![[It-tielet parti] Assedji kbar fiċ-ċinema](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/assedji_tielet_parti.png)
[It-tielet parti] Assedji kbar fiċ-ċinema
Fit-tielet parti ta' din is-sensiela l-ġdida tal-analiżi tal-films, Carmel Bonnici jkompli jħares lejn il-films li ttrattaw assedji, u din id-darba lejn films li jittrattaw assedji mhux tipiċi, fejn m'hemm l-ebda kastell jew forti x'jiġi difiż...

Assedji oħra li rajniehom fuq il-liżar il-kbir kienu dwar l-irvell Ċiniż f’Peking (Beijing) fis-sajf tal-1900 magħruf bħala The Boxer Rebellion fil-produzzjoni 55 Days At Peking (1963) bl-atturi Charlton Heston, Ava Gardner, Davis Niven u Flora Robson bħala l-Imperatriċi Tzu-Hsi; fl-1966 ħareġ Khartoum jerġa’ Charlton Heston fil-parti tal-Ġeneral Charles Gordon li fl-1885 kien imqabbad jiddefendi din il-belt tas-Sudan mill-invażuri Musulmani taħt il-kmand tal-aħrax Muhammed Ahmed el Mahdi (Laurence Olivier) u jitlef ħajtu f’dan l-assedju; għaqda ta’ suldati ANZAC (l-aktar Awstraljani) f’Tobruk, l-Afrika ta’ Fuq it-Tieni Gwerra Dinjija jkunu assedjati mill-Ġermaniżi f’The Desert Rats (1953); ukoll, fl-istess gwerra seħħ l-assedju aħrax ta’ Leningrad (1941-1944) fir-Russja Sovjetika minn Nazisti fejn in-numru ta’ mejtin kien kbir sewwa u ħafna minnhom mietu minn nuqqas ta’ ikel u mediċini. Intwerew ħafna dokumentarji dwar dan.
L-Assedju ta’ Sidney Street ġara fl-1910 f’dan il-post tal-East End ta’ Londra. Pulizija armati jdawru dar fejn grupp ta’ refuġjati politiċi u anarkiki Russi li anki għamlu xi serqiet, kienu qed jgħixu. The Siege Of Sidney Street (1960) fih ħadmu Donald Sinden, Peter Wyngarde u Kieron Moore.
Barra dawn l-assedji li ġraw veru u diversi oħrajn, fiċ-ċinema nħadmu diversi xogħlijiet oħra dwar assedji fittizji jew rakkontati mhux kif ġraw u stejjer ibbażati mhux ġenwinament minn fuq assedji reali jew minn fuq kotba aktarx best-sellers. Dawn ġeneralment jikkonċentraw dwar it-terroriżmu u jseħħu f’lok komuni bħal xi dar, maħżen u anki f’xi għassa tal-pulizija. Xi wħud mill-aħjar li ġew f’moħħi huma:
The Siege Of the Saxons – film Brittaniku (1963); fi sħab mal-invażuri Saxons, Edmund of Cornwall (Ronald Howard) jippjana biex joqtol lir-Re Arturu, jiżżewweġ lit-tifla tiegħu Katherine u jaħtaf ir-renju taħt idejh, imma s-saħħar Merlin (John Laurie) u Robert Marshall (Ronald Lewis), maħrub mil-liġi, jiqfulu.
Straw Dogs (1971) – dan kien wieħed mill-films l-aktar qawwija ta’ żmienu, kemm fil-vjolenza u f’sekwenza ta’ stupru, kif ukoll għax jinvadi l-emozzjonijiet ta’ min ikun. Però taħt id-direzzjoni ta’ espert ta’ din ix-xorta ta’ films bħal Sam Peckinpah, l-andament tassew jissorprendik. Koppja żagħżugħa, l-Amerikan David Sumner (Dustin Hoffman) u martu Amy (Susan George) imorru joqogħdu f’post żgħir f’Cornwall, l-Ingilterra fejn twieldet hi. Xi ħaddiema jaħdmu fid-dar tagħhom jieklu bil-ħars lil Amy u wieħed minnhom jistupraha b’mod goff waqt li David jaġixxi b’mod mistħi u ta’ beżżiegħi. Meta fid-dar tagħhom jasal Henry Niles (David Warner), imfittex għax bi żball qatel tfajla, u milqut mill-karozza ta’ David, il-ħaddiema li qabel ġew imkeċċija jiġu biex jagħmlu vendetta minnu. David joġġezzjona li jtih f’idejhom u dawn jassedjaw id-dar u hawn tibda orġja ta’ vjolenza liema bħala b’David issa jbiddel l-attitudni tiegħu ta’ wieħed xipli. Il-film hu bbażat minn fuq it-thriller pskoloġiku tal-awtur Skoċċiż Gordon Williams, The Siege Of Trencher’s Farm.
The Siege of Pinchgut (1959) – tliet irġiel jippruvaw jaħarbu mill-ħabs, imma l-pjan tagħhom jisfratta meta d-dgħajsa li jkun fiha tegħreq ftit ’il barra mill-port ta’ Sydney, l-Awstralja, qrib il-gżira ta’ Fort Denison, magħrufa aħjar bħala Pinchgut. Dawn jaħtfu l-gwardjan ta’ hemm u lil familtu bħala ostaġġi u jheddu b’kanun li jisparaw fuq vapur fil-port mimli splussivi jekk ma jkollhomx ġuri ieħor mill-ġdid. Il-pulizija tal-post idawru dan il-post, bil-bugħaddasa lesti għalihom. L-istorja kif murija hi fittizja, però ġara każ mhux daqshekk simili fl-1944 meta żewġ priġunieri Ġermaniżi heddew li jisplodu vapur jekk ma jmorrux l-Arġentina.
Assault On Precinct 13 (1976) – Film li jimxi b’andament meraviljuż u mill-aktar sorprendenti, dirett b’ħila kbira minn John Carpenter li bbaża l-istorja minn fuq il-Western klassiku favorit tiegħu, Rio Bravo (1959). Bħala l-editur tal-film, Carpenter uża l-psewdonimu John T. Chance li huwa l-isem ta’ John Wayne, il-protagonist ta’ Rio Bravo. Uffiċjal tat-traffiku, żewġ kriminali u segretarja jiddefendu għassa battala tal-pulizija f’Los Angeles minn gang irrabjati għatxana għall-vendetta. L-eċitament ma jħallikx taqla’ għajnejk minn fuq l-iskrin. Mhux ta’ b’xejn li dan il-film indipendenti magħmul b’baġit modest ħa l-fama ta’ xogħol kult. Fl-2005 reġa’ nħadem b’impatt ħafna aktar imnaqqas.
Speak No Evil (2024) – Film ieħor b’andament psikoloġiku/biża’ li jbaqbaq bil-mod sakemm jisplodi fil-final. Koppja żagħżugħa tkun mistiedna tgħaddi l-weekend għand koppja oħra suppost ħbieb tagħhom u fl-aħħar jindunaw li dawn mhux ta’ min jafdahom. Jispiċċaw b’assedju mbarrati fid-dar tagħhom. L-atturi huma James McAvoy, Mackenzie Davis, Scoot McNairy u Aisling Franciosi.
F’dawn l-artikli għażilt forsi l-aħjar xogħlijiet ta’ dan il-ġeneru!