn il-komunitajiet kienu jgħixu iżjed imbiegħda minn xulxin. Dan mhux għax il-qies tal-gżira kien akbar, iżda għax il-ħajja kienet mod ieħor u kull raħal kellu konfini li jingħarfu ferm iżjed. Seħħew ukoll ġrajjiet fl-istorja li wasslu biex ikun hemm bidliet radikali fil-popolazzjoni.  

Dan bħal meta t-Torok ħabtu għal Għawdex fl-1551. Dak iż-żmien huwa mifhum li minn popolazzjoni ta’ madwar tmint elef ruħ f’Għawdex, kien hemm mas-seba’ mitt raġel u bejn ħamest elef u sitt elef nisa u tfal li nqabdu bħala skjavi. Bosta minnhom intbagħtu f’Kostantinopli li llum hija Istanbul, fit-Turkija. Fis-snin ta’ wara, il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu jafu li kienet se tfaqqa’ waħda tajba minn qabel ma wasal l-Assedju l-Kbir tal-1565, u għaldaqstant ħeġġew lil bosta nieqsa minn saħħithom biex isibu post ieħor jilqagħhom. Ħafna kienu għażlu li jmorru Sqallija, iżda fl-istess waqt dak il-vojt li ħallew dawk li ġew maħtufa fl-1551, sab il-mezz kif jimtela malajr.  

Dwar din il-ġrajja t’Għawdex jikteb fid-dettall il-Professur Stanley Fiorini li jispjega kif il-gżira oħt ġiet popolata mill-ġdid bis-saħħa tal-Isqallin u tal-Maltin. Ifisser kif 60% ta’ dawk li ċċaqalqu minn Malta lejn Għawdex kienu ġejjin minn tliet reġjuni partikolari, ċoè mill-inħawi tan-Naxxar, il-Mosta u Ħal Għargħur; Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi; kif ukoll miż-Żurrieq, Ħal-Safi u l-Qrendi. Dak li ħeġġiġhom imorru lejn Għawdex kien ix-xogħol fir-raba’ u ċ-ċans li jsibu qbiela tajba biex jaħdmu fl-għelieqi fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu. 

Dan huwa xhieda tal-mod kif id-djalett jivvjaġġa maċ-ċaqliq tan-nies. Il-fatt li bosta Żrieraq isibu ruħhom f’Għawdex wara l-1551 jaf ikkontribwixxa biex naraw xebh fil-mod kif id-djalett Żurrieqi jiltaqa’ mad-djalett Għawdxi biex il-kelma ‘ummuj’ tintuża’ flok ‘ommi’. Sintendi, dan ma jnaqqasx mill-mertu tax-xebh li seta’ kien jeżisti bejn id-djaletti tal-komunitajiet li kien hemm f’Malta stess. Din hija nisġa li ma tispiċċa qatt, iżda li saret anqas kumplessa hekk kif bosta għażlu li jitkellmu l-Malti standard hekk kif evolva sa mill-pubblikazzjoni tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija li kien maħruġ mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, fl-1924.  

Il-kullana 

Għaldaqstant l-istħarriġ serju ta’ Aquilina jkompli jdomm il-kullana ta’ pubblikazzjonijiet li jgħinuna nifhmu dan l-ilsien Malti kif tħaddem b’mod differenti. L-awtur jieħu r-responsabbiltà sħiħa u kif jixraq lil pubblikazzjoni akkademika ta’ din ix-xorta jqis il-fatt li hu kiteb id-djalett Żurrieqi f’Bengħajsa eżatt kif jiftakru hu.  

Dan fil-verità għandu jkun apprezzat mill-qarrej bħala att ta’ ġenerożità lil dawk li ġejjin warajna. L-awtur jagħmel użu mill-għodod kollha li għandu f’idejh u saħansitra joffrilna immaġni grafika ta’ ħsejjes ta’ kliem li jibdlu surthom hekk kif mill-Malti li nafu, jinqalbu għad-djalett Żurrieqi. Dan narawh meta t-‘tajn’ isir ‘tojn’ jew inkella t-‘tin’ isir ‘tajn’. 

‘Jew tgħanni jew issaffar’ 

Sfumatura sabiħa oħra minn dan il-ktieb hija l-mod kif jirrifletti l-idjoma marbuta ma’ Bengħajsa. ‘Jew tgħanni jew issaffar’ tfisser li ma tistax tagħmel żewġ affarijiet fl-istess waqt. Iżda meta niġi għal dan il-ktieb naħseb li fil-verità jirnexxilu jolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda. Dan għaliex bil-għan fejjiedi tiegħu li jippreserva d-djalett ta’ tfulitu jirnexxilu jagħtina reġistru sħiħ ta’ kliem. Fl-istess waqt jippreżentahomlna fi stampa ferm akbar ta’ tixbihat ma’ djaletti minn bnadi differenti tal-baħar ta’ madwarna. Għarfien li jġegħelna nirrealizzaw kif waqt li n-nies jivvjaġġaw, l-ilsien ibiddel surtu.  

 

 

More in Arti