
Karoo Pietà — wirja individwali, profonda u espressiva mill-artista mill-Afrika t’Isfel Glendine
It-titlu tal-wirja, Karoo Pietà, hija referenza għall-kompożizzjoni ikonika ta’ Michelangelo, iżda interpretata mill-ġdid mil-lenti tal-esperjenza ta’ Glendine — partikolarment minħabba t-telf traġiku ta’ wieħed minn uliedha

Christine X Art Gallery għandha l-unur li tippreżenta Karoo Pietà, wirja individwali, profonda u espressiva mill-artista mill-Afrika t’Isfel Glendine li se tkun miftuħa bejn l-14 u t-28 ta’ Ġunju 2025.
F’din il-kollezzjoni qawwija u personali ħafna, Glendine tistieden lill-viżitaturi fi vjaġġ emozzjonali u simboliku li jgħaqqad il-kwiet aħrax tal-pajsaġġ tal-Karoo fl-Afrika t’Isfel mar-reżonanza spiritwali tal-Madonna — figura li għandha rabta fonda mal-kultura Kattolika ta’ Malta.
Glendine tispira ruħha mill-art arida u wiesgħa tal-Karoo, spazju ta’ solitudni u memorja, fejn in-natura donnha żżomm il-preżenza u l-assenza fuq l-istess livell. Għaliha, il-Karoo mhuwiex biss post fiżiku, iżda spazju ta’ riflessjoni u konnessjoni — tila mpittra bl-uġigħ u l-fejqan. Dan il-pajsaġġ emozzjonali huwa rifless fl-użu tal-figura tal-Madonna, imma f’kuntest ġdid u personali, li jirrifletti t-telfa li esperjenzat l-artista, il-kuraġġ tagħha u l-esperjenza tagħha bħala omm.
It-titlu tal-wirja, Karoo Pietà, hija referenza għall-kompożizzjoni ikonika ta’ Michelangelo, iżda interpretata mill-ġdid mil-lenti tal-esperjenza ta’ Glendine — partikolarment minħabba t-telf traġiku ta’ wieħed minn uliedha.
Il-fużjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi distinti iżda spiritwalment qawwija — il-Karoo u l-Madonna — toħloq djalogu viżiv u emottiv bejn Malta u l-Afrika t’Isfel, bejn il-fidi u l-pajsaġġ, bejn is-sogħba u s-santwarju. Permezz tal-arti tagħha, Glendine mhux biss tibki t-telfa tagħha, iżda ssib saħħa siekta, fejn tagħti lill-viżitaturi xhieda onesta u sabiħa tal-imħabba dejjiema u tat-tfittxija għall-grazzja fit-telf.
Dwar l-artista Glendine
Ix-xogħol ta’ Glendine huwa ggwidat mill-wirt kulturali tal-Afrika t’Isfel u mill-pajsaġġi impressjonanti li jiffurmaw dik iż-żona. Imwielda u mrobbija fin-Namibja, l-ewwel ispirazzjoni kreattiva tagħha kienet it-tpittir flimkien ma’ nannitha, Zizi, li kienet mart il-poeta rinomat DJ Opperman. Studjat l-arti fina f’Pretoria Technikon, u minn hemm bdiet tifforma vuċi artistika unika, b’enfasi fuq is-sbuħija drammatika tal-pajsaġġi tal-Afrika t’Isfel.
L-arti tagħha ħafna drabi tinkludi rappreżentazzjonijiet evokattivi tal-Karoo, xogħlijiet intimi tan-natura mejta, u b’mod partikolari s-sensiela b’saħħitha tal-Karoo Madonna. Bħala omm waħedha, l-esperjenzi personali ta’ Glendine jinħassu sewwa fix-xogħol tagħha. Is-sensiela Karoo Madonna u l-pitturi tan-natura mejta tagħha jġorru temi ta’ saħħa, reżiljenza, u l-qawwa siekta tal-maternità. Mill-esperjenzi tagħha ta’ omm u ġenitur waħdu, Glendine tiċċelebra l-ispirtu dejjiemi tan-nisa f’kull forma tiegħu.
Għal 15-il sena, Glendine għexet fil-Klein Karoo — reġjun li l-pajsaġġi vasti tiegħu, il-muntanji raffi, id-djar storici, u s-smewwiet trankwilli ta’ billejl baqgħu sors kostanti ta’ ispirazzjoni. Il-pitturi tagħha jġorru, kemm is-sbuħija, kif ukoll il-ħruxija tad-deżert, u kull opra tirrifletti l-essenza unika tar-reġjun.
Fl-2011, Glendine esperjenzat it-telf devastanti ta’ binha l-kbir f’inċident tat-traffiku. Din it-telfa kienet punt ta’ bidla profonda fil-vjaġġ artistiku tagħha, hekk kif l-arti tagħha saret aktar awtentika u emozzjonalment espressiva u ma baqgħetx imrażżna mir-regoli kummerċjali tal-arti. Il-pitturi tagħha bdew jirriflettu n-niket u s-saħħa interna tagħha b’mod dirett u miftuħ.
Illum, Glendine tkompli tevolvi bħala artista billi tesplora l-astrazzjoni b’kuluri vibranti u tekniki mħallta. Għalkemm xogħolha sar aktar sperimentali, il-konnessjoni tagħha mal-Karoo tibqa’ fil-qalba tal-prattika tagħha. Issa hi bbażata f’Cape Town, fejn hemm qed tkompli tislet ispirazzjoni mis-sbuħija vasta u sottili tar-reġjun, waqt li tibqa’ tisfida l-limiti tal-espressjoni artistika tagħha.
Xogħol Glendine huwa rikk bi profondità emozzjonali u temi femministi. Xogħolha joffri riflessjoni fuq il-pajsaġġi li ffurmawha, kif ukoll ħarsa lejn il-vjaġġ kontinwu li jiddefinixxi l-evoluzzjoni tagħha, kemm bħala artista, kif ukoll bħala mara.
Dettalji tal-wirja
- Dati: l-20 ta’ Ġunju sal-5 ta’ Lulju
- Post: Christine X Art Gallery, il-kantuniera ta’ Triq Tignè u Triq Hughes Hallet, Tas-Sliema
- Ħinijiet tal-ftuħ: Tlieta – Sibt: 10 a.m. – 1 p.m. u 4 p.m. – 7 p.m.
Jekk tixtieq tara l-opri qabel ma żżur il-gallerija, tista’ żżur is-sala virtwali tal-wirja fuq Artsy: https://www.artsy.net/viewing-room/christine-x-art-gallery-glendine-i-karoo-pieta