![[L-ewwel parti] Films dwar il-mafja](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/2_planet_of_apes.png)
Armatura tas-Samuraj esebita fl-Expo 2025: Xhieda tal-ħbiberija bejn Malta u l-Ġappun
L-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal minn delegazzjoni Ġappuniża li kienet tinkludi lill-ħassieb famuż Yukichi Fukuzawa – Samuraj, edukatur, filosfu, u figura prominenti fil-modernizzazzjoni tal-Ġappun

Tliet armaturi tas-Samuraj Ġappuniżi, li kienu ngħataw lil Malta fl-1862 bħala parti minn missjoni diplomatika, ġew restawrati bir-reqqa u magħqudin mill-ġdid minn konservaturi esperti fil-Ġappun, bis-saħħa ta’ inizjattiva ta’ kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, u l-Ambaxxata ta’ Malta fil-Ġappun.
B’turija ta’ diplomazija kulturali fl-aqwa tagħha, u fuq l-inizjattiva tal-Malta Enterprise, waħda mill-armaturi tas-Samuraj – flimkien ma’ armatura oħra minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann – se jkunu għall-wiri fil-Padiljun Malti fl-Expo 2025 f’Osaka, Kansai, proprju f’għeluq is-60 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Ġappun. Fil-padiljun ta’ Malta se jkunu esebiti wkoll repliki tal-Figura Neolitika Bilqiegħda, il-Ġebla ta’ Majmuna, u ċ-Ċippus ta’ Żmien il-Feniċi, biex jirrappreżentaw l-istorja multikulturali ta’ pajjiżna.
L-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal lil Malta minn delegazzjoni Ġappuniża li żaret Malta u li kienet tinkludi lill-ħassieb famuż Yukichi Fukuzawa – Samuraj, edukatur, filosfu, u figura prominenti fil-modernizzazzjoni tal-Ġappun. Kien ukoll il-fundatur tal-Università Keio f’Tokjo u sa ftit ilu kien jidher fuq il-karta tal-10,000 yen Ġappuniż. Id-delegazzjoni kienet parti mill-Missjoni Bunkyu, li kellha l-għan li tinnegozja trattati ġodda u ħadet sehem f’laqgħat diplomatiċi madwar l-Ewropa kollha. Waqfa f’Malta kienet ħaġa naturali minħabba l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna, u minn hawn id-delegazzjoni baqgħet sejra Franza. Din kienet l-ewwel żjara rekordjata ta’ nies Ġappuniżi f’Malta.
Minn ritratti tas-seklu 19, jidher li waħda mill-armaturi kienet għall-wiri fl-Armerija tal-Palazz tal-Gran Mastru sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-armatura ttieħdet fi mħażen taħt l-art biex tkun imħarsa mill-bombi. B’xorti ħażina, minħabba li kienet esposta għall-umdità għal żmien twil, il-partijiet organiċi tagħha therrew u għal deċennji sħaħ l-armatura ma setgħetx tiġi esebita.
Billi ma nstab l-ebda espert f’Malta u fil-bqija tal-Ewropa li kien kapaċi jirrestawra dawn l-artefatti, l-armaturi tas-Samuraj baqgħu maħżuna fil-kaxxi tagħhom sakemm fl-2016 inbeda kapitlu ġdid għalihom. F’dik is-sena, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġappun, l-E.T. André Spiteri, żar l-Armerija tal-Palazz u għaraf is-siwi tar-restawr ta’ dan ir-rigal minsi.
L-Ambaxxatur Spiteri offra li jgħin biex jinstabu esperti Ġappuniżi maqtugħin għal dan it-tip ta’ xogħol, u fil-fatt inbdiet kollaborazzjoni maċ-Ċentru tar-Restawr tal-Arti ta’ Kyoto, immexxi minn Harumasa Miyashita, liema ċentru jispeċjalizza fil-konservazzjoni ta’ artefatti storiċi Ġappuniżi. F’ħidma mill-qrib ma’ Heritage Malta, l-Ambaxxatur akkumpanja personalment lill-artefatti fraġli fi triqithom lejn il-Ġappun fl-2023 biex jiżgura l-wasla tagħhom fl-atelier qawwijin u sħaħ.
Il-proċess tar-restawr kien ikkaratterizzat minn attenzjoni kbira biex jiġu ppreservati l-materjal u t-teknika oriġinali. Tul dan il-proċess instab li dawk li kienu maħsubin li huma l-partijiet ta’ żewġ armaturi, fil-fatt kienu jinkludu l-partijiet ta’ armatura oħra li ma kinitx iddokumentata. Din kienet sejba affaxxinanti minna nnifisha.
Din l-inizjattiva ta’ restawr mhux biss wasslet għall-preservazzjoni ta’ artefatt prezzjuż iżda tissimbolizza wkoll it-tiġdid tar-rabtiet storiċi u r-rispett reċiproku bejn Malta u l-Ġappun. Dak li qabel kien rigal diplomatiku minsi issa nbidel f’ikona ta’ wirt kulturali li se tkun apprezzata mill-miljuni ta’ nies li jżuru l-Expo 2025 u aktar tard mill-viżitaturi tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
Dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn ta’ Heritage Malta biex tħares il-wirt kulturali Malti kif ukoll xhieda ta’ kemm il-kollaborazzjoni internazzjonali jista’ jkollha sehem siewi biex l-istorja tingħata ħajja ġdida u biex il-pubbliku jesperjenza, japprezza u jgħożż il-legat twil u għani bejn Malta u l-Ġappun.